Legislature:
Category:
Reset
Active:

Smart City — Tecom Investment - pagamenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26401 u jgħid jekk Tecom Investment humiex qegħdin jonoraw fil-ħin il-pagamenti relatati mal-proġett ta' Smart City?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27479.

Ħal Luqa — Triq San Tumas - pedestrian crossing

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir pedestrian crossing fi Triq San Tumas f'Ħal Luqa filwaqt li jgħid meta hemm il-ħsieb li jitlesta x-xogħol fuqha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm pjan sabiex isir pedestrian crossing fi Triq San Tumas, f'Ħal Luqa. Dan qed jiġi analizzat u hekk kif jiġu konklużi l-pjanti, jinbeda l-proċess għall-implimentazzjoni.

Servizz ta' Trasport Pubbliku ġdid — toroq magħluqa minħabba festi jew xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'se tkun il-pożizzjoni tal-konfront tas-soċjetà li se tmexxi t-trasport pubbliku l-ġdid (l-Arriva) meta jkun hemm talba leġittima minn xi ċittadin jew għaqda lill-Kummissarju tal-Pulizija jew lis-Segretarju tal-Kunsill Lokali tal-lokal in kwestjoni biex b'mod temporanju tingħalaq xi triq li minnhom jgħaddu l-karozzi tal-linja eżempju f'każ ta' festi fl-irħula jew f'każ ta' xi xogħlijiet strutturali?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.26835.

Vetturi li intirtu

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'jiġri meta vettura tkun intirtet minn għadd ta' werrieta, però xi ħadd mill-werrieta jagħżel li ma jikkoperax fil-mili tal-formoli jew ritorn tan-number plate lil Transport Malta, speċjalment jekk il-vettura de quo tkun inzertat għandu fil-mument tal-mewt tal-axxendenti? Hemm xi mekkaniżmu li bih il-werrieta li jkunu disposti jimxu skont il-liġi imma minħabba wieħed mill-werrieta ma jistgħux jeżoneraw irwieħhom mill-pieni ta' multi?

Response (GATT, AUSTIN)

Mhux l-użanza tal-Kamra illi Ministru jagħti pariri dwar proċeduri legali bejn werrieta fuq il-wirt tagħhom.

Bus stops ġodda

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27141, biex inneħħu kull dubju dwar id-domanda kif tqiegħdet, jista' l-Ministru jagħti tagħrif, bus stop, bus stop miżjud jew imneħħi li se jiġu affettwati mir-rotot il-ġodda u dan fejn jikkonċerna l-11 u 12-il distrett elettorali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li preżentament qed isir eżerċizzju madwar Malta u Għawdex sabiex jiġu identifikati n-numri finali ta’ bus stops li ser jitneħħew bl-introduzzjoni tas-servizz l-ġdid, kif ukoll liema bus stops ġew istallati ġodda sabiex jakkomodaw ir-rotot il-ġodda. Infurmat ukoll li dawn iċ-ċifri se jiġu mqassma meta l-eżerċizzju jkun finalizzat fil-ġimgħat li ġejjin.

San Pawl il-Baħar — tneħħija ta' bus stops

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-bus stop li hemm ħdejn il-Knisja tal-Karmnu, fi Triq San Pawl, (it-triq prinċipali), fid-direzzjoni tal-Mellieħa, u l-bus stop l-ieħor faċċata tiegħu (fid-direzzjoni tal-Belt), hux ser jitneħħew? Jekk iva, jista' jassigura li dan ma jiġrix, billi jekk dan iseħħ ir-residenti li joqogħdu fl-inħawi jkollhom problemi biex jużaw il-karozza tal-linja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bus stops li hemm ħdejn il-Knisja tal-Karmnu, fi Triq San Pawl kemm fid-direzzjoni lejn il-Mellieħa kif ukoll lejn il-Belt, se jitneħħew. Dan se jsir peress li fil-parti tat-triq imsemmija hija dejqa, l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku ħass il-ħtieġa li jieħu din il-miżura għal raġunijiet ta’ sigurtà u mmaniġjar aħjar tat-traffiku.

