Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5997 u jinformani jekk huwiex fil-pjan tal-Gvern li jdaħħal is-servizz ta' Crayo Surgery/Therapy fl-Isptar Mater Dei? Jekk huwa l-każ, meta hu ppjanat li jidħol dan is-servizz? Kemm huma l-istudenti tobba, professuri eċċ. li fil-mument qed jistudjaw jew jagħmlu riċerka prattika ta' dan il-Crayo Surgery/Therapy?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 6210.
Jista' l-Ministru jara li barra ċ-Ċimiterju tal-Addolorata fejn jarmaw tal-fjuri jsiru xi tip ta' gabbani għalihom għax dawn in-nies li jagħtu servizz lil kull min iżur iċ-ċimiterju qedgħin ibatu mill-elementi għax m'għandhomx faċilità sew fejn jaħdmu?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-area fejn jarmaw tal-fjuri barra ċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata hija art pubblika u b'hekk taqa' taħt responsabilita' tad-Dipartiment ta' l-Artijiet u mhux taħt ir-responabilita' tal-Ministeru għall-Politika Soċjali.
Informat ukoll li tali bejjiegħa mhumiex ikkontrollati b'ebda liċenzja mid-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 5930, 5626 u 5418 u ċioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 74, jista' jgħid kemm hi l-waiting list bħalissa f'kull każ?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li sa l-ewwel ġimgħa ta' Frar 2009, in-numru ta' pazjenti fuq il-waiting list għall-interventi msemmija huwa hekk :-
i) strument fil-marrara : 410 (Laparoscopic Cholecystectomy)
ii) strument fl-irkoppa : 3,692 (Arthroscopy Knee)
iii) kataretti : 5,951 (Cataract Surgery)
Informat ukoll li l-appuntament li jmiss jiddependi mill-urġenza tal-każ.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5936 u ċioè: B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5631,jista' l-Ministru jgħid liema ġinekologi minn A sa G u liema kirurgi minn A sa K irtiraw jew ġew ingaġġati matul is-sena 2008?
Response (DALLI, JOHN)
Peress li l-informazzjoni kif mitluba tippermetti li jiġu identifikati l-kirurġi nvoluti, din l-informazzjoni ma tistax tingħata.
(Risposta kkoreġuta permezz ta’ dokument nru 1798 mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-Seduta Nru 88 tal-4 ta’ Marzu 2009)
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5937 u ċioè: B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5633, jista' l-Ministru jgħid minħabba r-reżistenza li żviluppat kontra dawn l-antibiotiċi, jistgħux jibdew jiġu provduti antibiotiċi aktar effettivi fl-interess tal-ġid komuni?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew diagnosed każijiet ġodda ta' kanċer fil-musrana (colon) matul l-2008? F'kemm-il każ minnhom sar screening tal-familjari tal-pazjent? Kemm-il konsulent mexa b'dan il-mod għaqli?
Jista` l-Ministru jghid jekk tinżammx statistika dwar in-numri ta' persuni autistic f'pajjiżna u jekk fl-affermattiv iforni l-informazzjoni dwar dan? Jista` jgħid x'għajnuniet u benefiċċji huma intitolati għalihom persuni autistic?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' għandha reġistru ta' persuni li volontarjament jirreġistraw magħha. Dan ir-reġistru jinkludi din l-informazzjoni;
a) isem u kunjom
b) lokalita' (skond il-kunsilli lokali)
ċ) eta'
d) is-sess
e) tip ta' nuqqas (diżabilita- jekk hix: nuqqas fiżiku, intellettwali, psikoloġiku, tas-smigħ jew tal-vista)
Għalhekk il-Kummissjoni ma għandhiex statistika separata għall-persuni li għandhom l-awtizmu.
