Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Kirkop –– magna tal-X-ray fil-klinika l-ġdida

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fil-klinika l-ġdida ta' Ħal Kirkop hemmx magna tal-X-ray?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Kirkop m’għandux il-faċilità ta’ X Ray fuq is-sit minħabba li ma kienx ikun ekonomikament vijabbli meta wieħed jikkunsidra d-domanda limitata. Madankollu, dan is-servizz dejjem ikun jista’ jingħata minn ċentri tas-saħħa oħrajn.

Mental Health Community Services – lista’ ta stennija għall-għajnuna minn psikologi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni fil-lista ta’ stennija biex jiġu megħjuna regolarment minn xi psikologu fil-Mental Health Community Services? Kif wieħed jista’ jagħmel użu mis-servizz tagħhom? Kemm huwa ż-żmien ta’ stennija biex jiġu moqdija dawn il-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u min qed jieħu ħsiebhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 42 persuna fil-lista ta' stennija biex jiġu megħjuna minn psikologu jew assistent psikologu fil-Mental Health Community Services. Normalment wieħed jista’ jiġi referut għal għand il-psikologu mill-psikjatra tiegħu. Jeżisti wkoll servizz fejn anke jekk wieħed ma għandux bżonn jieħu l-kura mingħand psikjatra jista’ jiġi referut għal għand il-psikologu mit-tabib tal-familja jew taċ-ċentru tas-Saħħa. Dawn il-persuni jdumu jistennew bejn ġimgħa u xahrejn biex jiġu moqdija. Jekk il-każ ikun urġenti jinqdew fi żmien ftit jiem. Ir- referrals mingħand it-tobba tal-familja u taċ-ċentri tas-Saħħa tieħu ħsiebhom il- Managing Psychologist . Referrals mingħand il-Psikjatri jiġu mqassmin bejn iż-żewġ tims ta' psikologi.

Ċentru Tommaso Chetcuti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li sar fiċ-Ċentru Tommaso Chetcuti? Fejn huwa allokat dan iċ-Ċentru u kemm ilu mwaqqaf? X’għandu wieħed jagħmel biex jagħmel użu minn dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru Tommaso Chetcuti ġie mwaqqaf fis-26 ta’ Settembru 2016. Dan iċ-Ċentru ġie stabbilit fl-istess binja fejn qabel kien hemm il-Young People’s Unit. Dan iċ-Ċentru joffri servizz ta’ Out-Patients lil dawk il-pazjenti li jkunu intbagħtu fuq leave mill-Isptar Monte Carmeli qabel dawn jiġu rilaxxati fil-komunità. Dawn il-pazjenti jiġu assessjati mill-konsulent tagħhom flimkien mat-tim multidixxiplinarju. Is-servizz qiegħed jingħata mit-Tnejn sas-Sibt. Is-servizzi offruti jikludu wkoll kampjuni ta’ dmija, l-amministrazzjoni tad- Depot Injection , screening ta’ ECG, jiġu ppreparati l-pilloli fil- pill boxes individwalment għal kull pazjent, ko-ordinazzjoni ta’ kura mas-servizzi mogħtija fil-komunità inkluż servizz ta’ Outreach minn professjonijiet multidixxplinarji, servizz ta’ Support Groups – Reaching Out li joffru sapport għall-qraba u għal dawk kollha li jieħdu ħsieb pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali, servizz ta’ S elf-Support Group – Hearing Voices għal dawk il-pazjenti li jbagħtu minn xi forma ta’ Visual/Auditory Hallucinations u servizz professjonali ta’ Couple and Sex Therapy. Biex wieħed jagħmel użu minn dan is-servizz jista’ jiġi riferut mill-Konsulent rispettiv tiegħu wara li l-pazjent ikun intbagħat bil- leave mill-Isptar Monte Carmeli. Jekk wieħed irid jibbenefika mis-servizz offrut mis- Support Groups, jista’ jċempel iċ-Ċentru Tommaso Chetcuti fuq in-numru 23304299. Qegħdin jiġu mqassma wkoll diversi posters b’informazzjoni dettaljata biex jinħoloq aktar għarfien dwar dan is-servizz. Filwaqt li s-servizz ta’ Couple and Sex Therapy jista’ jingħata wara li l-klijenti jiġu riferuti mit-tabib tagħhom jew minn xi tabib ieħor fiċ-Ċentri tas-Saħħa f’Malta u Għawdex; jista’ wkoll jingħata appuntament billi wieħed iċempel direttament ic-Ċentru Tommaso Chetcuti.

