Legislature:
Category:
Reset
Active:

Naxxar — Banda Peace - ftuħ tal-każin

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-każin tal-Banda Peace ġewwa n-Naxxar għadu magħluq? Meta jaħseb li dan il-każin tal-banda li soċjalment u kulturalment jagħti kontribut kbir fin-Naxxar ikun jista' jerġa' jiffunzjona b'mod regolari?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-każin imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien ġie ordnat li jinżamm magħluq, bħala parti mill-Inkjesta Maġisterjali dwar l-isplużjoni li kienet seħħet fin-Naxxar nhar it-12 ta’ Marzu tas-sena l-oħra, li fiha kienu mietu żewġ persuni, wara li kien instab illi ġewwa dan l-istess każin kien qed jiġi maħżun materjal esplossiv. Peress illi din l-Inkjesta Maġisterjali għadha mhix konkluża, mhinix f’pożizzjoni li nwieġeb għat-tagħrif mitlub.

Faċilitajiet għall-klandestini

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn jinsabu l-faċilitajiet li jżomm il-klandestini fihom? Kemm huwa l-massimu ta' persuni li dawn il-faċilitajiet jistgħu jieħdu? Fejn hemm ħsieb li jinħolqu faċilitajiet ġodda għall-klandestini li għad iridu jiġu fis-sena 2009?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent hemm tlett ċentri ta' detenzjoni, jiġifieri, f' Safi Barracks, fl-Lyster Barracks ġewwa Ħal-Far u ġewwa ċ-centru tal-pulizija f' Ta' Kandja, limiti tas-Siġġiewi, li jakkomodaw 1100, 875 u 200 immigrant illegali rispettivament. Preżentement ma hemm ebda ħsieb li jinħolqu faċilitajiet ġodda.

Kwota ta' Klandestini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandniex kwota massima ta' klandestini li aħna bħala Maltin nistgħu naċċettaw f'pajjiżna? Jekk le, għaliex m'għandniex din il-kwota? Kemm huwa ppjanat li pajjiżna jista' jiflaħ iżomm f'dinjità il-persuni li jidħlu f'pajjiżna b'mod klandestin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-immigranti li qed jirreferi għalihom bħala ‘klandestini’ ma jidħlux Malta taħt xi skema strutturata li l-awtoritajiet Maltin jirregolaw. Dawn l-immigranti irregolari jiġu bla avviż, f’numri li jvarjaw, u bi frekwenza indeterminata, u dan l-aktar għax isibu ruħhom f’diffikulta’, jkunu qed jegħrqu jew ser jegħrqu, fl-ibħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tagħna. F’dawn is-sitwazzjonijiet huwa obbligu internazzjonali tagħna, bħal ta’ pajjiżi oħra fiż-żoni ta’ responsabbilta’ tagħhom, li nestendu l-għajnuna lil dawn in-nies, u filwaqt li napplikkaw il-Liġi tal-Immigrazzjoni u regolamenti oħra relevanti sabiex min jixraqlu xi forma ta’ protezzjoni tingħatalu, fl-istess ħin, min jinstab li huwa sempliċement immigrant illegali, jittieħdu l-passi fil-konfront tiegħu biex ikun ripatrijat mill-aktar fis possibbli. Għalhekk nitolb lill-Onorevoli Membru jelabora izjed x’qed jifhem bi kwota ħalli nkun nista’ nwieġbu aħjar.

Klandestini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies klandestinament bejn Jannar u Diċembru 2008? Kemm minn dawn kienu nisa, irġiel u żgħażagħ taħt it-18-il sena? Ta' liema nazzjonalità kienu? Kemm minnhom għadhom jgħixu hawn Malta u kemm minnhom intbagħtu lura?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra daħlu f’Malta 2,775 immigrant illegali, kif jidher fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ħafna minn dawn il-persuni għamlu talba għall-ażil skont l-Att dwar ir-Refuġjati, Kap. 420 tal-Liġijiet ta’ Malta. Għaldaqstant, m’huwiex possibbli li wieħed jibda l-proċeduri ta’ ripatriazzjoni qabel ma’ talba għall-ażil tkun ġiet pproċessata. Barra minn hekk, applikanti jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jappellaw minn deċisjoni li tinqata’ kontrihom. Dan, għalhekk, iwassal biex jitwal iż-żmien sakemm tittieħed id-deċisjoni finali. Nixtieq inżid ngħid illi preżentement u bħala regola, immigranti minn pajjiżi bħalma huma s-Somalja u l-Eritrea, ġeneralment jingħataw xi forma ta’ protezzjoni u allura ma jkunx possibbli li jintbagħtu lura lejn pajjiżhom. Skont l-informazzjoni li tidher fit-tabella, aktar minn nofs il-persuni li daħlu Malta kienu ġejjin proprju minn dawn iż-żewġ pajjiżi. Għar-rigward l-aħħar domanda l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 11 PQ #5916 Sitting 84 2009-02-17 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — fixed point duties