Ħad-Dingli — tender għal xogħol fuq it-toroq

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ tenders li ħarġet Trasport Malta minn Marzu 2008 sal-lum għal xogħol ta’ toroq li jaqgħu fil-konfini ta’ Ħad-Dingli? Jista' jgħid kull tender kemm kienet tiswa, jew kemm hu stmat li tiswa, skont kif ikun il-każ u jgħid kull tender f’liema fażi waslet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Imġarr Malta — tenders għal xogħol ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ tenders li ħarġet Transport Malta minn Marzu 2008 sal-lum għal xogħol ta’ toroq li jaqgħu fil-konfini tal-Imgarr Malta? Jista' jgħid kull tender kemm kienet tiswa, jew kemm hu stmat li tiswa, skont kif ikun il-każ u jgħid kull tender f’liema fażi waslet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-2008 sal-lum tlestew dawn it-toroq fil-konfini tal-Imġarr u dan wara l-ħruġ tat-tenders relattivi:- Construction of Triq l-Għelejjel Mġarr Mġarr 15,194.57 Construction of Triq Ġorg Żammit Mġarr Mġarr 41,072.98 Construction of p/o Triq San Pawl Mġarr Mġarr 19,871.35 Construction of Triq St Marija, Mġarr Mġarr 19,586.26

Imtarfa — tenders għal xogħol ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ tenders li ħarġet Transport Malta minn Marzu 2008 sal-lum għal xogħol ta’ toroq li jaqgħu fil-konfini tal-Imtarfa? Jista' jgħid kull tender kemm kienet tiswa, jew kemm hu stmat li tiswa, skont kif ikun il-każ u jgħid kull tender f’liema fażi waslet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Gabbani ta' Putirjal il-Belt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27134 u jgħid il-gabbani li hemm f'Putirjal il-Belt fejn sejrin? Kulmin kien Putirjal, kollha se jerġa' jkollhom post dawk il-gabbani li se jsiru ġodda? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta' dawn il-gabbani, id-daqs u l-materjal fejn se jitpoġġew? L-Arriva se jkollha l-gabbani tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward l-ewwel żewġ mistoqsijiet, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numru 14770 u 15299. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta ta’ fejn se jsiru dawn il-gabbani. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor Interpellant li “Phase II” għad trid tiġi finalizzata għal fini ta’ permessi tal-MEPA. Arriva għandha kiosk fuq in-naħa ta’ St.James Ditch.

Ħal Qormi — San Ġorġ - nuqqas ta' servizz pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'qed jiġri fir-rigward tar-riforma fit-trasport pubbliku, fl-area ta' Ħal Qormi, San Ġorġ, fis-sens li per eżempju, t-Tlieta 5 ta' Lulju 2011, kulma għaddew min-naħa tal-Knisja ta' San Ġorġ, kienu biss tliet xarabanks u għaldaqstant l-istennija tal-passiġġieri kienet waħda fit-tul wisq? Jista' l-Ministru jispjega jekk din is-sitwazzjoni hijiex se tibqa' hekk u dan għaliex din hija area, fejn hemm ageing population notevoli?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fl-area ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi fil-kuntratt hemm stipulat li għandhom jgħaddu madwar żewġ karozzi tal-linja kull siegħa. Il-frekwenza tas-servizz preżentament offrut mill-operatur huwa inqas minn dak li hemm stipulat fl-imsemmi kuntratt. Transport Malta tirrikonoxxi l-inkonvenjenza li qed tinħoloq u qed teżiġi li l-operatur jtejjeb is-servizz u jirkupra minn dawn id-diffikulatjiet malajr kemm jista’ jkun.

Ħal Qormi — Bus terminus

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx l-istħarriġ meħtieġ dwar x'effetti jista' jkollu l-bini tal-bus terminus li nbena ħdejn l-ex fabbrika Lowenbrau f'Ħal Qormi, fuq il-korsa tal-ilma tax-xita u dan sabiex jiġi evitat għargħar eventwali, fl-istaġun tax-xita? Jista' jgħid xi prekawzjonijiet ittieħdu fuq il-ħażna tal-fuel li qed jingħad li se jkun hemm f'dan it-terminus?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26950.

Bormla — San Ġwann t'Għuxa - rotot tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux minnu li nies li jgħixu fl-inħawi ta' San Ġwann t'Għuxa f'Bormla, bis-servizz il-ġdida tal-Arriva, mhux se jibqgħu jkollhom servizz li jieqaf San Ġwann t'Għuxa u minflok se jibdew ikollhom jinżlu fi Pjazza Gavino Gulia?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Xogħlijiet ta' Bieb il-Belt/Teatru Rjal/Parlament

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont f'liema stadju waslu x-xogħlijiet ta' Bieb il-Belt/Teatru Rjal/Parlament? Kemm ġew jiswew ix-xogħlijiet s'issa u lil min u kemm saru ħlasijiet? X'inhu l-persentaġġ tax-xogħol kollu li s'issa tlesta? Il-proġett għadu miexi skond il-programm sabiex jitlesta fiż-żmien stipulat?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari nru. 25075 u 25445. Rigward l-persentaġġ tax-xogħol kollu li tlesta, jien infurmat li dan huwa ta’ 8% tal-Hard Cost by Value sal-aħħar ta’ Ġunju 2011.

