Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għeluq tal-Ġnien tal-Mall

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni saret mall-kunsilli lokali dwar l-għeluq tal-ġonna tal-Mall, partikolarmanet fil-passaġġ li jkompli mat-Triq il-Konservatorju l-Furjana, fejn joqogħdu 'il fuq minn 100 anzjan/a?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi qed isiru konsultazzjonijiet mal- Kunsill Lokali dwar il-ħinijet tal-ftuħ tal-ġonna li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant. Infurmat ukoll li ma hemm l-ebda pjan biex jingħalaq il-passaġġ imsemmi li jkompli mat-Triq il-Konservatorju.

Pjazza ta' Ħal Farruġ — siġar

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-inizjattiva permezz tad-dipartiment relevanti biex jitħawwlu ftit siġar fil-Pjazza ta' Ħal Farruġ li għandha konki tas-siġar vojta u li ilhom hekk madwar sitt snin? Jista' jieħu wkoll l-inizjattiva biex l-istruttura tal-funtana li hemm fin-nofs ta' din l-istess pjazza titnaddaf u titħaddem, biex ma tibqax qisha miżbla żgħira f'nofs din l-area residenzjali u żvog għat-tfal u ż-żgħażagħ residenti hemmhekk?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi s-sit li qed tirreferi għalih l-Onor Interpellant jaqa taħt ir-responsabiltà tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Luqa.

Ħal Farruġ — area residenzjali - klieb li jiġru barra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx saru spezzjonijiet fl-area residenzjali ta' Ħal Farruġ biex l-għadd ta' klieb jiġru barra u li qed jgħixu f'kundizzjonijiet ħżiena iżda wkoll qed joffru periklu għar-residenti speċjalment it-tfal, jiġu maqbuda u jittieħdu f'xi shelter li jkun addattat għalihom? Jekk le, għaliex? Jekk iva, x'sar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi fl-area indikata mill-Onor Interpellant saru ħames spezzjonijiet mis-sezzjoni tal-Animal Welfare mill-bidu ta’ din is-sena. F’każ minnhom kelb intbagħat f’santwarju tal-klieb wara li ngħata kura meħtieġa. F’każ ieħor kelb li kien mitluf inġabar u ingħata lill-sidu. F’każ ieħor, persuna ġiet mwissija biex ma jħallix klieb jiġru barra. Kien hemm ukoll rapport ieħor ta’ klieb jiġru barra imma wara spezzjoni li saret, l-ispetturi ma sabu xejn. Sadanittant irid jingħad li s-sezzjoni tal-Animal Welfare qatt ma rċeviet rapporti mill-pulizija dwar xi periklu li jista jkun hemm fuq residenti u/jew tfal fiż-żona minħabba xi klieb.

superviżjoni fuq il-pompi tal-petrol u diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix superviżjoni fuq il-pompi tal-petrol u diesel li jbiegħu l-istess prodott lill-pubbliku ħalli jaraw li l-meter tal-arloġġ jaqra skond kemm il-konsumatur jkun qed jieħu petrol jew diesel? Jekk jeżisti, jista' l-Ministru jippubblika kemm-il inspection saret matul is-sena 2009 u x'kienu r-riżultati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi s-superviżjoni fuq il-pompi tal-petrol u d-diesel taqa taħt ir-responsabilta tal- Malta Standards Authority u għaldaqstant nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

spezzjonijiet fuq iċ-ċilindri tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux spezzjonijiet ħalli ċ-ċilindri tal-gass li jixtri l-poplu għall-konsum tiegħu jkunux verament mimlija bil-gass tajjeb għat-tisjir u mhux xi prodott ieħor li jtaqqal iċ-ċilindru u fil-fatt dak il-prodott ma jkunx tajjeb biex jinħaraq? Jista' jgħid minn min isiru dawn l-ispezzjonijiet u kemm saru minnhom matul is-sena 2009? Jista' jgħid x'kienu r-riżultati tal-investigazzjonijiet imsemmija? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-investigazzjonijiet isirux minn xi kumpanija indipendenti jew mill-kumpanija li tipproduċi l-gass fiċ-ċilindri jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi skond il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-liċenzja għall-importazzjoni l-importaturi huma obbligati li jaraw li l-kwalità tal-Gass Petroleum Likwefatt li jkunu impurtaw tkun tajba. Minn Jannar 2010 l-Awtorita ta’ Malta dwar ir-Riżorsi bdiet tagħmel spezzjonijiet fuq il-kwalita tal-prodott kemm fil-Qajjenza fejn jiġi bottiljat il-gas kif ukoll f’postijiet oħra fejn jinbiegħ il-gas. Minn dawn l-ispezzjonijiet ma rriżulta l-ebda irregolarita’. L-Awtorità tal-Istandards hi l-Awtorità responsabbli għall-kejl u l-qisien kollha f’Malta, inkluż il-kwantità tal-gass li wieħed isib fiċ-ċilindri tal-gass li jkunu għall-bejgħ u għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — energy audits

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru energy audits mill-Ministeru tiegħu sal-lum? Meta saru? Jistgħu jiġu ppubblikati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 7877.

Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi — potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija permezz tas-CHP

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17403, jista' l-Ministru fid-dawl tar-rapporti Analysis of Potential for Co-generation on the Maltese Islands - June 2009 – Ing. Charles Buttigieg u l-Malta’s CHP Report li huma in public domain tal-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi li jitkellem dwar il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija permezz tas-CHP – combined heat and power,jgħid : Għaliex għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni konkreta u x’mistenni jsir f’dan ir-rigward matul din is-sena? Il-gvern għandux ħsieb li jelimina d-dazju fuq fuels li jintużaw għas-CHP? Il-gvern għandux xi pjan li jintroduċi FIT – feed in tariff ibbażata fuq dak li jiġi ffrankat kemm f’CO2u anki f’KWH? Il-gvern għandux xi pjan għal feed in tariff fuq CHP ibbażata fuq CO2 neutral fuels ? Kif beħsiebu l-gvern jimxi skont il- best practice li diġà qed tiġi addottata fl-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi d-direttiva 08/2004 ma tobbliga lil ebda Stat Membru biex jimponi investiment fis-CHP. Dwar il-feed in tariff (FIT) irrid ngħid li bħalissa l-Gvern għaddej b’diskussjonijiet u qed ikunu kkunsidrati diversi għażliet pero hu prematur li wieħed jagħti aktar dettalji f’dan l-istadju. Dwar id-dazju nitlob l-Onor Interpellant jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Transfer minn fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17525 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u tara li jsir transfer tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li fuq ordni tal-Professur ma tistax taħdem f'dak il-post?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi d-Direttorat tal-People Management and Support Services fi ħdan il-Ministeru tiegħi qatt ma rċieva talba dwar xi trasferiment mingħand il-persuna li indika l-Onor Interpellant.

Bajja ta' Marsaxlokk — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' dredging fil-Bajja ta' Marsaxlokk? Kemm se jiswa? Kemm mistenni jieħdu x-xogħlijiet? X'miżuri oħra huma maħsuba sabiex joffru lqugħ u protezzjoni lid-dgħajjes tas-sajjieda fil-bajja ta' Marsaxlokk?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li t-tender biex isir ix-xogħol ta’ dredging f’Marsaxlokk qed jiġi ffinalizzat biex ikun jista’ jinħareg fi ftit gimgħat oħra. Ix-xogħol proprju ta’ dredging hu stmat li jieħu 16-il gimgħa u għandu jiswa madwar €750,000. Fir-rigward ta’ xogħolijiet oħra biex joffru lqugħ u protezzjoni lid-dgħajjes tas-sajjieda l-pjanijiet għadhom qed jiġu ffinaliżżati.

Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta — Renewable Energy Incentive Scheme

Question

B’referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 17544, jista’ l-Ministru jispeċifika x’qed ifisser meta jgħid “fi ftit ġimgħat oħra”? Jista’ jagħti time-frame jew data meta dan il-proċess se jerġa’ jibda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi s-sejħa l-ġdida ser tiftaħ qabel Awwissu.

Esportazzjoni ta' Patata

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17474, jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jiġbor l-istatistika u l-informazzjoni ġaladarba ma tinġabarx mid-Direttorat tal-Agrikoltura?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni dwar statistika tinġabar mill-uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — xogħol ta' natura legali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17363 u jgħid kemm ingħata xogħol ta' natura legali fl-aħħar sitt xhur? Lil min ingħata? Ingħata b'direct order jew sejħiet għall-applikazzjoni? X'kienet il-biċċa xogħol u kemm kien il-ħlas għal kull biċċa xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Diviżjoni tax-Xogħlijiet — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17176, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fit-taqsima tas-servizzi fi ħdan id-diversi dipartimenti tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet skont l-iskala li jokkupaw? Kemm minnhom huma bil-light duty?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 17176.