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn fixed points duties li l-Pulizija jagħmlu ta' kuljum bħala parti mis-servizz ta' sigurtà li jagħtu? Ma' min qed isiru?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħal ma ġieli għid f'okkażjoni oħra, mhix il-prassi li jingħata tagħrif dwar miżuri ta' sigurta' li jittieħdu mill-Awtoritajiet meta u fejn ikun meħtieġ.
Leg 11 PQ #5918 Sitting 84 2009-02-17 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — Memebri li jattendu l-Università ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija, illi qegħdin jattendu korsijiet ġewwa l-Università ta' Malta waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom, esklużi dawk li qed jagħmlu l-kors għal spettur?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm membru wieħed li qed jattendi kors fl-Universita' ta' Malta darbtejn fil-ġimgħa waqt il-ħin tax-xogħol, u dan wara li kienet saret sejħa permezz ta' Ċirkolari Numru OPM 17/08.
Leg 11 PQ #5919 Sitting 84 2009-02-17 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Bord tal-Pulizija għan-Negozjar

Question

Jista' l-Ministru jagħti raġuni il-għala il-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar, imwaqqaf skond il-liġi għadu qatt ma' ltaqa matul din is-sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar kien ilu xi ftit ma jiltaqa’ peress li diversi materji li kienu qed jiġu diskussi mill-Bord ġew imressqa quddiem il-Bord tal-Arbitri, kif hemm previst fil-liġi. Madankollu, nista' ninforma lill-Onorevoli Interpellant li se ssir laqgħa tal-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar proprju llum, 17 ta’ Frar.
Leg 11 PQ #5920 Sitting 84 2009-02-17 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — Kwartieri Ġenerali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa flus ir-rinovament tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant, ix-xogħol ta’ manutenzjoni u rinovament f’bini tant kbir u qadim, bħal ma huwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, huwa wieħed kontinwu. Matul dawn l-aħħar snin saru diversi xogħolijiet, oħrajn għadhom għaddejjin, filwaqt li xogħol ieħor għad irid isir. Dan ix-xogħol isir kollu mit-Taqsima tas-Snajja fi ħdan l-istess Korp. Ħafna mill-materjal użat huwa dak ġeneriku li jinxtara sabiex jintuża għall-ħtiġijiet kemm tal-Kwartieri Ġenerali, kif ukoll ta’ l-Għases u d-diversi Taqsimiet u bini ieħor għad-dispożizzjoni tal-Korp. Ninsab infurmat illi ma jinżammux dettalji separati dwar kemm tiġi tiswa kull biċċa xogħol .
Leg 11 PQ #5921 Sitting 84 2009-02-17 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — tagħmir u computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-għasses tal-Pulizija ta' Malta se jkun attrezzati kollha b'tagħmir u computers sabiex il-membri tal-korp ikunu jistgħu iwettqu dmirhom u l-pubbliku jinqeda aħjar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bħalissa l-Għases prinċipali u oħrajn, 26 b'kollox, huma mgħammra b'sistemi kompjuterizzati, kif ukoll imqabbda mas-sistema ċentrali. Matul din is-sena huwa mistenni li 16 il-Għassa oħra jkunu wkoll imqabbda mas-sistema ċentrali.

Offiżi ta' natura sesswali

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5608, jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Avukat Ġenerali m'appellax meta kien hemm ċertu każi li pubblikament kien intqal li ser isir appell?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Illi f’materja kriminali l-Avukat Ġenerali skont il-Kostituzzjoni jaġixxi fil-ġudizzju individwali tiegħu u ma hux soġġett għad-direzzjoni ta’ ebda persuna oħra u għalhekk ma inhix f’pożizzjoni li ngħid x’kienu r-raġunijiet li minħabba fihom huwa ddeċieda li ma jappellax. Ir-raġunijiet ivarjaw minn każ ghal każ u għalhekk kont inkun f’pożizzjoni biex nirregola ruħi aħjar kieku l-Onor Interpellant jagħtini informazzjoni aktar preċiża dwar il-każ jew każijiet li jidher għandu f’moħħu b’mod partikolari u ċioe` il-każi li l-Onor Interpellant jgħid li dwarhom pubblikament kien intqal li ser isir appell. Jidher li jista’ jkun li l-allużjoni hi għall-istess każ li għalih saret riferenza riċentement f’gazzetta lokali li kien jirrigwarda żewġt aħwa Rumeni. Jekk hu hekk jirriżulta li l-fatti f’dak il-każ ġraw fl-1998 u għalhekk il-każ ma jidħolx fil-parametri tad-domanda parlamentari 5608 li kienet tirreferi għal rapporti li saru fis-sena 2007 u 2008 u għalhekk għal fatti li ġraw ferm wara l-1998. Jista’ jiżdied li fil-każ imsemmi, il-Qorti tal-Maġistrati kienet imponiet sentenza ta’ sitt snin priġunerija. L-Avukat Ġenerali fil-fatt appella dik is-sentenza u l-Qorti ta’ l-Appell Kriminali bidlet is-sentenza billi żiedet il-piena ta’ priġunerija minn sitt snin għal għaxar snin.

