Response (BORG, IAN)
Nieħu gost li kull darba li nlestu proġett ewlieni sabiex inkomplu nagħtu lill-familji u n-negozji f’Malta infrastruttura tal-ogħla kwalità, bilkemm nilħqu nikxfu l-plakka li l-Onorevoli Aquilina ma jkunx pront jistaqsina kemm swiet l-inawgurazzjoni. Dwar l-inawgurazzjonijiet hemm ħafna x’wieħed jista’ jgħid. Iżda, qabel xejn, ħasra li minkejja daqstant investimenti kbar li qed inwettqu, l-Oppożizzjoni għadha ma tgħallmitx tagħraf il-ġid nazzjonali li qed jistinkaw għalih mijjiet ta’ ħaddiema involuti f’dawn il-proġetti u fejn hu tajjeb tgħidlu tajjeb. Minflok, malli l-Oppożizzjoni rrealizzat li l-poplu kien sodisfatt bit-tlestija tal-Marsa Junction Project, intefgħet b’ruħha u ġisimha tara kif se ttappan dan il-proġett ħalli forsi tiggwadanja xi ftit punti f’xi sondaġġ.
B’investiment ta’ €70 miljun, permezz tal-Marsa Junction Project il-Gvern qed inaqqas il-ħin fl-ivvjaġġar b’79% u sa 70% mit-tniġġis tal-ajra fl-iżjed żona li minnha jivvjaġġaw persuni f’Malta, tul ir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar tal-pajjiż. Dan huwa proġett li minnu qed igawdu aktar minn 100,000 persuna kuljum. Kif qed igawdu?
Studju li sar fl-2019 mill-ekonomista Gordon Cordina wera li għal kull €1 miljun investiment li sar fil-Marsa Junction Project, Malta qed tieħu lura €4.2 miljun f’benefiċċji, fosthom it-tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar, inqas konsum ta’ fjuwil, tnaqqis t’aċċidenti u spejjeż mediċi relatati, produttività akbar u titjib kbir fil-kwalità tal-arja. Fi ftit kliem, kwalità ta’ ħajja aħjar għal dawk li jivvjaġġaw jew jgħixu fin-nofsinhar ta’ Malta.
Il-Marsa Junction Project kien jinkludi l-bini ta’ seba’ strutturi ta’ flyovers u 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, 3 kilometri u nofs ta’ bankini, mogħdijiet u korsiji għar-roti, żewġ pontijiet pedonali, korsiji għall-karozzi tal-linja, parkeġġ ta’ 380 vettura għas-servizz tal-park and ride, 15-il kilometru ta’ sistemi għas-servizzi taħt l-art u ¿oni estensivi ta’ pajsaġġ b’eluf ta’ siġar ġodda.
Il-proġett irriġenera spazju pubbliku ta’ 97,000 metru kwadru bejn il-Marsa u Raħal Ġdid, bl-introduzzjoni ta’ infrastruttura ta’ kwalità aħjar u aktar sigura għal dawk kollha li jużaw dawn it-toroq kif ukoll għar-residenti u l-ħaddiema fl-inħawi. Sa ftit snin ilu, ħafna minn din iż-żona kienet mitluqa, b’bini industrijali qadim, strutturi oħrajn abbandunati, bankini u punti minn fejn taqsam it-triq perikolużi u spazji għall-parkeġġ mhux użati.
It-toroq u l-flyovers ġodda tal-proġett ħolqu konnessjonijiet diretti lejn ir-rotot kollha li jingħaqdu f’din il-junction, li jinkludu toroq arterjali bħalma huma Triq Aldo Moro, Vjal Santa Luċija, Vjal Sir Paul Boffa u Triq Giuseppe Garibaldi. B’hekk il-proġett elimina s-sistema ta’ traffic lights li kienet saret lejn l-aħħar tad-disgħinijiet biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, li kien ilu li għadda żmienha, bil-konsegwenza li bdiet toħloq konġestjonijiet kbar u konċentrazzjoni għolja ta’ tniġġis tal-arja u storbju.