Kliniċi tas-Saħħa Mentali – sessjonijiet edukattivi

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5839, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika s-sessjonijiet edukattivi li saru fil-kliniċi tas-Saħħa Mentali f’din il-Leġiżlatura? Meta saru dawn is-sessjonijiet lill-pazjenti u l-qraba tagħhom u l-pubbliku inġenerali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu.

Servizz tas-Saħħa Primarja u fil-Komunità

Question

B’referenza għas-settur tas-servizz tas-Saħħa Primarja u fil-Komunità bħala pilastru fil-ħarsien tas-Saħħa u Prevenzjoni, b’mod partikolari dak offrut mit-tabib privat, li fil-fatt hu settur li b’għażla tal-poplu huwa l-aktar imfittex, fejn għal numru tas-snin id-Dipartiment tas-Saħħa offra servizzi ta’ investigazzjoni b’xejn lill-pazjenti li jagħżlu li jinqdew b’tabib li ma jaħdimx fiċ-Ċentri tas-Saħħa Pubblika, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-lista ta’ investigazzjonijiet li bħalissa hi offruta? Hemm ħsieb li din il-lista ser tiżdied? Liema huma dawn it-testijiet? Dan ifisser li l-pazjent li jkun irid iħares saħħtu billi jmur għall-konsulta privata għand tabib tal-familja, ser ikun jista’ jutilizza l-istess lista ta’ investigazzjonijiet li tabib tal-gvern taċ-Ċentru tas-Saħħa għandu? Jekk mhux il-każ, x’inhi r-raġuni tad-diskrepanza? Jista’ jgħid kemm-il tabib privat inqabad jabbuża minn dan is-servizz tad-Dipartiment tal-Kura Primarja għax jordna investigazzjonijiet li ma humiex fil-lista?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-testijiet li tabib privat tal-familja jista’ jordna għal pazjenti b’xejn huma: Bacteriology: Urine C&S, Rickettsiae IgM Haematology: Complete Blood Count, Erythrocyte Sedimentation Rate Mycology: Skin, Nail, Hair Biochemistry: HbA1c, Urinalysis and Microscopy, Glucose (Fasting / Random), Urea, Creatinine, Electrolytes (Na, K, Cl), Lipid Profile (T. Chol, Trig, HDL, LDL), Liver Function Test (Bil, ALT, g-GT, ALP), Calcium, Phosphate, Uric Acid, Ferritin, B12, Folate, Thyroid Function Test (TSH & FT4), Prostate-Specific Antigen. Minn dan is-sajf id-Dipartiment tas-Saħħa estenda s-servizz tal-myhealth sabiex testijiet ikunu jistgħu jiġu ordnati online mit-tobba tal-familja mill-kliniċi tagħhom.

Sptar Mater Dei – każ ta’ mewt ta’ embrijuni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika l-ġurnata, f’Jannar tas-sena li għaddiet, li fiha sar dak li kien identifikat mill-inkjesta Maġisterjali bħala ‘żball uman’ u li wassal biex mietu 9 embrijuni fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nfakkar lill-Onor. Interpellant li fis-seduta Numru 100 tas-16 t’April 2018, jiena għamilt Stqarrija Ministerjali dwar l-Inkjesta Independenti li kont ħtart skont kif jagħtini s-setgħa tal-Artiklu 4 tal-Att Dwar l-Inkjesti (Kap. 273) dwar inċident li seħħ fl-Assisted Reproductive Technology Unit (ART) fl-Isptar Mater Dei, u li ġie rrapurtat lili bħala Ministru għas-Saħħa nhar is-27 ta’ Jannar 2017. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inċident kien seħħ ġurnata qabel, jiġifieri fis-26 ta’ Jannar 2017. Infakkru ukoll li kif irriżulta mill-inkjesta embrijuni imsemmija kienu vijabbli u fuq deċiżjoni klinika ġew trasferiti fil-pazjenti rispettivi.

