Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni ta' immigranti illegali f'Malta f'Jannar 2009? Kemm hemm irġiel u nisa separatament? Kemm hemm minn dawn li ilhom hawn Malta għal iktar minn 6 xhur? Kemm kellhom tfal waqt li qed jinżammu f'Malta? Kemm ġew jiswew lill-Kaxxa ta' Malta l-ispiża biex iżommhom bid-dinjità kollha li jixraqilhom bejn Jannar 2008 u Diċembru 2008?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-popolazzjoni tal-immigranti irregolari sa l-aħħar ta' Jannar 2009 kienet kif ġej:-
Closed Centres - 1804 irġiel
- 219 nisa
Minn dawn, 862 ilhom Malta aktar minn sitt xhur.
Open Centres -1299 irġiel
- 176 nisa
Bażikament, l-immigranti li jgħixu f'dawn iċ-ċentri jkunu qattgħu aktar minn sitt xhur f'pajjiżna.
Rigward tfal imwielda minn immigranti irregolari, nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
L-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-mistoqsija għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' sigħat ta' overtime li sar matul is-sena 2008 f'kull dipartiment u entità fid-dekasteru tiegħu, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid ukoll x'allowances ingħataw fl-istess entitajiet matul l-istess perijodu maqsuma ukoll xaħar b'xahar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ma nħossx li għandi naħli r-riżorsi tal-Gvern b'dan il-mod sakemm l-Onorevoli Interpellant ma jagħtix raġuni valida għall-ħtieġa ta' din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2008? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiswew prezentement lill-Gvern fix-xahar iċ-ċentri kollha fejn jinzammu l-immgranti illegali u jgħid kemm hemm personnel impjegat ma' dawn iċ-ċentri, kemm b'mod volontarju kif ukoll bil-paga? Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiswew tfal ta' immigranti li qed jattendu skejjel Maltin u jindika l-istatistika? Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ripatrijati, kemm b'mod volontarju, kif ukoll b'forza tal-liġi matul dawn l-aħħar tnax-il xahar u kemm kienet l-ispiża konċernanti? Jista' l-Ministru jagħti dettalji, pajjiz b'pajjiz, dwar dawk il-pajjizi li jaċċettaw jakkomodaw lill-immigranti illegali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi preżentement hemm 270 u 50 impjegat ġewwa l-Closed u l-Open Centres rispettivament. Infurmat ukoll illi bejn Frar tal-2008 u Frar tal-2009 ġew ripatrijati 80 immigrant illegali. In-nefqa għar-ripatrijazzjoni ta' numru minn dawn il-persuni li saret minn dan il-Ministeru kienet ta' €72,158.
Il-pajjiżi li s'issa aċċettaw resettlement ta' immigranti minn Malta kienu, l-Olanda, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Portugal, l-Irlanda u l-Istati Uniti tal-Amerika. Barra minnhekk, bħalissa għaddej il-proċess sabiex Franza wkoll tieħu 80 persuna li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali. Ta' minn ifakkar ukoll illi l-Gvern qed jagħmel sforzi kontinwi sabiex il-proċess ta' resettlement jinfirex ma' aktar pajjiżi Ewropej.
Għar-rigward l-ewwel parti tat-tielet mistoqsija u ta' tfal ta' immigranti li jattendu skejjel Maltin, nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministri kkonċernati.
L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal status ta' refuġjat jew għal xi forma ta' kenn ieħor f'Malta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi, sat-23 ta' Frar ta' din is-sena, kien hemm 1015 -il applikazzjoni pendenti. Dawn jinkludu applikazzjonijiet li saru mill-227 immigrant irregolari li daħal dan l-aħħar.
