Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — inkjesti/investigazzjonijiet u stħarriġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru inkjesti/investigazzjonijiet/stħarriġ interni f’kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid kemm minnhom għadhom pendenti u kemm ġew konklużi? Jista' jgħid in-natura tal-każ? Jista' jgħid id-dipartiment konċernat u l-kariga tal-persuni involuti, jekk itteħdux passi dixxiplinarji/legali u jekk ġew sospiżi xi nies?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoiġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana ta' 81 sena, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li hija bedridden fejn din tgħix waħidha, applikat għar-Residenza San Vinċenz de Paule u għadha fuq waiting list peress li skont il-familjari mhux l-ewwel darba li jsibuha fl-art għax hi mhix kapaċi li tiekol u tixrob waħidha u tuża wkoll ħrieqi tal-inkontinenza? Jista' xi ħadd mid-dipartiment jara li jittieħdu passi dwar dan il-każ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-applikazzjoni tal-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant saret fid-9 ta’ Diċembru 2010. Il-każ tagħha kien diskuss mill-admissions board ta’ San Vinċenz de Paule fit-23 ta’ Diċembru 2010 u din l-anzjana ġiet approvata għad-dħul ġewwa r-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule. Hija kienet infurmata b’din id-deċiżjoni fit-23 ta’ Diċembru 2010 u ġiet imqiegħda fil-lista ta’ stennija tal-każijiet urġenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22529 u jara li jitmexxa l-każ ta' sussidju tat-telephone ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament u li ilha xhur li applikat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-każ tal-anzjana msemmija din applikat għas-sussidju tat-telephone nhar it-18 ta` Ottubru 2010. Sussegwentament, dan is-sussidju ngħata lill-istess anzjana b'seħħ lura mill-1 ta' Ottubru 2010. Skont l-informazzjoni li għandna mill-kumpanija tal-telefonija din l-istess anzjana għandha kreditu ta' Ewro u disa u tletin ċenteżmu (Euro 1.39). Għaldaqstant l-istess kumpanija tal-telefonija lanqas biss bagħtitilha l-kont kurrenti tat-telefon.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22567 u jgħid kemm kienu l-pazjenti u fejn intbagħtu bejn il-lejla tal-5 u 6 ta' Jannar 2011 meta ġew trasferiti għall-homes privati minħabba n-nuqqas ta' spazju fl-Isptar Mater Dei? Kemm qed iħallas il-gvern għal dawn is-sodod? Kemm se jdumu hemm u kemm se jintalbu jħallsu l-familjari? Din l-iskema se tibqa' jew hija miftuħa għal ftit taż-żmien?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-għaxija tal-Erbgħa 5 ta’ Jannar 2011 ġew trasferiti 18-il pazjent, li minnhom 14 ittieħdu Casa Arkati u l-4 l-oħra ttieħdu Villa Messina. Il-pazjenti trasferiti kollha għandhom bżonn kura fit-tul. Għal dawn is-sodod il-gvern iħallas rati varji skont id-dipendenza tal-persuna, kif stipulat bil-ftehim li għandu l-gvern mal-istess djar privati. Il-pazjenti ser jikkontribwixxu skont il-provvedimenti tal-Avviz Legali 259 tal-2004. Dawn is-sodod kienu parti mill-ftehim diversi li għandu l-gvern fl-iskema tal-Private Public Partnership sabiex ikun jista’ juza’ sodod fi djar privati tal-anzjani.
