Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar it-tender CT3251/2018 Tender for the Provision of Project Management Services for The Management and Administration of Contracts related to the Rehabilitation of Several Valleys across Gozo li d-data tal-għeluq ta’ din l-istess tender kienet fit-23 ta' Lulju 2019, peress li fuq il-website www.etenders.gov.mt qed tiġi murija li t-tender għadha bħala 'Evaluation'?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender CT3251/2018 ġie evalwat bir-rikomandazzjoni għall-award ppublikata, bid-data tal-għeluq għall-appelli kienet it-Tnejn 3 ta’ Frar 2020. Ladarba ma jiġux sottomessi ebda appelli, d-Dipartiment tal-Kuntratti jkomplu bl-award u l-preparazzjoni tal-kuntratt fil-jiem/ġimgħat li ġejjin.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8922 li saret fl-14 ta' Frar 2019, jista’ l-Ministru jaġġorna dwar il-Proġett ta’ Restawr tal-Fanal tal-Ġordan ġewwa Għawdex? Kemm-il-sena ilu jiġi rrestawrat? X’sar s’issa? X'fadal isir? F’liema xahar u sena huwa ppjanat li jitlesta dan il-proġett? Kemm kienet in-nefqa s’issa fuq dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tar-restawr tal-Fanal tal-Ġordan jinsab fi stadju avvanzat. Ix-xogħol qed isir kemm minn impjegati ta’ dan il-Ministeru kif ukoll minn kuntratturi privati. Ix-xogħol minn kuntratturi privati mistenni jkun konkluz fix-xhur li ġejjin. Sa Diċembru 2019, l-ispiża b’rabta r-restawr tal-bini storiku kienet tammonta għal €46,468.
B'referenza għall-bini ta' Dar tal-Anzjani fi Triq l-Imġarr f'Għajnsielem, jista’ l-Ministru jgħid:
a. meta kienet id-data li l-Gvern ħa f’idejh din il-proprjetà mingħand il-Kurja ta’ Għawdex;
b. meta ġie ffirmat il-ftehim bejn il-Gvern u d-Djoċesi ta' Għawdex;
c. kemm tħallas mill-Gvern lid-Djoċesi ta' Għawdex minn meta sar il-ftehim sal-lum għal din il-proprjetà;
d. jista’ jippubblika u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-ftehim;
e. fiex wasal ix-xogħol fuq din id-dar tal-Anzjani li suppost ilha li bdiet tilqa' l-anzjani aktar minn tliet snin ilu;
f. kemm kienet l-ispiża s’issa fuq din id-Dar tal-Anzjani;
g. kemm se jkun in-numru ta' anzjani li tista' tilqa' din id-dar meta tkun lesta;
h. kemm hu stmat li se jkun in-numru ta' ħaddiema f'din id-Dar tal-Anzjani;
i. kemm-il parkeġġ se jkun fiha din id-Dar tal-Anzjani, għall-ħaddiema u viżitaturi;
j. min kienu l-kuntratturi li ħadmu s’issa fuq din id-dar u kemm tħallas kull kuntrattur;
k. liema offerti hemm mogħtija u lil liema kuntrattur u għal liema xogħol li fadal isir; u
l. meta hija d-data li din id-dar hija mistennija li tilqa' l-ewwel anzjani peress li issa x-xogħol fuq din id-dar jidher li hu wieqaf għalkemm ilu li beda kważi sitt snin ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ħa f’idejh din il-propjeta’ fl-2013 permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat f’Mejju tal-imsemmija sena. F’Ottubru tas-sena li għaddiet giet ippublikata l-Prior Information Notice mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Sadanitant ġie iffinalizat l-abbozz tat-tender biex dan ikun ppublikat fil-ġimgħat li gejjin. La darba tkun tiffunzjona l-operat ta’ din id-dar, din se tkun tilqa 119 resident. Il-pjan huwa li l-ewwel residenti jidħlu f’din id-dar bejn l-aħħar kwart tat-2020 u l-ewwel kwart tat-2021.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat kull sena matul l-2017, 2018 u 2019 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali sena b’sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex — persuni li kienu jokkupaw position of trust jew joffru servizz ta’ konsulenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm, u fil-każ kemm kien hemm, persuni li kienu jokkupaw position of trust jew kienu jipprovdu servizzi ta’ konsulenza ta’ kwalsiasi tip sal-1 ta’ Jannar 2020 fi ħdan id-dekasteru tiegħu, litwaqqfu, tneħħew jew ġie tterminat il-kuntratt tagħhom? Kemm minnhom marru lura għal xi impjieg fis-Servizz Pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm sebgħa persuni f’pożizzjoni ta’ fiduċja jew li kienu qed jagħtu servizzi ta’ konsulenza sal-1 ta’ Jannar 2020 li twaqqfu. Minnhom erba marru lura fis-servizz pubbliku u tlieta ma’ entitajiet differenti.