Valletta — Bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jara li jinbnew xi tip ta' shelters fil-bus terminus tal-Belt Valletta għal dawk il-mijiet ta' nies li llum kienu qegħdin jistennew il-karozzi tal-linja f'xemx tiżreġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-bus terminus tal-Belt Valletta, Transport Malta nstallat kiosk wieħed li jinkludi fih shelter, filwaqt li se tistalla sitt kiosks oħra bejn Lulju u Ottubru. Sadanittant, Transport Malta tellgħat ukoll numru ta’ strutturi temporanji sabiex in-nies ikollhom fejn jipproteġu ruħhom mix-xemx.

Rotot minn Buġibba għal Golden Bay u minn Buġibba għar-Rabat

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26650, jista' l-Ministru jgħid b'liema mod Transport Malta u Arriva se jkunu qed jevalwaw l-użu tar-rotot biex dawn jittejbu skont il-bżonn? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li sar bejn Transport Malta u Arriva? Peress li bis-sistema l-ġdida ġew introdotti madwar 20 interchange f’Malta li l-iskop tagħhom huwa li jsir tibdil ta’ rotot minflok li r-rotot ikunu diretti lejn il-Belt Valletta, jista' jgħid preżentament fejn huma dawn l-interchanges? Jista' jgħid x'tip ta' konsultazzjoni kellha Trasport Malta mal-kunsilli lokali, jekk kellha, vis-a-vis r-rotot minn fejn jgħaddu l-karozzi tal-linja? Jekk iva, ma' liema kunsilli lokali kienet din il-konsultazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Msida — Triq it-Torri - kwestjoni dwar inġenji fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jittieħdu passi dwar il-fatt li t-traffiku two way fi Triq it-Torri l-Imsida, speċjalment meta jiġi biex jidħol jew joħroġ minn Triq Xmiexi, Msida ħafna drabi jiġi ostakulat mill-fatt li spiss isib quddiemu fork lifters u inġenji oħrajn ta' xi mħażen tal-merkanzija li hemm fl-istess Triq it-Torri f'diversi ħinijiet tal-ġurnata li ġieli jagħmlu dan impossibbli?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-Taqsima ta’ traffic management fi ħdan Transport Malta ma tirċeviex talbiet għal xogħlijiet li jirrikjedu l-użu ta’ fork lifters u inġenji oħra, speċjalment jekk it-triq in kwistjoni tkun taqa taħt ir-responsabbilta tal-kunsill lokali konċernat. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Msida — Triq Xmiexi - tiswija ta' tappieri

Question

Billi hemm xi tappieri fi Triq Reġjonali li tiġi fuq Triq Xmiexi Msida, li jagħmlu ħsejjes kbar meta jgħaddi t-traffiku regolarment minn fuqhom ftit 'il bogħod mir-roundabout li hemm qabel Triq il-Punent Msida, fejn l-iskating rink, jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jiġu rranġati billi dawn qed ikunu ta' inkonvenjent għar-residenti ta’ parti sew minn Triq Xmiexi, Msida?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tagħmel il-preparamenti neċessarji biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata.

Kumpanija Arriva — servizz dirett lejn l-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fis-servizz, suppost aħjar, tal-kumpanija Arriva tat-trasport pubbliku fin-naħa t'isfel ta' Malta, id-diretti lejn l-isptar Mater Dei tneħħew kollha jew kważi? B'mod speċifiku jista' jgħid għalfejn id-diretta li titlaq miż-Żejtun għall-Isptar Mater Dei tneħħiet u issa se jkun meħtieġ li persuna tirkeb aktar minn żewġ karozzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku illum l-ġurnata taħdem b’mod differenti minn kif kienet qabel. Ġiet introdotta sistema diċentralizzata ta’ rotot li qabel kienu kollha ċentrati fil-Belt Valletta. Din is-sistema l-ġdida tinvolvi madwar għoxrin interchange madwar Malta. Dan ifisser li ċerti servizzi diretti m’għadhomx joperaw direttament, imma jirrikjedu interchange. Minn naħa l-oħra, ċerti rotot oħra m’għadx għandhom bżonn interchange fil-Belt Valletta peress li qed jiġu moqdija b’għażla ta’ interchanges oħra. Għaldaqstant, ir-residenti kollha tan-naħa t’isfel ta’ Malta jridu jaqbdu ix-xarabank li teħodhom Raħal Ġdid u minn hemm jaqbdu karozza diretta lejn l-isptar Mater Dei bir-rotta numru X2 u li titlaq minn Raħal Ġdid kull nofs siegħa.