Residenza San Vinċenz de Paule — talba biex persuna tidħol fid-dimentia ward
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22616 u jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tbati mid-dimentia u li applikat għar-Residenza San Vinċenz de Paule u minkejja li applikat fl-2007 xorta ma kellhiex risposta peress li bħalissa hija tinsab f home privata għax mhix tajba biex toqgħod id-dar u minkejja kollox f din il-home m'hemmx kura għal min ibati bid-dimentia u x-xewqa tal-familjari hija li tidħol f'San Vincenz de Paule Dimentia Ward?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bħalissa m’hemmx postijiet vakanti fid-Dementia Ward. Jekk jiġi vakanti post f’din is-sala, jkun jista’ jidħol pazjent ieħor jekk jissodisfa l-kriterji ta’ dħul għal din is-sala. Kull talba li ssir biex xi ħadd jidħol fid-Dementia Ward tiġi evalwata minn team mediku multidixxiplinarju.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22233 dwar patient rights in cross boarder health care, jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li pazjenti Maltin ikunu jistgħu jibdew jibbenefikaw minn dan id-dritt? Fuq liema kriterji se jiġi miċħud dan id-dritt lil pazjent li jkun ilu fuq lista ta' stennija għal proċeduri/interventi mediċi/kirurġiċi? Meta se titwaqqaf struttura għal dan il-għan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Direttiva msemmija llum ġiet approvata mill-Parlament Ewropew. Imiss issa li tgħaddi mill-proċessi neċessarji sakemm tiġi ppubblikata fil-ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropeja. Meta din id-Direttiva tkun ippubblikata, l-iStati Membri jkunu mgħarrfa bid-data sa meta jkunu jridu jdaħħluha fil-leġislazzjoni nazzjonali u konsegwentament fis-seħħ. F’din id-direttiva huma nklużi l-kriterji u ċ-ċirkostanzi meta l-awtoritajiet fl-iStati Membri jkunu jistgħu jiċħdu dan id-dritt. L-awtorità kompetenti tiġi mwaqqfa fiż-żmien li jkun stipulat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li n-night shelter taż-Żejtun jakkomoda nisa biss u allura dan il-fatt jista' joħloq diskriminazzjoni sesswali kontra l-anzjani rġiel?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li huwa veru li n-night shelter taż-Żejtun jakkomoda nisa’ biss peress li l-istess night shelter huwa mmexxi mis-sorijiet tan-Nazzarenu. Ta` min jinnota li n-night shelter li jmiss u li ser jiftaħ fil-Mellieħa se jakkomoda kemm anzjani nisa kif ukoll anzjani rġiel.
Pazjenti mill-Isptar Mater Dei ntbagħtu fid-djar tal-anzjani privati
Question
Jista l-Ministru jgħid fir-rigward tal-kriżi ta' spazju għall-pazjenti li nħolqot matul l-ewwel jiem tas-sena u li wasslet biex pazjenti jintbagħtu mill-Isptar Mater Dei fi sptarijiet u djar tal-anzjani privati :
X'kien l-ammont totali ta' pazjenti li ġew trasferiti u f'liema djar tal-anzjani privati ttieħdu?
Kemm-il pazjent ittieħed f'kull waħda minn dawn id-djar b'mod separat?
X'inhuma l-ispejjeż relatati għal kull pazjent li ġie trasferit?
B'liema mod intgħażlu dawn id-djar tal-anzjani?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ammont totali ta’ pazjenti li ġew trasferiti kienu 18, 14 ittieħdu Casa Arkati u 4 ttieħdu Villa Messina.
L-anzjani ġew trasferiti ġo djar li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita għandu
Private Public Partership agreement
magħhom u skont id-dipendenza u l-bżonnijiet kliniċi tal-anzjan.
Għal dawn is-sodod il-Gvern iħallas rati varji skont id-dipendenza tal-persuna.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fir-rigward tal-kriżi ta' spazju għall-pazjenti li nħolqot matul l-ewwel jiem tas-sena u li wasslet biex pazjenti jintbagħtu minn Sptar Mater Dei fi sptarijiet u djar tal-anzjani privati, il-Gvern hux qed jikkunsidra li jerġa' juża partijiet oħra mill-Isptar San Luqa, minbarra l-Isptar Karen Grech?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta hi fin-negattiv.
