Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Furjana – Dar il-Mistrieħ – Xogħol ta’ rinnovazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21463 u jgħid min kienu l-kuntratturi li għamlu x-xogħol ta’ rinnovazzjoni f’Dar il-Mistrieħ, il-Furjana? Jista’ jgħid ukoll x’kien il-valur ta’ kull servizz li ngħata kif ukoll jekk dan is-servizz ingħatax b’direct order jew b’tender?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — Krozzi

Question

Jista' l-Ministru jwie[eb il-mistoqsija parlamentari 21558 u jgħid jekk fl-Isptar Mater Dei hemmx nuqqas ta' krozzi li jistgħu jinkrew? Jista' jgħid ukoll għaliex qed jingħad lil persuni li għandhom bżonn il-krozzi biex imorru jixtruhom minflok?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm krozzi fl-isptar Mater Dei.

Injezzjoni kontra l-Influwenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-injezzjoni kontra l-influwenza hix se tingħata fil-klinika eżistenti fil-Mellieħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li din is-sena it-tilqim li ser jingħata mhux l-istess bħal fis-snin imgħoddija. Dan ifisser illi l-programm ta’ tilqim rakkomandat għal din ix-xitwa ħa jkun jilqa’ għall-infezzjonijiet tal-viruses tal-influwenza, COVID-19 u Pneumococcus. Matul ix-xhur tax-xitwa, dawn l-infezzjonijiet mingħajr dawn it-tilqim, iwasslu għall-mard serju f’persuni anzjani. Kif ħabbart f’konferenza stampa aktar kmieni llum, l-istrateġija tal-Gvern hi li persuni ’il fuq minn 65 sena jeħduhom it-tlieta għax it-tlieta li huma tal-akbar benefiċċju sew għall-persuni ndividwali kif ukoll għas-sistema tas-saħħa nġenerali. Li jittieħdu l-vaċċini fl-istess ħin huwa l-aktar mod effikaċi biex jintlaħqu dawn il-miri. Madankollu hemm riskji ta’ side-effects (allerġiji) li jistgħu jkunu mmedjati. Għaldaqstant is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tirrakomanda li din is-sena, t-tilqim jiġi amministrat taħt is-superviżjoni ta’ tabib li jkun preparat għal xi eventwalità.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – direct orders għal security services u għas-servizz ta’ skrivani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti u għala nħasset il-ħtieġa li tinħareġ din id-Direct Order 'NP for the Provision of Clerical Services through a Service Provider for GGH (Status: Evaluation) CFT CA UNIQUE ID: 014-6040/24 - CPSU 1533/23/Part 1'? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-valur u għal kemm hu l-perjodu ta' żmien ta' din id-Direct Order u kemm-il siegħa ta' Security Service hemm ippjanata li tingħata permezz ta’ din id-direct order u kemm-il parti oħra hemm ippjanata li tinħareġ permezz ta’ direct order għal servizz ta' skrivani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Direct order fuq Security Services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti u għala nħasset il-ħtieġa li tinħareġ id-Direct Order 'Negotiated Procedure for the Provision of Security Services for the Gozo General Hospital'? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-valur u għal kemm hu l-perjodu ta' żmien ta' din id-Direct Order u kemm-il siegħa ta' Security Service hemm ippjanata li tingħata permezz ta’ din id-direct order?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Promozzjonijiet/żidiet fl-iskali tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il promozzjoni jew żieda fi skala ngħatat lill-ħaddiema fil-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema grad/skala kienu dawn il-ħaddiema u f'liema grad/skala tpoġġew?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-promozzjonijiet li jingħataw u anke l-career progressions, huma kollha skont dak miktub fis-sectoral agreements, u anke l-collective agreements applikabli. Is-sejħiet huma dawk standard li jinħarġu kif appovati ċentralment u jirriflettu l-ftehim rispettivi.

Organizzazzjoni volontarja — Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20498 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm ingħataw fondi lill-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Impjegati u/jew konsulenti li huma f’Kunsill lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-impjegati u/jew konsulenti fis-Segretarjat Ministerjali tiegħu jew ta' kwalunkwe Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu, li huma Kunsilliera Lokali, Viċi Sindki jew Sindki? Jista' f'kull każ jgħid x'inhu l-impjieg u r-rwol tagħhom, x'kuntratt għandhom, u x'inhu s-salarju u l-perkaċċi marbutin miegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li żewġ impjegati ġew eletti fil-Kunsilli Lokali; Viċi Sindku u Kunsilliera.

Ċentri tas-Saħħa – preżenza ta’ tobba — ħinijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ħinijiet ikun hemm preżenza tat-tabib fiċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana, Gżira, Mosta, Rabat, Raħal Ġdid, Bormla, Ħal Kirkop u Birkirkara?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentri tas-saħħa – tobba u infermiera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tobba u infermiera separatament ingaġġati ma’ kull ċentru tas-saħħa u jagħti l-ħinijiet li jaħdmu separatament fiċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana, Gżira, Mosta, Rabat, Raħal Ġdid, Bormla, Ħal Kirkop u Birkirkara?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ir-Rabat, Malta — Ċentru tas-Saħħa - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat, Malta, u meta ser jinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li qed isiru fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat, Malta huma ta’ natura ta’ restawr u installazjonijiet ta’ sistemi ta’ immaniġġjar ta’ ventilazjoni, u ser jinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku għall-ħabta ta’ nofs is-sena 2025.