Applikazzjonijiet għal oqbra

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal oqbra f'kull ċimiterju madwar Malta u Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru tal-applikazzjonijiet għall-oqbra fiċ-Ċimiterji amministrati mill-Gvern madwar Malta u Għawdex sal-20 ta’ Settembru 2018 huwa kif indikat fit-tabella t'hawn taħt: Lista ta’ ċimiterji In-numru t’applikazzjonijiet skont kull ċimiterju Military Cemetery Kalkara 23 Resurrection Cemetery Qormi 220 St Anthony Cemetery Rabat6 Omm il-Ħniena Cemetery Mellieħa188 St Margaret Cemetery Rabat650 Our Lady of Mount Carmel Cemetery Mġarr62 Santa Maria Addolorata Cemetery PaolaMa hemm ebda lista ta’ applikazzjonijiet. Kull min qed japplika qed jintbgħat ghalih biex jidhol fi ftehim għall xiri ta’ qabar Divine Mercy Cemetery Burmarrad439 Duramblat Cemetery Mosta572 Ta' Braxia Cemetery Pieta’162 St Andrew Cemetery ¯ebbuġ266 Ċimiterju Santa Marija, Xewkija, Għawdex62

VGH – membri tal-kumitat tal-evalwazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min kienu, apparti l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, il-membri ta’ kull kumitat ta’ evalwazzjoni u aġġudikazzjoni biex il-Vitals Global Healthcare (VGH) intgħażlu mill-Gvern Malti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari tiegħu lill-Ministru konċernat.

Persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali – servizz ta’ outpatients fl-Isptar Mater Dei jew fil-komunità

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19044 tat-12-il leġislatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika f’liema lokalitajiet jgħixu t-total ta’ 13,000 persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali li qed jirċievu s-servizz ta’ Outpatients ġewwa l-Isptar Mater Dei jew fil-komunità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li qed jibbenefikaw mis-servizz ta’ Outpatients ġewwa l-Isptar Mater Dei jew fil-komunità jgħixu fil-lokalitajiet segwenti; Ħ’Attard, Baħar iċ-Ċagħaq, il-Baħrija, Ħal Balzan, il-Bidnija, Birkirkara, Birżebbuġia, Żurrieq, Buġibba, Burmarrad, Bormla, Ħad-Dingli, il-Fgura, il-Furjana, l-Għadira, il-Għargħur, Ħal Għaxaq, Gwardamanġia, il-Gudja, il-Gżira, Ħal Far, il-Ħamrun, Tal-Ibraġġ, l-Iklin, il-Kalkara, il-Kappara, Ħal Kirkop, Ħal Lija, Ħal Luqa, Marsaskala, il-Madliena, l-Magħtab, il-Manikata, il-Marsa, Marsaxlokk, l-Imdina, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, l-Imqabba, l-Imrieħel, l-Imsida, l-Imtarfa, in-Naxxar, Paceville, Raħal Ġdid, Pembroke, il-Pieta’, l-Qawra, Ħal Qormi, il-Qrendi, r-Rabat, Ħal Safi, is-Salina, San Ġiljan, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, San Pawl tat-Tarġa, L-Isla, s-Siġġiewi, tas-Sliema, St Andrew’s, Santa Luċija, Santa Venera, is-Swatar, is-Swieqi, Ta’ Ġiorni, Ta’ Xbiex, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta, il-Birgu, ix-Xemxija, ix-Xgħajra, Ħaż Żabbar, Ħaż Żebbuġ, iż-Żejtun, iż-Żurrieq u f’Għajnsielem, l-Għarb, Marsalforn, il-Munxar, in-Nadur, il-Qala, s-Sannat, ix-Xagħra, ix-Xewkija, x-Xlendi u r-Rabat Għawdex.

Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali – Trasport

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex ma huwiex provdut trasport għaċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għal persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali meta dan it-trasport huwa provdut lil persuni b’diżabilità intellettwali li jattendu fiċ-Ċentri tagħhom? Hemm il-ħsieb li fil-futur qarib jibda jingħata dan is-servizz tant importanti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan tas-servizzi tac-Ċentri ta` Matul il-Jum għall-persuni b`nuqqas ta` saħħa mentali huwa differenti minn dak provdut lill-persuni b`diżabilità intellettwali. L-għan tac-Ċentri ta` Matul il-Jum għall-persuni b`nuqqas ta` saħħa mentali huwa li jassistu fil-proċess ta` rijabilitazjoni biex persuna terġa’ tikseb il-ħiliet bażiċi meħtieġa sabiex tiffunzjona fil-ħajja ta` kuljum b`mod independenti. Għalhekk dawn il-persuni li jattendu huma mħeġġa biex jużaw il-karozza tal-linja biex jattendu ċ-ċentri rispettivi tagħhom kif ukoll għall-qadi personali tagħhom b’hekk ikunu qed jiffunzjonaw b`mod independenti fil-komunità.