Persuni li għandhom l-awtiżmu jibbenefikaw mis-servizzi li huma miftuha għall-persuni b'diżabilita skond il-kriterji ta' kull benefiċċju.u skond il-kundizzjoni tal-individwu. Eżempju persuna b'awtużmu sever li trid tkun akkumpanjata l-ħin kollu tista' tibbenefika mis-servizz tal-Blue Sticker.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4583, jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet ordnata Herceptin mill-Gvern? Kemm swiet din l-ordni u meta ser tibda tiġi fornuta lill-pazjenti?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li s'issa saru żewġ ordinijiet għall-Hercepitin. Waħda ta' 10 fjala li waslu fl-24 ta' Novembru 2008 u ordni oħra ta' 50 fjala li saret f'Diċembru u li 10 minnhom diġa waslu. Il-prezz kien ta' £450 kull fjala fiż-żewġ ordnijiet.
Ħarġet ukoll tender permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti li bħalissa qegħda tiġi aġġudikata.
Ninsab informat ukoll li 8 fjali ġew fornuti lill-pazjenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm immigranti illegali li qed jaħdmu regolarment f'Malta u jispjega x'tip ta' sussidju finanzjarju qed jagħti l-Gvern kemm lil dawk li qed jaħdmu kif ukoll li dawk li ma jaħdmux?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li sa l-aħħar ta' Jannar 2009 kien hemm 1,008 persuni bħala refuġjati, nies bi protezzjoni umanitarja temporanja u nies li qed ifittxu ażil, li kienu qed jaħdmu.
Għat-tieni parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma li kien hemm negozjati għaddejjin mal-Unjoni Ħaddiema Maqgħdin biex porters tal-ambulanzi minn 40 hour week jigu jaħdmu 42 hour week? Jekk iva, x’wassal biex dan ma seħħx?
Response (DALLI, JOHN)
Ma kien hemm ebda negozjati mal-UHM dwar xi tibdil ta' ħinijiet ta' xogħol għall-porters ta' ma' l-ambulanzi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri li qegħdin jiġu segwiti f'dawk il-każijiet fejn kemm r-raġel u kemm il-mara jaħdmu fid-Dipartiment tas-Saħħa meta minħabba l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom u peress li għandhom tfal minuri, ikun possibbli li wieħed jew l-ieħor jingħata ħin biżżejjed biex ikun jista' jieħu ħsieb it-tfal u jaraw li ma jkunu qatt waħedhom id-dar?
Jaħseb li biex tiġi salvagwardjata l-familja, għandu jkun hemm guidelines lid-diretturi ta' kull dipartiment fi ħdan id-dipartimenti kollha tas-saħħa biex ikunu flessibbli dwar din il-kwestjoni?
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu biex ibiddel is-sistema ta' mediċini b'xejn li teżisti bħalissa? Kif se jagħmilha u meta jaħseb li din tiġi fis-seħħ?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li bħalissa qiegħda issir evwalazzjoni sħiħa tas-sistema biex nassiguraw li tiġi żviluppata sistema aktar ekwa u sostenibbli. Informat ukoll li s'issa għadhom ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet.
Djar ta' l-Anzjani — Ħlas differenti mill-pensjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-residenti li qegħdin fir-residenza San Vincenz De Paule iħallsu 80% tal-pensjoni tagħhom u residenti ġo homes oħrajn iħallsu 60%? Għaliex mhux kulħadd iħallas 60% tal-pensjoni tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li d-differenza tal-persentaġġ tal-pensjoni li jħallsu l-anzjani li qegħdin fir-Residenza San Vincenz De Paule u dawk li qegħdin fi djar oħrajn hija dovuta għall-fatt li l-livell ta' servizz li jingħata ġewwa r-Residenza San Vincenz de Paule huwa simili għal dak li jingħata fi sptar. Uħud mis-servizzi jinsabu fir-Residenza San Vincenz de Paule ma jingħatawx fid-Djar ta' l-Anzjani tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5635 u jgħid fid-Djar tal-Anzjani tal-gvern kemm hemm:
a) Persuni:
i) indipendenti?
ii) semi dipendenti?
iii) dipendenti?
iv) b'dementia
b) Staff grad bi grad?