Ċentri tas-Saħħa – pazjenti li attendew bħala emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti attendew bħala emerġenza f’kull wieħed miċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana, Gżira, Mosta, Rabat, Raħal Ġdid, Bormla, Ħal Kirkop u Birkirkara bejn Jannar u Settembru 2024 xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentri tas-Saħħa – Pazjenti li attendew bħala emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti attendew bħala emerġenza f’kull wieħed miċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana, Gżira, Mosta, Rabat, Raħal Ġdid, Bormla, Ħal Kirkop u Birkirkara xahar b’xahar bejn Jannar u Diċembru tas-snin 2023, 2022 u 2021?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentri tas-Saħħa – pazjenti b’appuntament mat-tabib tal-familja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti attendew b’appuntament għand it-tabib tal-familja (GP) fiċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana, Gżira, Mosta, Rabat, Raħal Ġdid, Bormla, Ħal Kirkop, Birkirkara xahar b’xahar bejn Jannar u Settembru 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Operazzjonijiet tat-tneħħija tal-ġebla mill-kliewi li ma sarux

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan l-aħħar ġewx imħassra xi operazzjonijiet relatati mat-tneħħija tal-ġebla mill-kliewi minħabba li ma kienx hemm fiber li jintuża f'operazzjonijiet simili?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Santa Venera — Dar Apap

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'għajnuna qed joffri lill-anzjani li jinsabu f’Dar Apap, f'Santa Venera, li jridu jsibu post ieħor fejn imorru jekk din id-Dar ser tingħalaq sal-aħħar tas-sena, kif tħabbar lilhom ftit ġranet ilu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ser tipprovdi lill-anzjani li jinsabu f’Apap Institute rilokazzjoni f'dar tal-anzjani oħra. Qed jiġi ffinalizzat l-assessjar mit-tim multidixxiplinarju fuq dawn ir-residenti biex ikun żġurat li tingħatalhom il-kura fit-tul meħtieġa għalihom. Qed ikun hemm ukoll appoġġ psikoloġiku u soċjali biex jgħinuhom jaddattaw għat-transizzjoni, kif ukoll monitoraġġ tal-proċess ta' trasferiment biex jiġi assigurat li dan isir b'mod effiċjenti. Dan kollu jgħin biex l-anzjani u l-familjari tagħhom jirċievu l-appoġġ meħtieġ f'dan il-mument ta' bidla.

Djar residenzjali tal-anzjani — Sodod

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet biex jixtri aktar sodod fi djar residenzjali oħra tal-anzjani li s'issa m’għandux ftehim magħhom? Jekk iva, jista' jgħid liema huma dawn id-djar u meta ser ikun qed jagħmel dan il-ftehim ġdid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tkun kontinwament qed tevalwa u tikkonsidra s-sottomissjonijiet u ċ-ċirkostanzi neċessarji.

Birżebbuġa – Rata ta’ kanċer u mard serju

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar studju li seta' sar li juri r-rata tal-kanċer u mard serju ieħor f'Birżebbuġa u jekk kienx hemm korrelazzjoni ma’ dħaħen mill-vapuri, mill-ajruplani u minn impjanti industrijali fil-madwar, u minn trabijiet u minn bexx li jintuża fl-agrikoltura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li sal-lum id-Dipartiment tas-Saħħa m’għamel ebda studju f’dan ir-rigward.

Tender għad-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21374 rigward it-tender CT2369/2023 (Tender to demolish, design, build, maintain, upkeep and the management and operations of Cospicua Care Home for Older Persons including high energy and environmental performance standards), jista’ l-Ministru jgħid minn min huwa kompost l-offerent Carewise Joint Venture? Jista' jinkludi wkoll lista tal-individwi, kumpaniji u entitajiet li jifformaw parti minn dan il-consortium/venture?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li din l-informazzjoni hija fid-dominju pubbliku u aċċessibbli tramite www.etenders.gov.mt. Il-Carewise Joint Venture huwa kompost minn Schembri Barbros Ltd u Archway Operators Ltd. Prova ta’ dan qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħrieqi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21377, jista' l-Ministru jgħid jekk fir-rigward ta’ individwi, x'inhu l-massimu (capping) ta' ħrieqi u dan peress illi fit-tweġiba ngħad li dawn jingħataw skont il-ħtieġa tal-individwu u ma ntqalx kemm hu l-massimu (capping)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-ħrieqi jingħataw skont il-ħtieġa u l-bżonnijiet ta’ kull klijent individwali.