Jista' l-Ministru jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tat-taraġ bejn it-terminus tal-linja u Pjazza San Franġisk, kif ukoll Pjazza San Franġisk innifisha? Jista' jispjega b'mod dettaljat il-miżuri li qed jittieħdu biex dan il-proġett ikun totalment aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u persuni oħra b'mobilità ridotta? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett? Jista' jagħti data preċiża u ċara ta' meta dan il-proġett ser jitlesta u jibda jitgawda mill-pubbliku? Huwa veru li reċentement kellu jinqala’ l-pavimentar il-ġdid ta' Pjazza San Franġisk minħabba li ma sarx sew? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli oħra li qed iżommu x-xogħlijiet lura?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlesta l-pavimentar tat-taraġ u beda jitwaħħal id-disinn tal-mużajk kif ukoll l-cladding. Beda wkoll jitpoġġa l-pavimentar ta’ Pjazza San Franġisk. L-aċċess għall-Pjazza San Frangisk se jkun aċċessibli permezz ta’ passenger lift li jgħaqqad il-venda tal-linja ma’ Pjazza San Franġisk. Dan se jagħti aċċess sigur lin-nies u jneħħi l-periklu li amministrazzjonijiet Nazzjonalisti qatt ma ħasbu biex jagħmlu. Il-proġett mistenni jkun komplut fil-bidu tas-Sajf 2020. Miniex infurmat li kellu jinqala xi pavimentar li kien diġa twaħħal. Ix-xogħlijiet mexjin hekk kif skedat. Il-tender għall-proġett ta’ Pjazza San Franġisk ġie awarded għas-somma ta’ €2,184,823.34 (excl VAT), filwaqt li t-tender tat-Taraġ ta’ San Frangisk ġie awarded għas-somma ta’ €334,012.27 (excl VAT).
Jista’ l-Ministru jispjega b’mod dettaljat u konkret f’liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq il-Qorti l-ġdid propost għal Għawdex? Jista’ jagħti data preċiża u ċara ta’ meta dan il-Qorti ser jitlesta u jibda jintuża mill-pubbliku? Jista’ jagħti d-dettalji ta’ kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett? Jista’ jgħid kemm kienet is-somma li nefaq il-Ministeru fuq dan il-proġett fil-leġiżlatura li għaddiet u kif ukoll kemm kienet is-somma li l-istess Ministeru nefaq fuq l-istess proġett fil-leġiżlatura kurrenti sal-lum? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12383, 12538 u 12772 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għawdex – Ix-Xagħra – Triq Ġorf – sistema tad-drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet differenti jew aħjar minn tal-Ministru li ppreċedietu sabiex Triq Ġorf ġewwa x-Xagħra Għawdex titqabbad mas-sistema tad-drenaġġ pubbliku, mingħajr il-bżonn li r-residenti jkollhom jużaw il-fosos bħal fil-preżent? Jista' jgħid ukoll jekk wara l-petizzjoni miġbura mir-residenti ta' din it-triq kwantu s-servizz tad-drenaġġ u li ġiet ippreżentata lill-Ministru ta' qablu, hux ser jiltaqa’ mal-istess residenti sabiex jismagħhom u jasal għal soluzzjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li d-Dipartiment tar-Restawr u l-Manutenzjoni ma jista jagħmel l-ebda xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ minħabba proċeduri legali pendenti fil-Qorti.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta’ triq alternattiva għad-daħla tal-Belt Victoria, u jgħid fil-konkret x'sar s’issa u jgħid x'hemm ippjanat li jsir fil-ġimgħat li ġejjin? Jista’ jgħid jekk sarux xi laqgħat ta' konsultazzjoni u informazzjoni għall-istakeholders u għall-persuni li se jintlaqtu minn dan il-proġett u jekk iva, meta u fejn saru?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Il-proġett ta’ triq alternattiva għad-daħla tal-Belt Victoria huwa parti mill-proġett tat-triq li tgħaqqad il-Belt Victoria ma' Marsalforn. Marbut ma’ dan il-proġett, ħareg it-tender li bħalissa jinstab fi stadju bikri ta' evalwazzjoni.
