Legislature:
Category:
Reset
Active:

Paola Health Hub — tender

Question

Peress li l-evalwazzjoni tat-tender tal-Paola Health Hub li hu smat li se jiswa €26 miljun twaqqfu minħabba interessi pekunarji minn membri fil-bord tal-evalwazzjoni u għażla tal-offerti u twaqqaf bord ġdid, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu l-eżitu ta’ dan il-bord? Min intgħażel?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-premessa li qed jagħmel fil-mistoqsija tiegħu hija żbaljata.

Paola Health Hub — proġett

Question

Peress li l-proġett ta’ Paola Health Hub ilu deċiż li jitwettaq minn 2013, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta għandu jitlesta dan il-proġett? Jista’ jgħid min-nefqa ta’ €26miljun, kemm se jinħarġu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett ta` Paola Hub hu maħsub li jitlesta fi żmien 3 snin u nofs minn mindu jibda’ x-xogħol. Il-proġett huwa stmat li jiswa madwar €33miljun (VAT eskluża ), li minnhom 80% se jinħarġu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Campus ta’ Barts ġewwa Għawdex – sit ta’ kostruzzjoni — ħaddiema

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema u x'nazzjonalità huma li qed jaħdmu fuq is-sit ta’ kostruzzjoni fejn hu maħsub li jinbena l-campus ta’ Barts ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk it-timeframes prefissi għal meta għandha tinfetaħ l-iskola ta’ Barts humiex on target u meta hu mistenni li l-binja l-ġdida ta' din l-iskola tilqa' fiha l-ewwel studenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm madwar 30 ħaddiem jaħdem fis-siti ta’ kostruzzjoni relatati ma’ Barts fl-isptar Ġenerali ta Għawdex. Ix-xogħol hu miexi skont il-pjan u t-timeframes mifthema. L-iskola hi mistennija li tilqa` fiha l-ewwel studenti fl-2019.

In-Naxxar — Triq Gaetano Vitale - Xogħol ta' Kostruzzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6256 u 6106 peress li għadu ma qalx meta se jibda x-xogħol fuq l-imsemmija triq fl-ebda risposta, jista' l-Ministru jgħid meta fil-fatt se jibda x-xogħol?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Sptar Mater Dei – kopja tal-ftehim dwar il-parkeġġ pubbliku

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim dwar il-konċessjoni ġdida dwar il-parkeġġ pubbliku tal-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma Iill-Onor. Interpellant illi bħal ħafna kuntratti oħra ta’ natura simili, il-kuntratt imsemmi minnu hu ta’ natura kummerċjali.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — avukati u ditti legali – ħlas

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti l-informazzjoni kollha li għandu disponibbli, fuq kemm tħallsu (fejn għandha tiġi indikata r-rata li jitħallsu fis-siegħa fejn din hija miftehma u applikabbli) l-avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, fil-kapaċità individwali tagħhom u / jew id-ditti legali rispettiva tagħhom, kull sena bejn is-sena 2004 u s-sena 2013?

Response (FEARNE, CHRIS)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni konċernata mitluba mill-Onor. Interpellant. Il-lista qiegħda f’ordni alfabetika li tirrifletti l-ordni tal-persuni / kumpaniji kif ingħatat mill-istess Onorevoli Interpellant.

Dipartiment tal-Emerġenza — psikjatra

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 31244 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-servizz ta’ psikjatra fl-emerġenza 24 siegħa kuljum jingħatax mill-Isptar Mater Dei jew le? Kemm hemm professjonisti oħra li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-psikjatrija jingħata mid-Dipartiment ta’ l-Emerġenza 24 siegħa kuljum, kemm fl-emerġenzi tat-tfal kif ukoll tal-kbar. Apparti s-servizz ta’ Psikjatra fl-emerġenza tat-tfal, f’ħinijiet partikolari ikun hemm ukoll servizz ta’ nurse speċjalizzat.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — car leasing