Response (DALLI, JOHN)
Informat hekk :
Indipendenti - 367
Semi Dipendenti - 232
Dipendenti - 151
Bid-dimenzja - 74
Għat-tieni parti tal-Mistoqsija nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 5301.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5612 u jara t-talba li saret minn xi impjegati ma' kumpannija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u jinvestiga dan il-każ?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impieg qed jagħmel investigazzjoni tal-allegazzjonijiet magħmula minn xi mpjegati ta’ kumpanija konċernata.
Informat ukoll li fadal punt wieħed li għadu qed jiġi segwit mid-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid separatament meta saru l-aħħar reviżjonjiet tal-pensjonjiet skont il-collective agreement tal-entitajiet Governattivi u Privati?
Jista' jgħid meta se jsiru r-reviżjonjiet li għadhom pendenti?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-reviżjonijiet tal-pensjonijiet skont il-collective agreement tal-entitajiet Governattivi u privati huwa proċess on going u għalhekk dawk li għadhom pendenti jinħadmu meta jmisshom.
Informat ukoll li r-reviżjonijiet tal-entitajiet Governattivi huma maħduma sas-sena 2008 u tas-sena kurrenti qegħdin fil-proċess li jinħadmu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-ftuq?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li sal-ewwel ġimgħa ta’ Frar 2009 in-numru ta’ pazjenti li qegħdin jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-ftuq huwa ta’ 729. Dawn jinkludu inguinal, umbilical, femoral hernias, ecc. Wieħed għandu jikkjarifika li dan in-numru jirreferi għal dawk il-pazjenti li għad m’għandhomx data meta ser issirilhom l-operazzjoni.
Huwa importanti li wieħed jkun jaf li ż-żmien ta’ stennija biex issir l-operazzjoni jiddipendi fuq meta wieħed ġie inkluż fil-
waiting list
u skond l-urġenza tal-każ kif jiġi evalwat mill-konsulent.
Jista' l-Ministru jara li jerġa' jibda jaħdem il-lift ta' Block 1, Triq Kelinu Cachia, Tarxien għax kien hemm xi problemi? Wieħed irid jifhem ukoll li ġo fih hemm jgħix persuna b'diżabilita' li qed issibha diffiċli biex tinżel isfel u qed ikun ta' piż fuq il-familja.
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-policy ta’ l-Awtorita’ hija li l-Inkwilini tal-blokk jiffurmaw assoċċjazzjoni ta’ residenzi ħalli jiftehmu jiġbru flus u jaraw li ssir il-manutenzjoni, tiswijiet u ħlas tal-elettriku neċessarji in konnessjoni mal-lift. Qed jirriżulta f’dan il-każ li r-residenti ma ftehmux dwar il-ħlas neċessarju, u għaldaqstant jidher li l-manutenzjoni meħtiega ma saritx bil-konsegwenza li l-lift ġarrab ħsarat. Irriżulta ukoll li minħabba nuqqas ta’ pagamenti għall konsum tal-elettriku dovuti lill-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma s-servizz kien ġie sospiż mill-istess Korporazzjoni fl-20 ta Jannar 2006. Din tidher li hi l-istess sitwazzjoni sal-ġurnata tal-lum. Ir-responsabbilta’ li l-lift jitranġa u li l-pagamenti dovuti lill-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma hija unikament ta’ l-Inkwilini. Pero’ l- Awtorita’ ser tavviċina dawn l-Inkwilini ħalli jsir ftehim bejniethom fuq dawn il-pagamenti u il-lift ikun jista’ jerġa jaħdem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu jaħdmu nies bla permess bejn Jannar u Diċembru 2008? Ta' liema nazzjonalità kienu dawn in-nies u x'passi ttieħdu kontra dawn il-persuni li nqabdu jaħdmu bla permess? Ta' liema età kienu dawn il-persuni?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.