Inkjesta fuq ħruq ta' karozza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5669 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jara l-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jinbagħtu separatament li ħarqulu l-karozza fis-6 ta' Ġunju 2007 u qiegħed jistenna li tintemm l-inkjesta għax minħabba dan il-preċedent l-insurance ma tistax tħallas lil dan is-Sinjur?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-proċess verbal in kwistjoni daħal l-uffiċċju ta' L-Avukat Ġenerali fit-23 ta' Jannar 2009. Fuq talba tad-ditta assikuatriċi konċernata ser tintbagħat lilha kopja tal-proċess verbal in kwistjoni wara l-ħlas tad-dritt dovut.
Leg 11 PQ #5910 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija f'taqsimiet differenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi hemm pulizija stazzjonati f'taqsimiet differenti jagħmlu l-istess xogħol, iżda ma jieħdux l-istess allowances?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress li hemm diversi tipi ta' allowances li jingħataw fil-Korp tal-Pulizija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu.
Leg 11 PQ #5911 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — training shorts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jinbidlu t-training shorts li ġew mogħtija lill-pulizija, speċjalment il-pulizija nisa, li qed ikunu ta' inkonvenjent kbir għalihom minħabba l-materjal trasparenti li huma magħmulin minnhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-training shorts li jintuża mill-membri tal-Korp tal-Pulizija waqt it-taħriġ li jingħata fl-Akkademja tal-Pulizija, huwa wieħed standard ta’ ditta internazzjonali rinomata li tipprovdi lbies sportiv. Madankollu, hemm ukoll il-ħsieb li kull membru tal-Korp jingħata track suit sabiex meta jkun meħtieġ, ikun jista’ jintlibes fuq ix-shorts.
Leg 11 PQ #5912 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Bord tal-Pulizija għan-Negozjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba iltaqa' il-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar imwaqqaf b'liġi, din is-sena, u kemm-il darba iltaqa' minn kemm ilu mwaqqaf sena b'sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar din is sena għadu ma ltaqax. Minn kemm ilu mwaqqaf dan il-Bord iltaqa’ tnax il-darba, f’dawn id-dati li jidhru hawn taħt: 11-10-2005 03-06-2005 15-07-2005 14-12-2005 17-02-2006 28-04-2006 13-06-2006 10-04-2007 29-05-2007 18-06-2007 30-07-2007 29-11-2007
Leg 11 PQ #5914 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — għasses - mezzi ta' sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi jintroduċi mezzi ta' sigurtà ġewwa l-għasses bħal barra minn pajjiżna sabiex il-Pulizija jiġu protetti minn xi attakk jew mard?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istil ta’ policing addottat mill-Korp tal-Pulizija, magħruf ukoll bħala “community policing”, huwa dak li jkun qrib u f’kuntatt dirett mal-membri tal-kommunita`, kemm dawk residenti kif ukoll dawk li jkunu qed iżuru pajjiżna. Barra minnhekk, ma nħossx li s-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna tirrikjedi li jiġu introdotti dawk il-mezzi li qiegħed jipproponi l-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #5915 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — beat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi raġuni għala pulizija fuq il-beat dejjem ikun waħdu anke bil-lejl u mhux armat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm hija l-prassi li membru tal-Korp tal-Pulizija jkun fuq il-beat waħdu, jekk u meta ċ-ċirkostanzi jkunu jirrikjedu mod ieħor, dan jiġi assistit minn membri oħra skont il-ħtieġa attwali. Ta’ min wieħed iżid illi matul dawn l-aħħar snin, il-Korp tal-Pulizija għamel investiment kbir li wassal biex kull membru tal-Korp li jaħdem fuq il-beat ikollu mezzi ta’ kommunikazzjoni tiegħu personali, biex b'hekk ikun jista' jagħmel kuntatt dirett u immedjat kemm ma’ l-Għassa ta’ fejn ikun stazzjonat kif ukoll mal-Kwartieri Ġenerali. Barra minn hekk, il-membri tal-Korp ġew ukoll ipprovduti b'mezzi sabiex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom aħjar, mingħajr l-użu ta' forza letali. Dawn il-mezzi jinkludu manetti, pepper spray u lembubi. L-Att dwar il-Pulizija jipprovdi wkoll, fost l-oħrajn, għall-użu ta’ armi tan-nar jew ta’ armi oħra sabiex tiġi ppreservata l-ħajja ta’ l-uffiċjali tal-Pulizija jew ta’ oħrajn. Għaldaqstant, fejn huwa permessibbli bil-liġi u meta ċ-ċirkostanzi ikunu jirrikjedu, membru tal-Korp tal-Pulizija jista’ jġorr u anke’ juża arma tan-nar.