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtu, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ jista’ jgħid liema kienu b’direct order?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-iSptar Mater Dei, fl-2014 intefqu €25,836 f’car leasing li minnhom €14,543 kienu f’direct orders. Fl-2015 intefqu €103,817.02, fl-2016 €2,499.07 u fl-2017 €6,486.00 li minn dawn ma kien hemm xejn b’direct order. Is-servizzi ngħataw minn Vision Car Leasing, Burmarrad Commercials u Meli Car Rentals. Mill-isptar Monte Carmeli fl-2014, f’ car leasing intefqu €929.10, fl-2015 intefqu €35,016.60, fl-2016 €45,192.30 u fl-2017 €45,192.30 u matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu €30,004.60. Ma kien hemm l-ebda direct order . Is-servizzi ngħataw minn Meli Car Rentals u Freemond Car Rentals. Mill-isptar Ġenerali t’Għawdex fl-2014 intefqu €26,165.61, fl-2015 intefqu €15,534.65 filwaqt li fl-2016 intefqu €17,707.49 f’ car leasin g. Ma kien hemm l-ebda direct order. Is-servizzi ngħataw minn ER Car Hire, Percius Car Hire, FAS Ltd, Burmarrad Commercial, Meli Car Rentals, Raymond Bonnici u Fremod. Mill-POYC fl-2014 intefqu €17,901.49 f’ car leasing , fl-2017 intefqu €43,914.88 li minnhom €34,124.30 kienu f’ direct order filwaqt li matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu intefqu €83,903.52. Fl-2014 u matul din is-sena ma ngħata xejn b’ direct order . Is-servizzi ngħataw minn Burmarrad Commercials, Davico Services, Meli Car Rental, Godwin Garage u Cherubino. Mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fl-2014 intefqu €4,097.31 f’ car leasing , fl-2015 intefqu €10,066.70, fl-2016 €17,190.25, fl-2017 €10,066.70 filwaqt li matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu intefqu €6,701.94. Ma kien hemm l-ebda direct order . Is-servizzi ingħataw minn Ventur Motors, Meli Car Rentals u Burmarrad Commercial. Mill-isptar Karen Grech fl-2014 intefqu €1,949.90. Ma kien hemm l-ebda direct order . Is-servizz ingħata minn Meli Car Rental. Mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fl fl-2014 intefqu €13,815 f’ car leasing, fl-2015 intefqu €16,653, fl-2016 €112,536.04, fl-2017 €8,373.10 filwaqt li matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu intefqu €9,760.97. Ma kien hemm l-ebda direct order. Is-servizzi ingħataw minn Vision Car Lease, Merlin, Festa Ltd u Meli Car Rentals. Mid-Dipartiment tal-Kura Primarja fl fl-2014 intefqu €146.54 f’ car leasing , fl-2015 intefqu €1,613.36, fl-2016 €4,845.27, fl-2017 €5,516.08 filwaqt li matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu intefqu €10,049.01. Ma kien hemm l-ebda direct order. Is-servizzi ingħataw minn Burmarrad Commercials u Meli Car Rentals. Mill-isptar Boffa u miċ-Ċentru tal-Onkologija fl-2014 intefqu €15,943.60 f’car leasing, fl-2015 €680.99, fl-2017 €1,557.60 filwaqt li matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu intefqu €283.20. Ma kien hemm l-ebda direct order. Is-servizzi ingħataw minn Burmarrad Commercials u Meli Car Rentals.

Sptar Mater Dei – Spazji ta’ parkeġġ

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm spazji ta' parkeġġ fl-underground parking tal-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ispazji għall-parkeġġ huma riżervati għall-impjegati, infermiera, tobba, konsulenti u persuni b'diżabilità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ spazji ta’ parkeġġ fl-underground parking tal-Isptar Mater Dei huwa ta’ 1,418 maqsum f’958 spazji fil-livelli -1 u -2 għall-ħaddiema kollha tal-isptar, u f’460 spazji fil-livelli -3 u -4 għall-viħitaturi. Il-konsulenti tal-Isptar għandhom parkeġġ riservat għalihom f’naħa oħra tal-isptar. Minn numru t’hawn fuq imsemmi, hemm numru ta’ spazji riservati għall-persuni b’diżabilita li jammontaw għall-32 u huma mifruxin fuq l-erba’ livelli tal-parkeġġ.

Sptar Mater Dei – każijiet ta’ clamping ta’ vetturi fl-underground parking

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm każijiet ta' clamping ta' vetturi fl-underground parking tal-Isptar Mater Dei, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2017 kien hemm 567 każijiet ta’ clamping filwaqt li matul din is-sena sat-2 t’Ottubru kien hemm 147.

Sptar Mater Dei – serq mill-parking

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew rappurtati każijiet ta' serq mill-underground parking tal-Isptar Mater Dei, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti u kemm tressqu persuni l-Qorti dwar l-istess każijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkoncernat.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – operazzjonijiet tal-katarretti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fil-preżent, l-operazzjonijiet tal-katarretti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ġewx imwaqqfa u jekk iva, għalfejn? Meta se jerġgħu jibdew? Kemm se jdumu fuq il-lista ta’ stennija dawk il-persuni li għandhom bżonn din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operazzjonijiet tal-kataretti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ma twaqqfux. Bħalissa l-oftalmologu li jagħmel dawn l-operazzjonijiet qiegħed vacation leave ta’ ġimgħa u jien informat mid-diriġenti tal-isptar illi l-ġimgħa d-dieħla hemm pjanat li jsiru minn dawn l-operazzjonijiet. Il-lista ta’ stennija għal kataretti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hija ta’ madwar xahrejn.