National Dementia Strategy Group — rakkmandazzjoni għall-mediċina b'xejn
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22533 u jgħid meta se tiġi inkluża r-rakkmandazzjoni tan-National Dementia Strategy Group, hekk kif ġew irrapportati fit-Times tas-17 ta' Marzu 2010, li niġu bħall-bqija tal-Ewropa u nibdew nagħtu l-mediċina għaliha b'xejn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ġie mwaqqaf grupp fi ħdan il-Ministeru biex isiru costings dwar ir-rakkomondazzjonijiet proposti mid-Dementia Strategy Group u permezz ta’ din l-evalwazzjoni l-gvern ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi fuq l-għotja tal-mediċina mingħajr ħlas skont ir-riżorsi disponibbli u s-sostennibilità ta’ din id-deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jara li xi ħadd mid-dipartiment jirranġa s-servizz tat-telecare tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li ilu bil-ħsara ġimgħat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ħsara fuq in-numru tat-telephone imsemmi ġiet irrappurtata nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Jannar 2011. Mis-sistema kompjuterizzata ta’ ħsarat fuq is-sistema tat-telefonija fissa ta’ GO irriżulta li l-ħsara ma kienitx fuq il-linja ta’ GO iżda kienet ikkaġunata mis-set tat-Telecare.
Nhar it-Tnejn, 17 ta’ Jannar 2011 intbagħat tekniku ta’ GO fuq il-post biex jiċċekkja n-natura tal-ħsara u sab li l-‘
cradle switch’
tas-sett tat-
telecare
ta’ dawn l-abbonati kien iġġammjat u kellu jinbidel. Iżda meta t-tekniku mar jibdel is-
set
tat-
telecare
, l-abbonati oġġezzjonaw għaliex ma riedux
set
tat-
telecare
kif kien provdut iżda riedu set ta’ tip ieħor.
Il-kumpanija GO irnexxielha ssib
set
tat-
telecare
bħal dak li xtaqu l-abbonati. Nhar it-Tlieta 18 ta’ Jannar, 2011 it-tekniku reġa mar lura fuq il-post biex jibdel is-
set
bil-ħsara ma’
set
kif xtaqu l-abbonati Is-servizz issa ġie għan-normal.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Health Promotion Unit tafx li uffiċjali għoljin fl-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta ipejpu fl-uffiċini tal-impjegati tal-istess Awtorità? Jekk taf, x'passi ħadet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-infurzar tal-liġi li tipprojbixxi it-tipjip fuq il-postijiet tax-xogħol hija ir-responsabbilta tal-istess intrapriża. F’każijiet bħal dawn id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali jew il-Pulizija jidħlu biss meta jkun hemm xi rapport formali ta’ ksur tal-liġi. Ninsab infurmat li d-Direttorat ma rċieva l-ebda rapport ta’ din in-natura.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuni dijabetiċi li jkollhom il-kartuna r-roża għandhomx dritt għal-Lantus Solostar insulina u jekk il-gvern iġġibx minnha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-insulina glargine (Lantus®) tinsab fil-Formularju tal-Gvern u tingħata b’xejn lil dijabetiċi Tip I li għandhom kartuna roża, flimkien mal-pinen Autopen®24 jew Clickstar®.
Jista' l-Ministru jassigura li s-servizz tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek jibda jitħaddem kemm jista' jkun malajr fil-lokalità ta' Ħaż-Żebbug ukoll?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Kif tħabbar uffiċjalment f’Marzu li għadda, l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek se tkompli tiġi estiża fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex kollha.
Il-pjan hu li l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek tkun infirxet ma’ kullimkien sal-aħħar tal-2012.
Trasferiment ta' Anzjana minn dar tal-anzjani għal oħra
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tinsab Casa Arkati u jgħid jekk hijiex se tibqa' hemmhekk għal dejjem jew inkella hix se tiġi trasferita għar-Residenza San Vinċenz de Paule fuq ix-xewqa tal-istess anzjana u tal-istess applikazzjoni li hija għamlet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija waħda minn dawk il-pazjenti li kienet ġiet trasferita mill-Isptar Mater Dei għal Casa Arkati fis-6 ta’ Jannar 2011 taħt l-iskema tal-public private partnership meta kien hemm influss qawwi ta’ pazjenti bl-influwenza li kellhom bżonn jiddaħħlu fl-Isptar Mater Dei.