Eżami mediku fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-iskeda tal-eżami mediku li jsir fl-iskejjel primarji u sekondarji kemm dawk pubbliċi kif ukoll privati? Ta’ liema età u frekwenza jitwettaq? X’ħarsien qed jingħata biex id-dahar tal-istudenti jitħares? Dan jgħodd l-istess kemm għall-istudenti fl-iskejjel pubbliċi kif ukoll skejjel privati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżamijiet mediċi jsiru matul is-sena skolastika kollha inkluż ix-xhur tas-sajf kif jidher hawn taħt: Ġunju sa Settembru eżamijiet mediċi ġenerali u assessjar ta’ żvilupp fuq it-tfal kollha li ser jidħlu fil-klassijiet tal- Kindergarten u tal- Year fl-1 f’Ottubru. Ottubru eżami mediku tal-iskoljożi, vista tal-għajnejn u test tad-diskriminazzjoni tal-kulur ( colour vision ) fit-tfal kollha tal- Year 6 . Novembru eżami mediku fuq il-vista u żvilupp tal-għajnejn fit-tfal kollha tal- Year 1 . Diċembru eżamijiet mediċi ġenerali u assessjar tal-iżvilupp fi tfal li jattendu l-iskejjel tal-Knisja u li qatt ma rċevew dawn is-servizzi qabel. Jannar Tilqim kontra d-difterite, tetnu u poljo lit-tfal kollha tal- Form 4 fl-iskejjel sekondarji. Frar Eżamijiet mediċi ġenerali u assessjar tal-iżvilupp fuq tfal li ser jidħlu fil- Kindergartens tal-Istat fi Frar. Marzu Eżami mediku fuq il-vista tal-għajnejn fit-tfal kollha tal- Year 3 fl-iskejjel. April/Mejju Eżami tal-iskoljożi fuq it-tfal kollha tal- Form 2 fl-iskejjel sekondarji. Ninfurmah ukoll li ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana twaqqfet klinika speċjalizzata għal dawk it-tfal li għandhom skoljożi ħafifa u li mhux il-każ li jiġu segwiti l-isptar. Id-dipartiment tal-Fiżjoterapija fi ħdan il-Kura Primarja jwettaq programm ta’ għarfien fuq il-kura tad-dahar lil tfal li jattendu Year 6 fl-iskejjel kollha tal-Istat u tal-Knisja. Dawn is-servizzi huma mgħotija mis-Servizz tas-Saħħa fl-Iskejjel ( School Health Service ) fi ħdan il-Kura Primarja u jingħataw fl-iskejjel kollha tal-Istat u tal-Knisja.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – ħaddiema

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mit-8 ta Marzu 2013 sal-lum kemm ħaddiema li kienu jaħdmu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex talbu li ma jibqgħux hemm u minflok imorru jaħdmu x’imkien ieħor? Kemm kien ilhom jaħdmu ġewwa l-isptar t'Għawdex u x’kien il-grad ta’ dawn il-ħaddiema li talbu li jiġu trasferiti? jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm ħaddiema li talbu li jiċċalqu iżda ma ġietx milqugħa t-talba tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ ħaddiema li bejn it-8 ta’ Marzu 2013 u t-22 ta’ Ġunju 2018 talbu li jiċċaqilqu mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex biex imorru jaħdmu x’imkien ieħor kien jammonta għal 73, li 65 minnhom kellhom it-talba milqugħa filwaqt li tmienja oħra ma kellhomx it-talba approvata. Il-grad tal-ħaddiema li t-talba tagħhom intlaqgħet kien dak segwenti: Grad Numru ta’ transfers li ġew approvati Allied Health Professional - Podiatry 1 Assistant Clerk 5 Assistant Foreman 1 Assistant Principal 5 Chaplain 1 Chief Nursing Manager 1 Clerk 2 Cook 2 Deputy Charge Nurse 1 Executive Officer 11 Gardener 1 General Hand 2 Health Assistant 3 Health Assistant 1 Manager (Employee Services) 1 Messenger 1 Nursing Aide 1 Principal 10 Procurement Manager 1 Security Guard 1 Senior Clerk 7 Senior General Practitioner 1 Senior Pharmacist 1 Senior Pharmacy Technician 1 Staff Nurse 3