Sistema myHealth — servizz

Question

Peress li fil-bidu ta’ Settembru li għadda tħabbar li tnieda servizz ġdid mis-sistema myHealth, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu n-numru ta’ tobba fil-komunità li qegħdin jagħmlu użu minn din il-faċilità? Kemm huwa n-numru ta’ ċittadini li għamlu użu mis-sistema? X’servizzi oħrajn huma ppjanati li jiddaħħlu fis-sistema myHealth?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Settembru 2018, kien hemm 275 tabib li mhux biss għamlu użu personali mis-servizz tal-myHealth imma wkoll aċċettaw rikjesti minn pazjenti biex jagħtuhom servizz permezz tal-myHealth. B’riżultat ta’ dan, kien hemm 52,350 pazjent li ħadu servizz permezz tal-myHealth. Rigward is-servizz ġdid għal tobba privati biex jordnaw testijiet tal-laboratorju online permezz tal- myHealth , mill-1 sal-24 ta’ Settembru dan is-servizz diġà ntuża minn 35 tabib li għamlu 681 ordni online . Għadu kif tlesta x-xogħol fuq faċilità fil-myHealth li biha l-pazjenti jkunu jistgħu jagħtu l-kunsens tagħhom online biex Sommarju tat-tagħrif mediku tagħhom jiġi trasferit f’pajjiż Ewropew ieħor f’każ ta’ emerġenza medika waqt l-ivjaġġar, għall-lest għal meta dan is-servizz jibda jopera fl-2019. Minbarra hekk, fix-xhur li ġejjin fil- myHealth se jiżdied servizz ġdid biex it-tobba privati jkunu jistgħu jordnaw X-rays li jittieħdu fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Is-sena d-dieħla ser tinbena faċilità li tagħti aċċess għall-istampi tal-X-rays (mhux biss ir-rapport), kif ukoll se jinbena komponent importanti ta’ Personal Health Records , li permezz tiegħu il-pazjenti nfushom ikunu jistgħu idaħħlu it-tagħrif mediku tagħhom permezz tal-portal tal- myHealth.

Appuntament għat-terapija – każ ta’ individwu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara x'sar mill-appuntament tat-terapija tal-anzjan lid-dettalji dwar qed jingħataw separatament, fejn l-aħħar li ltaqa’ mal-konsulent tiegħu kien nhar il-25 ta' Mejju 2018, u għalhekk issa għadda aktar minn xahar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ ġie segwit.

Sptar Mater Dei u Sptar San Luqa — Shockwave Therapy Machine

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ix-Shockwave Therapy Machine għadhiex disponibbli għall-pazjenti fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar San Luqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Shockwave Therapy Machine fl-Isptar Mater Dei ilha mill-2016 disponibbli għall-pazjenti tagħna.

Applikanti – ħlas ta’ depożitu għal qabar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm applikanti li s'issa ġew mitluba jħallsu depożitu għal qabar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s'issa hemm 1,338 applikant li ħallsu depożitu għall-xiri ta’ qabar fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.

Applikanti – għotja ta’ qabar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jingħataw qabar, dawk li ħallsu d-depożitu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li l-konvenju iffirmat minn dawk li kienu interessati li jixtru qabar huwa validu sat-30 ta’ Novembru tal-2020, il-kuntratt sabiex jibda x-xogħol tal-estenzjoni tal-Addolorata hu mistenni li jiġi ffirmat fil-ġranet illi ġejjin.