Jista’ l-Ministru jara li l-pulizija jieħdu ħsieb li jsir ipparkjar ta’vetturi kif suppost meta jkun hemm logħob tal-football tal-Premier League fil-grawnd tal-Hibernians f’Kordin? Jaf li kemm-il darba qed isir ipparkjar ħazin tant li dan qed jikkawza imblukkar totali bil-konsegwenza li ambulanza ma jkollhiex minn fejn tgħaddi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza illi l-faċilitajiet għall-ipparkjar ta’ vetturi ta’ l-imsemmi ground huma limitati. Ninsab infurmat li l-akkwata hija żona industrijali u għalhekk waqt il-ħin tal-logħob il-fabbriki, fil-maġġoranza tagħhom, ikunu magħluqin u ma jkunx hemm movimenti ta' vetturi għajr għal dawk li jkunu ser jattendu għal-logħob fl-istess ground. Madankollu, ninsab infurmat illi fejn ikun hemm vetturi li jkunu qed jimblukkaw il-passaġġ il-Pulizija ser tkompli tieħu l-passi meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-investigazzjoni tal-Pulizija fil-każ ta’ġlied wara l-logħba Sliema u Qormi ta’ Diċembru li għadda qed tieħu tant fit-tul? Il-Pulizija talbet biex tara xi filmati li dehru fuq xi stazzjon tat-televiżjoni biex tara tidentifikax lil xi persuni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Fir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5238, kont għidt illi li l-Pulizija kienet qed tinvestiga l-inċidenti imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Issa, ninsab infurmat illi b’riżultat ta’ din l-investigazzjoni nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra l-persuna b’konnessjoni ma' dawn l-istess inċidenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5313 u jgħid jekk jistax ħanut jopera mingħajr trade licence oriġinali?
Jista' ħanut li ma jkollux trade licenece oriġinali jopera jew saħansitra tinħareġ il-liċenzja to operate mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu?
Skond challenge li ġie ppreżentat il-qorti datat 05/10/06, li d-dettalji qed jinbagħtu separatament, irriżulta mid-dokumenti li tpoġġew, li l-ħanut msemmi m'għandu l-ebda dokument/permessi oriġinali sabiex ikun jista' jopera kif espress mill-liġi sabiex wieħed ikun jista jopera. Jista' jgħid kif dan il-ħanut għadu jopera sal-lum mingħajr il-permessi oriġinali, u allura f'dan l-isfond x'passi jmiss li jittieħdu fuq dan l-każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fir-rigward taċ-challenge imsemmi, fl-20 ta' Frar tal-2007 il-Qorti kienet iddegretat hekk: "Tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija li jinvestiga l-ilment tar-rikorrenti u jikkomunika l-eżitu ta' tali investigazzjoni lir-rikorrenti". Infurmat ukoll illi l-Pulizija kienet aderrixiet ma' din l-ordni billi kienet investigat u anke ikkomunikat l-eżitu tal-investigazzjoni tagħha lill-avukat li dak iż-żmien kien jirrappreżenta lir-rikorrent. Għar-rigward il-partijiet l-oħra tad-domanda, peress illi l-liċenzji għan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-pulizija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Korp tal-Pulizija — immigranti irregolari - infiq ta' flus
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-Korp tal-Pulizija fuq l-immigranti irregolari sena b'sena mill-2003 sal-2008 u kif nefaqhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Bħal ma diġa' kelli l-opportunita' li nispjega f'okkazzjonijiet preċedenti, minħabba n-natura tax-xogħol u l-esiġenzi varji li jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra, huwa impossibbli li wieħed jikkwantifika bi preċiżjoni kemm kienet l-ispiża tal-Korp tal-Pulizija fuq l-immigranti irregolari.