Il-Ministeru jikkonferma li saru laqgħat ta' konsultazzjoni u informazzjoni għall-istakeholders u għall-persuni li se jintlaqtu minn dan il-proġett nhar it-8 ta’ Frar 2019 fis-sala tal-Ministeru ta’ Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-kuntrattur/kuntratturi li ħadmu jew qed jaħdmu fil-preżent fuq parti mill-ħajt tal-Bajja tax-Xwejni u fuq it-triq li miż-Żebbuġ twassal għall-Bajja tax-Xwejni (Parti minn Triq Għajn Mhelhel)? Jista' jgħid ukoll għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ proġetti, f’liema xahar u sena ġie awarded it-tender għalih u kemm kien il-prezz li bih ġie awarded it-tender?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kuntrattur li qed jaħdem fuq it-triq li miż-Żebbuġ twassal għall-Bajja tax-Xwejni (parti minn Triq Għajn Mhelhel) hu Gatt Tarmac Ltd, filwaqt li l-kuntrattur li ħadem fuq parti mill-ħajt tal-Bajja tax-Xwejni hu Road Structures Ltd. It-tender tat-triq li miż-Żebbuġ twassal għall-Bajja tax-Xwejni (Parti minn Triq Għajn Mhelhel) ġiet awarded fi Frar 2019 għall-prezz ta’ € 266,855.32 (VAT eskluż) filwaqt li t-tender tal-parti mill-ħajt tal-Bajja tax-Xwejni ġie awarded fis-7 ta' Mejju 2019 għall-prezz ta’ € 36,771.00 (VAT eskluż).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qed isir fi Triq Sant'Antnin f'Għajnsielem u fi Triq l-Imġarr fin-Nadur, dawn hux ser jinbnew skont standards tal-Unjoni Ewropea u standards ta' Infrastructure Malta? X’hemm ippjanat li jsir f'salib it-toroq bejn Triq l-Imġarr, Triq Sant Antnin u Triq il-Qala peress li din hija junction perikoluża ħafna għas-sewwieqa li jużaw din it-triq? Hemm ippjanata roundabout (circular intersection) u jekk le x'hemm ippjanat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninfoma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol li qed isir fi Triq Sant'Antnin f'Għajnsielem u fi Triq l-Imġarr fin-Nadur, qed isir skont l-standards tal-Unjoni Ewropea u standards ta' Infrastructure Malta u Transport Malta.
Barra minn hekk f'salib it-toroq bejn Triq l-Imġarr, Triq Sant Antnin u Triq il-Qala hu maħsub li jiġu ntrodotti żewġ t-junctions skont l-standards. Dawn il-junctions se jgħinu biex tissaħħaħ il-viżibilita’ tat-toroq u jitnaqqas il-periklu.
Ir-Rabat Għawdex — Tender għal Gozo Museum – tibdil fid-disinn jew pjanti tax-xogħol
Question
B’referenza għat-tender bin-numru ta’ referenza CT3064/2018 “Works Tender for the Construction of the Gozo Museum in Victoria Gozo”, jista’ l-Ministru jgħid jekk minn meta ngħatat it-tender sal-lum, kienx hemm tibdil fid-disinn jew pjanti tax-xogħol li se jsir u jekk iva, x'tibdil sar u min għamel it-tibdil? Jista’ jgħid jekk dan it-tibdil ġiex approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar, u jekk hu l-każ, x’inhu n-numru l-ġdid tal-permess, u minn awtoritajiet oħra konċernati? Jista' jgħid jekk minn meta ngħatat l-offerta sal-lum kienx hemm varjazzjonijiet mit-tender/ Bill of Quantities oriġinali u jekk iva, x'inhuma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawk iż-żoni fejn ma ġew misjuba l-ebda fdalijiet arkaeoloġiċi, dejjem wara konsultazzjoni u superviżjoni sħiħa min-naħa tas-Supretendenza għall-Wirt Kulturali, baqgħu għaddejjin ix-xogħlijiet tal-iskavar hekk kif kienu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar oriġinarjament skont il-permess PA/09197/17. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru skont ir-rati kif maqbula fil-kuntratt b’referenza CT3064/2018.
Mill-banda l-oħra, f’dawk iż-żoni fejn instabu l-fdalijiet, dejjem skont l-approvazzjoni sħiħa tas-Supretendenza għall-Wirt Kulturali, u biex jiġu kkonservati dawn l-istess fdalijiet, ġiet imdaħħla ammenda bir-referenza PA/09947/19 fuq il-permess oriġinali. Bħalissa qed issir reviżjoni tal-
Bills of Quantities
biex dawn is-sejbiet jiġu nkorporati b’mod ħolistiku fil-Mużew ta’ Għawdex.