Assistance and Rescue Officer

Question

Jista' l-Ministru jara li l-kandidat eċċellenti tal-persuna li ismu qed jidher separatament, li dan l-aħħar applika għall-position of Assitance and Rescue Officer in the Civil Protection Department, li ilu volontier għal żmien twil, jiġi kkonsidrat bħala wieħed eleġibbli bħala kandidat għal dan il-post wara ċ-ċirkolari MPO 109/2008 datata 28 ta' Novembru 2008? Jara l-Ministru li din kif qegħda tiġi interpretata qiegħda taqta' qalb dawk kollha li jħobbu dan ix-xogħol u sal-lum għadhom mhumiex full time employees fid-dipartiment?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li s-sejħa li saret permezz taċ-Ċirkulari MPO 109/2008 biex jimtlew positijiet vakanti ta’ Assistance and Rescue Officer taqa’ taħt ir-regolamenti tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Il-kriterji ta’ eliġibilita’ huma stabbiliti skont dawn ir-regolamenti u skont il-Ftehim applikkabli għall-Klassi tal-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, li jitlob li dawn il-positijiet ikunu eliġibbli għalihom uffiċjali pubbliċi, ċioe` nies impjegati mal-Gvern. Infurmat ukoll illi l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru ma tissodisfax dan il-kriterju u għalhekk mhijiex eliġibbli għal dan il-post.
Leg 11 PQ #6055 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Armi tan-nar rreġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn armi rreġistrati fil-pajjiż ( mhux dawk rreġistrati għal skop ta' kaċċa biss) u x'tip ta' armi huma?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant
Leg 11 PQ #6058 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Immigranti illegali nieqsa

Question

Tul is-snin li fihom il-pajjiż ilu jiffaċċja l-problema ta' l-immigrazzjoni illegali, kien hemm każi li fihom ġew rrappurtati bħala nieqsa immigranti illegali li kienu miżmuma fil-faċilitajiet li hawn madwar il-pajjiż u li fihom jinżammu dawn l-immigranti? Jekk kien hemm każi rapportati, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu u ta' liema età kienu dawk rrapurtati nieqsa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar seba' snin, jiġifieri minn meta tfaċċat il-problema ta' l-immigrazzjoni illegali sallum, kien hemm 397 immigranti illegali li nstabu li ġew nieqsa mill-faċilitajiet fejn kienu miżmuma. L-etajiet tagħhom kienet tvarja bejn id-19 u l-44 sena.
Leg 11 PQ #6183 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità korrettiva ta' Kordin — Sezzjoni YOURS

Question

Jista' l-Ministru jispjega kemm huwa l-ammont ta' residenti fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin tas-sezzjoni YOURS li tqiegħdu f'ċella ta' iżolament xahar b'xahar fl-aħħar sena? Persuna li jitpoġġa f'ċella ta' iżolament kif jinżamm liebes? Iċ-ċella ta' iżolament tkun attrezzata b'mod li t-temperatura tiġi aġġustata 'l fuq meta jkun l-eqqel tal-bard, bħalma kien f'Jannar li għadda?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2008 in-numru ta' priġunieri fis-sezzjoni tal-YOURS li għamlu xi perijodu ta' reklużjoni huwa kif ġej:- Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm protokol stabbillit rigward l-ilbies li huwa bbażat fuq ir-raguni li għaliha il-pruġunier ikun tpoġġa f’ dan il-post. Jekk, per eżempju, priġunier ikun hedded li jweġġa' lilu innifsu, allura, wara konsultazzjoni mal-awtorita' medika tal-facilita’- jiġi deċiż x'ilbies għandu jingħata. Maż-żmien, l-ilbies jiġi revedut skont l-imġieba u l-andament tal-priġunier. Infurmat ukoll li meta fil-passat kien hemm attrezzaturi biex jikkontrollaw it-temperatura f'dawn il-postijiet, wieħed mill-priġunieri pprova jqabbad is-saqqu li kellu, minkejja li dan it-tagħmir kien installat fl-għoli. Għaldaqstant, sabiex ma jweġġa’ ħadd, il-priġunier illum jingħata numri ta' kutri termiċi skont il-bżonnijiet tiegħu.