Jista’ l-Ministru jgħid meta u fejn, fil-kariga uffiċjali tiegħu, iltaqa’ mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minn Lulju 2017 ’il quddiem?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu msemmi ma nafux u ma kellimtu qatt.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12383 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 11210 kollha u tgħid jekk ix-xogħol fi Triq ir-Ramla fin-Nadur liema xogħol sar wara li nfetħet ħofra f'parti minn din it-triq sarx b'direct order jew wara sejħa għall-offerti? Tista' tgħid min kienu l-kuntratturi li għamlu x-xogħol u kemm kien il-pagament lil kull kuntrattur li ssupplixxa materjal jew għamel ix-xogħol f'din il-parti ta' Triq ir-Ramla fin-Nadur? X'żamm lill-Ministru milli tagħti din l-informazzjoni fir-risposta tagħha tat-22 ta' Ottubru 2019 meta li fl-aħħar mill-aħħar tinvolvi fondi pubbliċi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet saru b’direct order minħabba l-urġenza u l-periklu li kien ikkawżat meta nfetħet it-triq. Il-kuntratturi mqabbdin biex jagħmlu dawn ix-xogħlijet kienu PRAX Concrete Ltd u Anthony G. Bugeja għal-valur totali ta’ € 219,190.34. L-informazzjoni ma setgħetx tingħata qabel peress li kien għad qed jiġu proċessati l-aħħar pagamenti.
Għawdex – Tender: Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt to the Ministry for Gozo
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender MGOZ/MPU/T37/2019 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt to the Ministry for Gozo li ħarġet fit-23 ta’ Lulju 2019? Jista’ jgħid jekk din it-tender ġietx aġġudikata u jekk iva meta ġiet aġġudikata, x'tip ta’ xogħlijet saru, f’liema toroq u lokalitajiet saru minn din it-tender u x'tip ta' xogħlijiet,f’liema toroq u lokalitajiet hemm ippjanati li jsiru minn din it-tender?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ġiet ikkonfermata r-rakkomandazzjoni mill-Public Contract Review Board nhar l-14 ta’ Novembru 2019, u wara li ngħata perjodu ta’ 20 ġurnata ċans biex isir appell fil-Qorti, bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti biex jingħata l-kuntratt. Għaldaqstant, sa issa ma saru l-ebda xogħlijiet b’rabta ma’ dan il-kuntratt.
Għawdex — Ir-Rabat – Pjazza Indipendenza – zebra crossing
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex iż-zebra crossing li hemm fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, Għawdex ma fihomx dwal u ma hemm l-ebda tabella li turi li hemm zebra crossing?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din iż-zebra crossing taqa taħt ir-responsabilta’ tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria u għaldaqstant din il-mistoqsija għandna tiġi indirizzata lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x'azzjoni qed jieħu l-Ministeru tiegħu rigward Triq l-Imġarr, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal tal-Qala Għawdex, li wara li din it-triq ġiet asfaltata fl-2015, kull darba li tagħmel ix-xita, qed ikun hemm problemi kbar ta’ għargħar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qegħdin isiru l-istudji u l-konsiderazzjonijiet tekniċi biex tiġi ndirrizata din il-problema. Nassigura li qiegħda fuq quddiem nett tal-prijoritajiet.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9301, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Pjazza tas-Sannat? Jista’ jgħid jekk it-tenders reġgħux ħarġu u ġewx awarded u meta hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq din il-pjazza? Jista’ jpoġġi kopja tal-pjanta fuq il-Mejda tal-Kamra kif ser tiġi din il-Pjazza?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qiegħed f’diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat biex jiġi miftiehem l-aħjar mod ta’ kif dan il-proġett jiġi mplimentat b’mod spedit.
Jista’ l-Ministru jagħti d-dati meta fl-aħħar sentejn il-Ministru għal Għawdex marret il-Greċja bi private jet, min akkumpanjaha, x’kien l-iskop taż-żjara u kemm kienet in-nefqa għal tali żjara? Jista’ jikkonferma u jgħid min hija s-sid tal-private jet li ntuża u x’sehem kellu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex ġie organizzat tali vjaġġ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li ma hemm l-ebda spiża għal servizzi simili ta’ jet privat.