Sptar Ġenerali t’Għawdex – master plan

Question

B’referenza għat-tweġibiet li ngħataw fil-mistoqsijiet parlamentari 3328 u 5756, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn l-Awtorità tal-Ippjanar ilha għal xhur sħaħ tistenna l-informazzjoni u dokumenti li talbet lil Vitals GH u issa lil Steward fl-iscreening letter sabiex tkun tista’ tivvalida u tibda tipproċessa din l-applikazzjoni PA 7491/16 u ċjoè l-applikazzjoni għall-Master Plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li t-tmexxija ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għaddiet f’idejn Steward Health Care fi Frar li għadda bħalissa qiegħed isir review dettaljat tal-master plan tal- proġett.

Sptar Ġenerali t’Għawdex — canteen

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid meta hu ppjanat li jkun hemm canteen għall-ħaddiema u l-qraba tal-pazjenti ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex peress li l-canteen li kien hemm qabel, twaqqa’ aktar minn sena ilu biex minfloku tibda tinbena l-Iskola ta’ Barts u sal-lum l-Isptar ta' Għawdex għadu bla canteen?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-iżvilupp li huwa ppjanat u li qiegħed fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex jinkludi canteen għall-ħaddiema u l-qraba tal-pazjenti li jkunu rikoverati fl-isptar. Sakemm dan jitlesta saru arranġamenti alternattivi ma’ kiosk fil-parkeġġ tal-isptar biex dan jissupplixxi dak li jintalab mill-ħaddiema u qraba ta’ pazjenti rikoverati fl-isptar. Dan filwaqt li diversi ħaddiema tal-isptar huma wkoll intitolati u jistgħu jagħmlu użu mis-servizz ta’ catering li jipprovdi l-isptar stess.

Massage Parlours

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ massage parlours fil-lokalitajiet tal-Belt Valleta, Tas-Sliema, Paceville, San Ġiljan, San Ġwann, Birkirkara, ir-Rabat, il-Mosta, in-Naxxar, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u f’Għawdex, li kienu qed joperaw fl-2015, 2016, 2017 u sa Mejju 2018, maqsuma għal kull sena, f’kull lokalità rispettivament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-massage parloursma jaqgħux taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa.

Massage Parlours — regolamenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’regolamenti ta’ saħħa hemm li qed jirregolaw il-massage parlours li għandna miftuħa fil-komunitajiet madwar Malta u Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija tal-mistoqsija parlamentari 6515.

Sptar Mater Dei – dħul minn bazaars fir-Reception Area

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn imur id-dħul minn bazaars li jkun hemm fir-Reception Area tal-Isptar Mater Dei, u għalxiex jintuża dan id-dħul? Jista' jgħid kemm kien id-dħul globali fl-aħħar sentejn (separatament)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn Ottubru 2016 sal-jum li fih qegħda titwieġeb il-Mistoqsija Parlamentari tiegħu d-dħul totali ġenerat għall-Isptar Mater Dei minn attiviatjiet li jinvolvu bejgħ ta’ oġġetti artiġjanali Maltin kien jammonta għal €5,786. Dawn il-flus jiġu depożitati fil-kont tal-Isptar u jintużaw primarjament biex jiżdiedu attivitajiet ta’ taħriġ għal ħaddiema tal-Isptar.

Qasam tas-Saħħa Mentali: — Nefqa kapitali/rikorrenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus (kapitali u rikorrenti) fuq servizzi fil-komunità u fuq servizzi residenzjali fil-qasam tas-saħħa mentali f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt fejn qed tindika n-nefqa totali għas-servizzi tas-saħħa mentali tas-snin imsemmija. Sena Nefqa totali 2013 €33,405,858.10 2014 €31,006,507.55 2015 € 33,405,858.10 2016 €34,982,136.63 2017 €40,590,133.00

Hepatitis C — pilloli

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6416 u jgħid x'jisimhom il-pilloli li jingħataw għall-kura tal-Hepatitis C u kemm jiswew?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-mediċini jisimhom Harvoni®, Ribavirin, u Epclusa®, u dawn huma b'xejn għall-persuni kollha li huma ntitolati. L-informazzjoni għall-aħħar parti tal-mistoqsija hija ta’ natura kummerċjali u allura ma tistax tingħata.