Ir-Ramla – Master Plan – proċess ta’ konsultazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid min qed imexxi l-proċess ta' konsultazzjoni dwar il-master plan tar-Ramla? Jista' jgħid jekk ġiex sottomess xi dokument biex iservi bħala bażi ta' konsultazzjoni u jekk iva jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża s’issa fuq dan il-proċess għall-master plan tar-Ramla u tispeċifika min tħallas s’issa u kemm? Jista' jgħid kif ser jitkompla dan il-proċess u meta hu maħsub li ser jingħalaq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12538 u 12383 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ser tkun tospita anzjani d-Dar tal-Anzjani fi Triq l-Imġarr f'Għajnsielem u meta ser jidħlu l-ewwel anzjani fiha? Jista' jgħid kemm-il parkeġġ fiha din id-Dar tal-Anzjani u fejn jinsabu dawn il-parkeġġi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Id-Dar tal-anzjani fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem se tospita 119 persuna. Hu maħsub li l-ewwel anzjani jidbdew deħlin fiha fl-aħħar kwart tas-sena 2020, pero’ dan jiddependi fuq ‘tendering procedures’. It-tender ‘Service Tender for the finishing, furnishing, equipping, operating, managing and maintaining of Dar San Ġużepp at Għajnsielem, Gozo as a facility for the long-term care of the elderly’ hu maħsub li tkun pubblikata f’Marzu 2020.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir ix-xogħol fuq Triq it-Torri Gorgun fix-Xewkija? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender biex isir ix-xogħol fuq din it-triq u jekk din hijiex ser titlesta sal-aħħar tas-sena 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onoreovoli Interpellant li ma ħarġitx tender għax-xogħlijiet fuq din it-triq.
Tender — Negotiated Procedure for the Paving and Embellishment works at Marsalforn Promenade Marsalforn Gozo
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fid-disinn jew pjanti tax-xogħol li ser isir fit-tender bin-numru ta’ referenza CT2199/2019 Negotiated Procedure for the Paving and Embellishment works at Marsalforn Promenade Marsalforn Gozo minn meta ngħatat it-tender sal-lum? Jekk iva x'tibdil sar u għaliex sar? Jista' jgħid jekk kienx hemm varjazzjonijiet minn meta ngħatat l-offerta sal-lum fit-tender/ Bill of Quantities oriġinali u jekk iva x' inhuma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tisbieħ tal-promenade ta’ Marsalforn ilu mwiegħed lir-residenti, lis-sajjieda u lill-operaturi kummerċjali u turistiċi ta’ Marsalforn għal diversi snin. L-implimentazzjoni qed isegwi d-disinji li kienu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-applikazzjoni no. PA 4263/16, mentri x-xogħlijiet huma deskritti fl-appalt no. CT2199/2019. Dan l-appalt intrebaħ mill-kuntrattur li tefa’ l-irhas offerta wara sejħa pubblika u l-ewwel Fażi tal-proġett ser tikkonċentra fuq iż-żona tal-Menqa.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11210 kollha, kif ukoll mistqosija parlamentari numru 12131 u jgħid jekk ix-xogħol fi Triq ir-Ramla fin-Nadur liema xogħol sar wara li nfetħet ħofra f'parti minn din it-triq sarx b'direct order jew wara sejħa għall-offerti? Jista' jgħid min kienu l-kuntratturi li għamlu x-xogħol u kemm kien il-pagament lil kull kuntrattur li ssupplixxa materjal jew għamel ix-xogħol f'din il-parti ta' Triq ir-Ramla fin-Nadur? X'żamm lill-Ministru milli tagħti din l-informazzjoni fir-risposta tagħha tat-22 ta' Ottubru 2019 meta li fl-aħħar mill-aħħar tinvolvi fondi pubbliċi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12131.
B'referenza għall-press conference li ngħatat mill-Ministru għal Għawdex fit-18 ta’ Diċembru 2019 f'Marsalforn dwar il-bidu tal-proġett ta' Paving and Embellishment works at Marsalforn Promenade Marsalforn Gozo, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ntqal li l-proġett ħa jiġi jiswa madwar 3 miljuni u dan minkejja li t-tender CT2199/2019 Negotiated Procedure for the Paving and Embellishment works at Marsalforn Promenade Marsalforn Gozo ġiet awarded għall-prezz ta' €2,691,452.66? Jista' jgħid lil min ingħatat din l-offerta? Jista' jgħid skont l-istess offerta meta għandu jkun lest ix-xogħol kollu li hemm f'din it-tender? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-disinn u pjanti tax-xogħol konness ma’ din it-tender?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-somma ta' €2,691,452.66 teskludi l-VAT. Il-valur tat-tender li jinkludi l-VAT huwa ta' €3,175,913.36. L-offerta ngħatat lil Simon Grech u x-xogħol skont it-tender għandu jitlesta matul din is-sena. Ix-xogħol konness ma’ dan it-tender qed isir skont il-pjanti tal-Masterplan li ġew approvati mill-Awtorita’ tal-Ippjanar.