Jista' l-Ministru jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq id-Dar għall-Anzjani ġewwa Għajnsielem? Jista' jagħti data preċiża u ċara meta din id-dar ser titlesta u meta l-ewwel anzjani se jidħlu jirrisjedu fiha? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dar tal-anzjani fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem se tospita 119 persuna. Hu maħsub li l-ewwel anzjani jidbdew deħlin fl-2021, pero’ dan jiddependi fuq ‘tendering procedures’. It-tenders relatati mat-tkomplija u l-operat tal-proġett hu maħsub li jkunu pubblikati fil-ġimgħat li ġejjin. L-istimi eżatti ta’ kemm se jiġi jiswa dan il-proġett ma jistgħux jingħataw f’dan l-istadju minħabba li għad fadal xi xogħlijiet li għadhom fi stadju preparatorju.
Jista' l-Ministru jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-Mużew ta' Għawdex? Jista' jagħti data ta' meta dan il-proġett se jkun lest? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jispjega dwar il-fdalijiet li nstabu fuq is-sit u kif dawn qed jiġu konservati? Jista' jispjega x'oġġetti se jkunu esebiti fil-mużew ladarba jitlesta u wkoll mnejn dawn ser jinġabu jew jittieħdu? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-Mużew ta’ Għawdex għaddejjin ġmielhom. F’dawk l-areas fejn ma ġew misjuba l-ebda fdalijiet arkaeoloġici, dejjem wara konsultazzjoni u superviżjoni sħiħa minn naħa tas-Supretendenza għall-Wirt Kulturali, baqgħu għaddejjin ix-xogħlijiet tal-iskavar hekk kif kienu approvati mill-Awtorita’ tal-Ippjanar oriġinarjament skont il-permess PA/09197/17. Mill-banda l-oħra, l-fdalijiet misjuba ser jiġu kkonservati permezz ta’ ammenda bir-referenza PA/09947/19 fuq il-permess oriġinali. Dawn ir-reviżjonijiet ħadu l-ħin meħtieġ u issa l-proġett hu mistenni li jkun lest fl-aħħar kwart tas-sena 2021.
Bħalissa qed isir eżerċizzju min naħa tal-Ministeru għal Għawdex, Heritage Malta u l-konsulenti tal-proġett sabiex jiġu magħżula l-oġġetti minn fost il-kollezzjoni nazzjonali għal dan il-mużew. Qed issir reviżjoni tal-Bills of Quantities sabiex dawn is-sejbiet jiġu nkorporati b’mod ħolistiku fil-Mużew ta’ Għawdex u wara li jkun approvat il-permess il-ġdid tkun tista tiġi kkonfermata l-ispiża totali ta’ dan il-proġett.
Għawdex – Ir-Rabat – Ċentru tas-Saħħa — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid propost fir-Rabat? Jista' jagħti data preċiża u ċara ta' meta dan iċ-ċentru se jitlesta u jibda jintuża mill-pubbliku? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijet fuq il-parti esterna mexjin skont il-pjan stabilit bix-xogħlijiet huma pjanati li jitlestew sat-tieni kwart tas-sena 2020. Minn naħa l-oħra x-xogħlijiet relatati mal-intern taċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid kif ukoll l-apparat meħtieġ qed jiġi kkordinat mill-Ministeru tas-Saħħa.
Ministeru għal Għawdex — safar, fuel u hospitality - nefqa
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12102, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality f’kull Dipartiment, Awtorità jew fil-Ministeru stess minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità li hija fid-dekasteru tagħha tatx impjieg taħt kwalsiasi titlu (inkluż part-time, position of trust, temporanju eċċ) wara Jannar 2017 lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li reċentement ngħata Maħfra Presidenzjali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata qatt ma kienet impjegata mal-Ministeru għal Għawdex.