Din l-anzjana kienet applikat biex tidħol fir-Residenza San Vincenz de Paule fit-30 ta’ Diċembru 2010. L-
assessment
tas-
Social Worker
wasal fid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità fid-19 ta’ Jannar 2011. Dan il-każ ġie approvat mill-Bord tal-Ammissjoni għar-Residenza San Vincenz de Paule u tqiegħed fuq il-lista ta’ stennija.
Din l-anzjana issa jinħtieġilha tagħmel talba lid-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunita’ biex tiġi trasferita minn Casa Arkati għar-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule. Dan it-trasferiment jiddependi mill-postijet vakanti f'din ir-residenza kif ukoll mill-bżonnijiet kliniċi tal-anzjana.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — voti approvati li ma ġewx utilizzati
Question
B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji item item, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx utilizzati (minfuqa) inkluż il-Voti taħt Contributions to Government Entities, Programmes and Initiatives u Kapitali?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22611 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22251, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba peress li fid-dawl ta' leġislazzjoni pendenti dwar l-IVF, din l-informazzjoni hi kruċjali?
Response (CASSAR, JOSEPH)
B'referenza għar-risposta li ngħatat għal-mistoqsija parlamentari 22049, minn dawn in-new cases ta’ cerebral palsy fil-perjodu minn 1995 sa Ottubru 2010, jirriżulta li kien hemm żewġ każijiet separati fejn it-tarbija kienet waħda minn tewmin.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22610 u ċioe: Rigward il-mediċina Tamiflu, jista' l-Ministru jgħid minn meta m'għadhiex tingħata b'xejn meta tkun preskritta minn tabib? Japprezza l-fatt li filwaqt li s-sena li għaddiet kienet qed tingħata b'xejn b'mod universali, issa lanqas qed tingħata b'xejn lil min għandu l-karta r-roża u dan fi żmien meta hemm tant admissions l-isptar b'kumplikazzjonijiet tal-Influwenza AH1N1?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-għoti tal-medicini Oseltamivir u Zanamivir b’xejn kienu parti mill-pjan ta’ rispons tad-Diviżjoni għall-Pandemija. In fakkar lill-Onorevoli interpellant li fil-preżent għaddejjin mill-fażi akuta tal-influwenza staġjonali u bl-ebda mod me aħna fi stat ta’ Pandemija. Għaldaqstant il-miżuri kollha li kienu ittieħdu is-sena l-oħra waqt li konna f’pandemija ma japplikawx għal din is-sena.
working group rakkmandat mill-Ombudsman — rapport finali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22241 u jgħid tlestix ir-rapport finali tal-working group li kien ġie rakkmandat mill-Ombudsman f'Jannar 2009 dwar policy nazzjonali dwar l-immaniġjar tal-listi ta stennija għall-operazzjonijiet fl-isptarijiet pubbliċi? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir x-xogħol ta' restawr fuq il-faċċata taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u xi pjanijiet ta' restawr hemm għall-bieb tal-ħadid li kien jinsab mal-istess faċċata li issa huwa mwarrab?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fuq ir-rixtellu tad-daħla prinċipali taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata diġà sar ix-xogħol kollu ta’ restawr u protezzjoni. Tali bieb tal-ħadid jinsab fiċ-ċimiterju lest sabiex jitwaħħal f’postu meta x-xogħol ta’ restawr u tisħiħ tal-faċċata jseħħ.
Il-pjan għax-xogħol fuq l-istruttura tad-daħla għadhom qed jitħejjew peress li jinvolvu permessi neċessarji mill-Awtorità Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjannar.