Jista' l-Ministru jara li fit-triq li tieħu lejn il-Baħrija fl-inħawi tal-Ġibjun jsir il-patching meħtieġ sabiex jitnaqqas il-periklu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet, liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta jitkompew ir-rubber bollards li kienu miftehma li jsiru mal-Kunsill Lokali tal-Mosta, sabiex f'istess triq jitnaqqas kemm jista' jkun il-perikolu peress li fil-preżent, karozzi qegħdin iduru mal-bollards u qed jinħoloq perikolu ta' inċident bħal ma diġà kien hemm bosta fil-passat?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ix-xogħlijiet mill-Enemalta jkunu lesti, Transport Malta tagħmel wiċċ ġdid fit-triq imsemmija u jitwaħħlu il-bollards mitluba.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji permezz ta' Transport Malta sabiex traffic calming measures li għandna fil-bliet u r-rħula tagħna f'Malta u Għawdex ikunu indikati b'sinjal u żebgħa meħtieġa sabiex ikunu jidhru aktar u dan għaliex qed ikun hemm ilmenti mingħand bosta xufiera li qed jaraw li fid-dlam ħafna calming measures ma għandhomx iż-żebgħa u s-sinjali meħtieġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta kontinwament tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura is-sigurtà fit-toroq tal-bliet u r-rħula Maltin u Għawdxin.
Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għal boutique hotels, guesthouses u akkomodazzjonijiet oħra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet mill-bidu ta’ din is-sena ‘l hawn għand l-Awtorità tal-Ippjanar għal boutique hotels, guesthouses jew forom oħra ta’ akkomodazzjoni? Jista’ l-Ministru jaqsam din l-informazzjoni fi skeda li tindika kemm daħlu tali applikazzjonijiet skont kull lokal f’Malta u f’Għawdex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għal medium u high-rises
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet mill-bidu ta’ din is-sena ‘l hawn għand l-Awtorità tal-Ippjanar għal medium u high-rises? Jista’ l-Ministru jaqsam din l-informazzjoni fi skeda li tindika kemm daħlu tali applikazzjonijiet skont kull lokal f’Malta u f’Għawdex?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2637, l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet għaxar (10) applikazzjonijiet ta’żvilupp relatati ma’ medium u high-risesmatul din is-sena.
It-tabella t'hawn taħt qed tagħti l-ammont kwotat skont il-kunsill lokali relevanti.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-istess Awtorità fuq applikazzjoniet fuq Screening Applications aċċettati bħala kompluti u Outline Applications ivvalidati mill-01/01/2017 sal-lum u li jirrelataw ma’ bini medium u high-rises.
Kunsill Lokali
Ammont
Birkirkara
2
Gżira
2
Marsa
1
Msida
1
Qormi
1
San Ġiljan
2
Sliema
1
Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar – proġetti infrastrutturali/kapitali
Question
Jista' l-Ministru jindika liema proġetti infrastrutturali / kapitali mistennija jsiru mill-Gvern fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar matul is-sena 2018?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista aġġornata ta’ interventi fil-lokalitajiet rispettivi li jkunu qed isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Ma jaħsibx il-Ministru li l-promenade tal-Għadira wasal iż-żmien li jsir investiment xieraq fuqu bħal xogħlijiet oħra li saru tul l-aħħar 20 sena fuq promenades simili madwar Malta u Għawdex f'żoni mhux biss turistiċi iżda anke żoni li jattiraw ħafna familji Maltin?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-subway li hemm f’Tal Qroqq u li tintuża minn mijiet ta’ studenti ta’ kuljum hija bla dawl u billejl hija perikoluża ħafna? Jista’ jgħid għaliex din is-subway ħafna drabi tkun maħmuġa tant li ħafna studenti jippreferu jaqsmu t-triq minn fost il-karozzi b’periklu kbir għalihom, milli jużawha?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dawl li hemm bħalissa fl-Iskate Park inxtegħel u huwa adegwat. L-Awtorita’ Transport Malta ser tkun qed iżżid l-illuminazzjoni fl-inħawi kollha ħalli tissaħħaħ is-sigurta’.
Rigward it-tindif, l-informazzjoni meħtieġa għandha tintalab mill-Ministru ikkonċernat.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — sistema tal-informatika mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk l-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li għad għandhom l-użu tas-sistema tal-informatika tagħhom mhux kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ jista’ jgħid liema huma d-dipartimenti/entitajiet u x’qed isir biex din issir aċċessibbli?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ilu jsegwi l-linja-gwida tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija tal-Informatika (FITA) mindu din twaqqfet fis-sena 2000.