Għawdex — Triq arterjali mir-Rabat sal-Pjazza taż-Żebbuġ
Question
B'referenza għat-tweġiba tagħha għall-mistoqsija parlamentari 12077, jista’ l-Ministru jgħid min hu inkarigat mix-xogħol preparatorju fuq it-triq arterjali li mir-Rabat Għawdex twassal sal-Pjazza taż-Żebbuġ? Jista' jgħid jekk it-tender ġiex ippubblikat u jekk iva meta ġie ppubblikat? Jekk it-tender għadu ma ġiex ippubblikat meta hu maħsub li jiġi ppubblikat? Jista' jikkonferma jekk fuq it-triq hux se jintużaw fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu għaddej ix-xogħol preparatorju.
B'referenza għat-tweġiba tagħha għall-mistoqsija parlamentari 12078, jista’ l-Ministru jgħid x'sar s’issa mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-bini ta' mħażen tal-Karnival f'Għawdex? Jista' jgħid x’inhu n-numru tal-applikazzjoni jew screening number tal-applikazzjoni li saret għall-bini ta' dawn l-imħażen? Jista' jgħid jekk għas-sena 2020 ġiex maħsub vot fil-Budget għall-bini ta' dawn l-imħażen għad-dilettanti tal-Karnival?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8998 li ngħatat fit-18 ta' Frar 2019, jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar id-Dar tal-Anzjani li nbniet f'Għajnsielem u x’inhu jsir bħalissa? Meta huwa maħsub li titlesta din id-dar? Tista’ tgħid x'inhi r-raġuni, fejn kien intqal f'din ir-risposta parlamentari, li 'it-tender għall-finishing, furnishing u operat jinsab il-procurement biex joħroġ u d-dar ser titmexxa fuq il-mudell ta’ Public Private Partnership', sal-lum 10 xhur wara, din, it-tender għadu ma ħariġx?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm huwa minnu li kien hemm dewmien fil-pubblikazzjoni tal-appalt, dan seħħ minħabba skrutinju dettaljat mid-Dipartiment tal-Kuntratti, proċess li se jkun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex — investigazzjoni fuq manipulazzjoni ta’ Wikipedia page
Question
Fid-dawl tal-fatt li l-IP Address li ntuża biex fit-3 u s-6 ta' Ottubru 2019 ġiet immanipulata l-Wikipedia page tar-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tal-Ewropa Peter Omtzigt kien minn uffiċċju tal-Gvern, u li skont ir-regoli tad-Data Retention, tali informazzjoni tinżamm għal sitt xhur, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni? Jekk iva, minn liema uffiċċju saret din il-manipulazzjoni u x'passi ttieħdu? Jekk le, meta se ssir tali investigazzjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ir-Rabat Għawdex – proġett ta’ restawr tal-Akwedott
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u tgħid x'tip ta’ xogħol infrastrutturali sar u kemm kienet l-ispiża tal-proġett ta’ restawr tal-Akwedott tar-Rabat, Għawdex, li kien imħabbar fil-Baġit tas-sena 2017? Tista’ tgħid meta hu mistenni li jitlesta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2017 sar xogħol ta’ restawr fuq l-akwedotti fejn ġew irranġati żewġ arkati li kienu fi stat ħażin. L-ispiża biex tranġaw dawk l-arkati kienet tammonta għal € 6,126.31. Ix-xogħlijiet marbuta mal-proġett tar-restawr tkomplew billi sar Cost Benefit Analysis filwaqt ukoll li tqabbad perit espert fuq ir-restawr sabiex jaħdem fuq l-istudji ġeotekniċi. L-ispiża li ntefqet fuq dawn tal-aħħar tammonta għal € 10,270.89. Il-proġett ta’ restawr mistenni jitlesta s-sena d-dieħla.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10628 fejn fit-8 ta' Frar 2019 saret spezzjoni mill-Uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex fin-niżla li twassal għall-Bajja ta' Ħondoq ir-Rummien, tista’ l-Ministru tgħid x'sar fuq din l-imsemmija triq (niżla) li sar xogħol fuqha u ġiet asfaltata fl-2015 peress li partijiet minn din it-triq qegħdin iċedu u huma ta' periklu kbir għan-nies li jużaw din it-triq?