Madankollu, ninsab infurmat illi, apparti s-salarji tal-membri tal-Korp tal-Pulizija, l-ispiża approssimattiva kienet kif ġej:-
Ikel
Spejjeż għar-ripatrijazzjoni
Spejjeż oħra
Total
2003
Lm107,891
Lm112,520
Lm187,523
Lm407,934
2004
Lm118,574
Lm50,534
Lm21,342
Lm190,450
2005
Lm199,302
Lm96,471
Lm44,981
Lm340,750
2006
Lm248,538
Lm98,598
Lm42,124
Lm389,260
2007
Lm71,845
Lm9,622
Lm23,211
Lm104,678
2008
€18,298
€86,033
€70,007
€174,338
Jaf il-Ministru bin-nuqqas kbir ta' kordinament li jeżisti bejn il-Pulizija u l-Qrati partikolarment fejn għandu x'jaqsam it-tqassim tal-mandati ta' arrest? Jaf li f'ċerti każi l-uniku surġent illi jkun hemm xogħol l-għassa ikun irid jitla' wkoll jagħmel ir-riferti dwar dawn il-mandati l-Qorti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-proċedura stabbilita' hija li l-mandati ta’ arrest li joħorġu mill-Qrati tal-Maġistrati jiġu eżegwiti mill-Pulizija tad-Distrett, li fih il-persuna jkollha ir-residenza tagħha. Ovvjament, jekk il-persuna li tkun is-suġġett ta’ l-istess mandat ma tinstabx, dak il-membru tal-Korp u mhux neċessarjament is-surġent li jkun ipprova jeżegwixxi l-mandat, ikun irid jitla' jixhed quddiem il-Qorti sabiex jagħti r-raġunijiet għaliex il-mandat ma jkunx ġie eżegwit.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma eżatt il-proċeduri segwiti mill-Pulizija f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu tat-Taser Guns speċjalment wara li jidher li dawn qed jinbidlu minn żmien għall-ieħor?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-proċeduri segwiti mill-Pulizija għal dak li għandu x’jaqsam mal-użu tat-taser guns huma dawk li hemm stipulati fiċ-ċirkolarijiet interni maħruġa fit-23 ta’ Settembru 2008 u fit-22 ta’ Jannar, 2009. Dawn iċ-ċirkolarijiet li tqassmu lil kull membru tal-Korp, ma jindikaw l-ebda tibdil fil-proċedura. Jekk hemm xi membri tal-Korp li għandhom xi dubju dwar l-użu, ikun għaqli li dawn jikkonsultaw lis-superjuri tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija għandux xi forma ta' counseling unit? Jekk għandu dan il-unit, minn min hu kompost? Tiġi offruta xi forma ta' għajnuna psikjatrika lill-membri tal-korp?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi s’issa l-Korp tal-Pulizija m’għandux counselling unit fi ħdanu. Iżda, b’riżultat ta’ rappreżentazzjonijiet li kienu saru mal-‘Caritas (Malta)’, kien sar ftehim biex din l-organizzazzjoni tibda toffri servizz ta’ counselling lill–membri tal-Korp tal-Pulizija mingħajr ħlas u fuq bażi individwali. Dan is-servizz beda jitħaddem mis-26 ta’ Diċembru, 2006.
Jista' l-Ministru jgħid meta bi ħsiebhom il-Pulizija jibdew jagħmlu użu mill-breathalyser test equipment il-ġdid? Jaf il-Ministru li dan l-appaart ilu mixtri għal madwar sena u s'issa għadu qatt ma' ntuża?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-mobile breathalyser test ser jibda jopera wara li jkunu saru u għaddew mill-Parlament l-emendi meħtieġa kemm fl-Ordinanza Dwar ir-Regolament tat-Traffiku, Kap 65 tal-Liġijiet ta’ Malta, kif ukoll fir-Regolamenti dwar Strumenti u Laboratorji għat-Testijiet tan-Nifs, skont l-Avviż Legali 418 tal-2004 kif sussegwentament emendat.
Servizzi tad-Dwana u tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn qed jingħataw is-servizzi tad-Dwana u tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni fil-yacht marina ta' Ta' Xbiex ladarba l-post minn fejn kien qed jingħata dan is-servizz ġie magħluq?
Huwa minnu li dawn is-servizzi m'għadhomx jingħataw minn dan is-sit iżda mill-Baggage Room tal-Belt?
Jaħsebx li b'dan il-mod qed tiġi preġudikata s-sigurtà tal-yacht marina?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi s-servizzi mill-Pulizija ta’ l-Immigrazzjoni dwar il-Yacht Marina ġewwa Ta’ Xbiex qegħdin temporanjament jingħataw mis-Seaport fil-Port il-Kbir. Dan sakemm jitlesta x-xogħol li qed isir fuq l-uffiċċini l-ġodda lejn in-naħat ta’ l-ex Torpedo Depot.