Minkejja li hemm diversi entitajiet u dipartimenti li b’xi mod jew ieħor jirregolaw l-industrija tal-kostruzzjoni u l-ħaddiema li jaħdmu fiha, jista’ l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li dawn kollha jiġu integrati u b’hekk titnaqqas il-burokrazija u jaħdmu b’mod aktar effiċjenti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan id-dawl, billi hemm ħafna frammentazzjonijiet f’dak li għandhom x’jaqsmu direttament jew indirettament mall-industrija tal-bini, hemm il-ħsieb li jiġu kemm jista’ jkun miġbura flimkien taħt kappa komuni. B’hekk inkomplu nagħtu servizz aħjar liċ-ċittadin u nnaqqsu l-burokrazija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx time-frame dwar meta se jsiru t-toroq ta’ Tarġa Gap fil-Mosta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista aġġornata ta’ interventi fil-lokalitajiet rispettivi li jkunu qed isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Peress li qabel l-elezzjoni ntbagħtet ittra lir-residenti ta’ Triq Madre Tereża, il-Mosta, li se ssir it-triq bit-tarmak, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar timeframe u meta se ssir din it-triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija mdaħħla fil-programm tax-xogħlijiet u qiegħda fuq lista ta’ prijorità.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex il-prassi li ma tingħatax lura t-tag tal-liċenzja ta' xufier ta' taxi lill-persuna li tkun għadha kemm temmet sentenza ħabs? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu ż-żmien wara li tkun ġiet skontata s-sentenza li tingħata lura t-tag?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.59 – Regolamenti dwar Servizzi tat-Taxi, persuna ma titqiesx li tissodisfa il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni u kondotta tajba kif meħtieġ taħt ir-Regolament 11 jekk:
għal dak il-perjodu ta’ żmien li jiġi minnufih wara dak iż-żmien li hija tkun għamlet tiskonta piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn xahar li tkun ingħatat lil dik il-persuna għal reat jew reati marbuta ma’ vjolenza fuq persuna oħra, liema perjodu jkun:
(i) sena fir-rigward ta’ pieni ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn xahar iżda li ma jkunux aktar minn sena;
(ii) daqs iż-żmien ta’ priġunerija li għalih persuna bħal dik tkun ikkundannata piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn sena iżda li tkun inqas minn għaxar
snin; u
(iii) għaxar snin fir-rigward ta’ pieni ta’ priġunerija ta’ għaxar snin jew aktar;
għal dak il-perjodu ta’ żmien li jiġi minnufih wara ż-żmien li tkun għamlet tiskonta piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn xahar, minbarra pieni li tkun ingħatat fir-rigward ta’ dik il-persuna għal reat jew reati marbuta ma’ vjolenza fuq persuna oħra, liema perjodu jkun:
(i) daqs iż-żmien ta’ priġunerija li għalih persuna bħal dik tkun ġiet ikkundannata piena ta’ priġunerija ta’ inqas minn ħames snin; u
(ii) ħames snin fir-rigward ta’ pieni ta’ priġunerija ta’ ħames snin jew aktar;
Meta applikant kellu inqas minn tmintax-il sena meta wettaq ir-reat, il-perjodi msemmija m’għandhomx ikunu ta’ aktar minn sentejn.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — konsulenzi minn individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Qabel Awwissu 2013 l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet użu mis-servizzi tad-ditta legali Abela, Stafrace & Associates.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u Suq tal-Proprjetà - konsulenzi minn individwu
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u Suq tal-Proprjetà jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1632 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ntalbet tagħti servizz legali bħala avukat lill-Awtorità tal-Artijiet minn Ġunju 2017 ‘il hawn?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li 7 persuni intalbu jagħtu servizzi legali bħala avukat minn Ġunju 2017 ‘il hawn
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1631 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed titħallas il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għas-servizz li qiegħda tagħti lill-Awtorità tal-Artijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Avukata msemmija qed titħallas skont it-tariffa li toħrog mil-liġi u skont il-linji gwida għall-ħlasijiet professjonali li toħrog il-kamra tal-avukati skont kif applikabli. Minbarra hekk, jista’ wkoll jirreferi ghat-tweġibiet diġà mogħtija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fuq mistoqsijiet parlamentari 1633 u 2253 dwar l-istess tema.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1630 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġiet maħtura bħala avukat għall-Awtorità tal-Artijiet u jekk dan sarx wara sejħa pubblika? Jekk le għaliex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Avukatessa li isimha qed jingħata separatament inħatret bħala avukata tal-Awtorità tal-Artijiet fil-25 ta’ Ġunju 2017 b’mod dirett. Dan għaliex hija persuna intiża kemm fil-liġi tal-Awtorità u dik tal-Artijiet tal-Gvern. Minbarra hekk, jista’ wkoll jirreferi ghat-tweġibiet diġa mogħtija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fuq mistoqsijiet parlamentari 1633 u 2253 dwar l-istess tema.