Rapport fuq il-kundizzjoni tal-pompi tal-fuel

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16974, jista' l-Ministru jinfurmani meta l-proċess in kwistjoni se jiġi konkluż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-proċess ta’ studju mistenni jkun konkluż fi żmien qasir.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — xogħol ta' konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'xogħol ta' konsulenza ngħata lill-persuna li isimha qed jintbagħa separatament mill-entitajiet, aġenziji, fondazzjonijiet, awtoritajiet eċċ.li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sena b'sena bejn l-2004 u l-2009? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol u xi ħlas sar ta' kull biċċa xogħol ta' konsulenza ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Skips — moniteraġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-iskips li qegħdin biex jinġabar skart separat fid-diversi bliet u irħula, jaqgħux taħt is-sorveljanza tal-kunsilli lokali? Jekk le, allura kif isir moniteraġġ tagħhom biex wieħed jara li jkunu qed jintużaw kif jixraq? Kemm hemm minn dawn l-iskips? Kull kunsill lokali għandu minn dawn l-iskips fir-raħal jew belt rispettiv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi dawn l-iskips tal-iskart separat jaqgħu taħt is-sorveljanza tal-Kunsilli Lokali. It-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħti dettalji dwar l-iskips (kull bring-in-site fiha 4 skips) provduti mill-WasteServ f’kull lokalità.

Restawr ta' boathouse

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beda u meta tlesta x-xogħol ta' restawr tal-post, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament? Kemm sewa dan ix-xogħol? Minn min sar u min ħallas għall-ispiża involuta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi x-xogħol fuq is-sit indikat mill-Onor. Interpellant sar mis-sid innifsu wara li rebaħ tender tal-kunsill lokali Pieta u skont il-kundizzjonijiet tal-istess tender.

dewmien għal sussidju tat-tadam

Question

Peress li ħafna bdiewa Għawdxin qed jilmentaw għaliex għadhom ma tħallsux is-sussidju tat-tadam, jista' l-Ministru jgħid għalfejn u meta se jsir il-ħlas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor Interpellant tispeċifika għal-liema sussidju tat-tadam qed tirreferi.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — membri tal-familja fuq delegazzjoni barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din il-leġislatura, jekk qattx kien akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu, waqt safar uffiċjali tal-Gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi matul din il-leġislatura l-mara tiegħi akkumpanjatni darbtejn fl-okkażjonijiet li jidhru hawn taħt; Informal Meeting of Agriculture and Fisheries Ministers for the EU Annecy France 21-23 September 2008. Informal meeting of Agriculture and Fisheries – Vaxjo Sweden – 13th -15th September 2008. Hi l-prattika li n-nisa/ partners ta’ Ministri jkunu mistiedna mill-Presidenza għall-laqgħat Ministerjali informali tant li jitħejja programm apposta għalihom. L-ispejjeż kollha marbuta mas-safar tal-mara tiegħi tħallsu minnha stess.

Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta — Renewable Energy Incentive Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kienu l-irregolaritajiet li wasslu biex l-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta iktar kmieni dan ix-xahar issospendiet ir-Renewable Energy Incentive Scheme li kienet tnediet fi Frar li għadda? X’passi se jkunu qed jittieħdu dwar dawn l-irregolaritajiet? Kemm kienu n-nies li ntlaqtu mis-sospensjoni ta’ din ir-Renewable Energy Incentive Scheme?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-iskema li kienet tnediet fi Frar li għadda twaqqfet, kif anke imħabbar permezz ta' stqarrija għall-istampa fit-30 t’April 2010 wara li tul il-proċess ta’ verifika li kien qed isir mill-MRA, irriżultaw inkonsistenzi f’diversi applikazzjonijiet. Dawn kienu jinkludu differenzi fil-prezzijiet għal tagħmir simili kif ukoll prezzijiet ikkwotati li kienu jinkludu spejjeż li ma kenux eliġibbli għall-għotja (grant) skont artiklu 4.3 tal-linji gwida tal-iskema. Għaldaqstant ittieħdu passi, kif fil-fatt ġara, u l-iskema twaqqfet. Kien hemm 416-il applikant li ġew infurmati li se jingħataw l-opportunità li jerġgħu japplikaw u se jingħataw preferenza meta jinfetħu l-applikazzjonijiet il-ġodda fi ftit ġimgħat oħra. L-MRA bagħtet ukoll ittra lil kull min applika biex tiżgura li kull applikant huwa nfurmat b’dawn l-iżviluppi.