Jista' l-Ministru jgħid itteħdux jew jekk hux se jittieħdu passi kriminali kontra uħud minn dawn l-immigranti illegali prezumibbilment ta' nazzjonalita' Tunezina li dan l-aħħar ippartecipaw f'rewwixta u kkaġunaw ħruq u ħsara volontarja fost reati simili fi propjeta' tal-Gvern? Jista' jgħid matul dawn l-aħħar tnax-il xahar kemm kien hemm rapporti minn Uffiċjali tal-Forzi tas-Sigurta' Maltija dwar grieħi li sofrew jew inċidenti oħra simili minn immigranti illegali? Jista' jgħid jekk sarux, u jekk saru jgħid kemm, inċidenti fil-closed centres u fl-open centres ta' l-immigranti illegali f'dawn l-aħħar tnax-il xahar u xi spiza inkorra l-Gvern sabiex jeffettwa r-reparazzjonijiet konċernati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li ttieħdu passi kriminali kontra erba’ immigranti illegali ta' nazzjonalita' Tuneżina li dan l-aħħar ipparteċipaw f'rewwixta u kkaġunaw ħruq u ħsara volontarja fost reati simili fi propjeta' tal-Gvern. Dawn ġew ikkundannati għal sitt xhur priġunerija kull wieħed fil-25 ta' Frar 2009.
Infurmat ukoll li matul dawn l-aħħar tnax-il xahar saru sitt rapporti minn Uffiċjali tal-Forzi tas-Sigurta' dwar grieħi li sofrew jew inċidenti oħra simili ikkawżati minn immigranti illegali.
Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar in-numru ta' inċidenti li ġew irrapportati li seħħew fil-closed u fl-open centres kien ta' 10 u 16 rispettivament. L-informazzjoni dwar l'ispiża totali li nkorra l-Gvern sabiex jeffettwa t-tiswijiet ikkawżati minn dawn l-inċidenti għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Immigranti illegali li ħarbu miċ-ċentri ta' detenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar tnax-il xahar kemm-il immigranti illegali ħarab miċ-ċentri ta' detenzjoni jew kemm ġew nieqsa immigranti illegali minn open centres u kemm minnhom ġew ri-intraċċati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar tnax-il xahar in-numru ta' immigranti llegali li rnexxihom jaħarbu miċ-ċentri ta' detenzjoni kien ta' 207, li minnhom instabu 56.
Immigranti illegali detenuti fiċ-ċentri ta' detenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, preżentement, kemm hawn immigranti illegali detenuti fiċ-ċentri ta' detenzjoni, kemm hemm fl-open centres, u kemm hu kkalkolat li hawn fil-pajjiż in ġenerali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent, il-popolazzjoni ta' immigranti illegali ġewwa ċ-ċentri ta' detenzjoni u dawk miftuħa hija ta' 2302 u 2194 rispettivament. Huwa tajjeb li wieħed jgħid illi fost dawk l-immigranti li jgħixu ġewwa ċ-ċentri miftuħa hemm numru li għad għandhom t-talba tagħhom għall-ażil pendenti.
Ninsab infurmat ukoll illi hemm 766 immigranti li jgħixu ġewwa residenzi privati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq il-Gvern Malti bejn Jannar u Diċembru 2008 sabiex iżomm il-klandestini f'Malta? Kemm minn dawn l-ispejjeż huma ġejjin minn għajnuna tal-Unjoni Ewropea u kemm minnhom irid iħallashom il-Gvern Malti? Kemm huwa kkalkulat li jiġi jiswa kull klandestin kull jum? Jista' jgħid kemm għandna persuni fi status ta' klandestin illum il-ġurnata?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid il-għala il-membri tal-Korp tal-Pulizija ġew imwgħda li se jkollhom dak li jissejjaħ job description anki bi qbil ġewwa l-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar, u sal-lum dan għadu ma seħħx?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sallum għadu ma wasal l-ebda rapport għand il-Kummissarju mingħand il-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar li juri li kien sar xi qbil dwar il-job descriptions. Ta' min wieħed iżid pero', li l-Korp tal-Pulizija ilu li beda jaħdem fuq il-kwestjoni tal-job description. Fil-fatt dawk tal-iSpetturi u s-Supretendenti ilhom lesti u ġew iċċirkolati filwaqt li hemm oħrajn li qegħdin jiġu ppreparati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ftehim kollettiv ta' Ġunju 1993 rigward il-Pulizija, sal-lum għadu ma ġiex kollu fis-seħħ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal-liema parti jew partijiet tal-Ftehim Kollettiv tal-1993 qed jirreferi sabiex inkun nista' nagħti risposta.