L-eliminazzjoni tal-ħinijiet ta’ stennija li kien ikun hemm qabel minħabba t-traffic lights għal aktar minn 100,000 persuna li ta’ kuljum jivvjaġġaw f’din il-junction qed jissarraf f’titjib kbir fil-kwalità tal-arja f’Raħal Ġdid u l-Marsa. Il-Marsa Junction Project qed inaqqas sa 70% tal-materja f’partiċelli u 52% tal-ossidji tan-nitroġenu, li huma żewġ kawżi prinċipali ta’ mard respiratorju u problemi oħrajn ta’ saħħa. Dan l-investiment qed inaqqas ukoll bin-nofs id-dijossidu tal-karbonju, kontributur ewlieni għall-emerġenza klimatika.
Il-bankini, il-pontijiet pedonali u l-korsiji ġodda għar-roti ta’ dan il-proġett jiffurmaw parti minn netwerk akbar ta’ bankini u mogħdijiet, korsiji għar-roti, mini (subways) u pontijiet li Infrastructure Malta qed tiżviluppa f’dan ir-reġjun biex iżżid is-sigurezza għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bil-karozzi tal-linja jew bir-rota, bejn Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Santa Luċija, il-Marsa, Ħal Luqa, il-Gudja, Ħal Qormi u nħawi oħrajn fil-viċin. Dawn jinkludu infrastruttura oħra ġdida li tlestiet fl-aħħar sentejn, fosthom il-korsija ġdida għall-mixi u r-roti tul Triq Ħal Luqa u Vjal Santa Luċija u l-mina (subway) taħt Triq tal-Barrani, bejn Santa Luċija u Ħal Tarxien.
Taħt it-toroq ġodda, l-aġenzija għaddiet 15-il kilometru ta’ sistemi għas-servizzi taħt l-art, li jinkludu pajpijiet għall-ilma, katusi tad-drenaġġ, mini (walk-through culverts) li minnhom jgħaddu l-cables tal-elettriku, pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi tat-telekomunikazzjoni oħrajn u katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita.
Fiż-żoni ġodda mħaddrin tal-proġett, qed inħawlu 7,770 siġra u 10,495 arbuxell. Dawn iż-żoni biswit il-mogħdijiet u l-korsiji ġodda għar-roti tal-proġett qed ikomplu jissebbħu b’erba’ xogħlijiet artistiċi monumentali li nħadmu minn artisti lokali u internazzjonali.
Sabiex nirringrazzjaw lill-pubbliku għal tliet snin ta’ koperazzjoni biex wettaqna dan il-proġett, u sabiex nirrikonoxxu u nfaħħru l-impenn u l-ħila tal-ħaddiema kollha li taw is-sehem tagħhom f’din il-ħidma, nhar il-15 t’April li għadda organizzajna ċerimonja ta’ ringrazzjament u inawgurazzjoni, hekk kif xieraq għal proġett daqstant importanti. Kellna l-ħsieb li għal din iċ-ċerimonja jkollna magħna lil dawk kollha li ħadmu biex dan il-proġett sar realtà iżda ċ-ċirkostanzi preżenti ma ppermettewx li jsir dan. Għalhekk, stedinna lill-pubbliku u l-ħaddiema tal-proġett isegwu ċ-ċerimonja, li saret mingħajr mistednin, permezz tal-mezzi soċjali u t-televiżjoni.
In-nefqa ta’ din l-attività (inkluż l-ispejjeż tal-iffilmjar u x-xandir tagħha mill-PBS), sabiex nirringrazzjaw lill-ħaddiema u l-pubbliku għal dan il-proġett ta’ €70 miljun swiet €45,480. Dan ifisser inqas minn terz tal-ispiża tal-inawgurazzjoni ta’ Pjazza San Ġorg fl-2009, meta kienu ntefqu €141,770 f’attivitajiet t’inawgurazzjoni għal proġett b’investiment infrastrutturali ta’ €1.2 miljun, jew madwar nofs l-ispiża ta’ €80,123 li ntefqet fl-inawgurazzjoni tal-proġett ta’ €10 miljun għat-terminus ġdid tal-bendy buses u xarabanks oħra tal-Arriva f’Lulju 2011. Kif għidt fil-bidu ta’ din it-tweġiba, dwar l-infieq fl-inawgurazzjonijiet, hemm ħafna x’tgħid.