Problema ta’ Obeżità fit-tfal

Question

Fid-dawl tal-problema ta’ obeżità fost it-tfal tagħna, issa li t-tfal irritornaw lura lejn l-iskejjel tagħhom, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid ġiex ikkontemplat xi ħaġa f’sens preventiv bil-għan li din il-problema tkun ikkumbattuta minn ġol-iskejjel infushom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. li l-isforzi għall-prevenzjoni ta’ riskji dwar is-saħħa inkluż il-problema tal-piż żejjed fost it-tfal Maltin, ilhom għaddejjin dawn l-aħħar snin. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin tajna spinta l-inizzjattivi fl-iskejjel biex titjieb il-kwalità tas-saħħa tat-tfal inkluż it-tnaqqis tal-problema tal-piż żejjed fost it-tfal u l-familji Maltin. Dan isir f’kollaborazzjoni ma’ Ministeri oħra speċjalment il-Ministeru responsabbli mill-edukazzjoni. Fost l-inizjattivi jinkludi: · Avviż Legali numru: 266 ta’ 2018 fejn l-ikel u x-xorb tajjeb għas-saħħa biss se jkun permess fl-iskejjel. Għal dan il-għan, diġà saret laqgħa informattiva mas-Sidien tat- Tuckshops li jissupplixxu l-ikel u x-xorb waqt il-ħin tal-iskola. F’din il-laqgħa ġew spjegati kemm dak li jingħad f’dan l-avviż kif ukoll ġie spjegat it-tipi ta’ ikel u xorb permessibbli u dawk li mhux permessibbli fl-iskejjel. Din l-informazzjoni tingħata ukoll lill-Kapijiet tal-iskejjel kollha kemm tal-Istat, tal-Knisja u kif ukoll dawk Indipendenti. Dan l-avviż legali jesiġi li l-unika ikel li jista jinxtara fl-iskejjel u jiġi offrut fl-iskejjel huwa ikel u l-ilma li huwa tajjeb għas-saħħa u li jevita ammonti żejda ta’ zokkor, xaħam u melħ. · F’Mejju ta’ din is-sena ġew mneħdija l-Linji Gwida ġodda dwar id-Dieta għat-Tfal Maltin ta’ bejn it-3 snin u 12-il sena – il-Mod Mediterranju. Il-Promozzjoni ta’ dawn il-Linji gwida saret ukoll permezz tal-mezzi tax-xandir lokali u użu tal-mezzi ta’ siti soċjali . Saru diversi preżentazzjonijiet lill-ġenituri, kif ukoll lill-Għalliema tal- Home Economics bħala parti mit-Taħriġ tagħhom sabiex b’hekk dawn il-linji gwida se jservu bħala l-qafas tal-Kurrikulu Edukattiv dwar in-nutrizzjoni fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Dawn il-Linji għandhom il-għan li tfal jieklu dieta bbilanċjata u li ġenituri jevitaw li tfal jieklu porzjonijiet kbar iżżejjed. · Ta’ kull sena fl-iskejjel primarji issir il-kampanja tal- LunchBox f’diversi skejjel permezz tad-drama (ta’ madwar 20 minuta). F’din id-drama permezz ta’ tliet karattri bil-kostumi intużaw biex jispjegaw l-importanza ta’ dieta tajba u attività fiżika u t-tfal ta’ età bejn 5 u 10 snin, kellhom l-opportunità li jiddjalogaw mal-karattru Karmenu (li fil-verità hu Nutrizzjonista) biex jiġu ndirizzati tajjeb il-mistoqsijiet tat-tfal kif ukoll tal-ġenituri meta jkunu preżenti. Wara din id-drama ġew mqassma kotba tar-riċetti għall-ġenituri b’ideat dwar kif jippreparaw ikel nutrittiv għal waqt il-ħin tal-iskola kif ukoll kotba tat-tpinġija dwar il-frott u l-ħxejjex għat-tfal ta’ din l-età. · Proġett ieħor li twettaq matul is-snin li għaddew kien dak tal-OPEN co-iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea li kellu l-għan li jippromwovi l-attività fiżika fost l-adolexxenti fl-iskejjel kif ukoll fil-komunità permezz tal-kollaborazzjoni ta’ diversi Kunsilli Lokali. Dan il-proġett qiegħed jitkompla fl-iskejjel interessati. · Proġett li beda fis-sena skolastika 2015-2016 li qed jitwettaq fl-iskejjel tal-Istat hu dak tal- Health Factor . Dan il-proġett għandu l-ghan li jindirizza b’mod preventiv il-problema tal-piż żejjed fit-tfal f’età bikrija tal- kindergarden . · Ġiet mnehdija l-Iskema l-ġdida tal-frott u ħaxix fl-Iskejjel, inawgurata f’Mejju 2018 li għadda mill-Ministeru responsabbli mill-Agrikoltura bi sħubija mall-Ministeri responsabbli għall-Edukazzjoni u għas-Saħħa. Permezz ta’ din l-iskema l-ġdida koffinanzjata mill-Unjoni Ewropea, it-tfal kollha fl-iskejjel primarja f’din is-sena skolastika l-ġdida se jingħataw porzjon (80g) ta’ frott u/jew ħxejjex, u ukoll porzjon (250ml) ħalib frisk (2.5% xaħam) fil-ġimgħa. L-għan hija li iżżid l-ammont ta’ ħaxix u frott li jieklu t-tfal kif ukoll li jiġu esposti għall-frott u ħxejjex ġodda. Din kompliet tibni fuq l-iskema li kien hemm qabel tal-frott u ħaxix. · Proġett u studju ġdid li se jiġi mplimentat fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti, hu dak tal-Azzjoni Konġunta CHRODIS-PLUS (li hu proġett tal-EU). Malta se tipparteċipa permezz tal-proġett TOYBOX li jindirizza l-klassijiet tal- Kindergarten 1 kollha, jiġifieri lit-tfal żgħar ta’ bejn 3-4 snin, kif ukoll lill-familji tagħhom. Dan il-proġett jiffoka fuq erba’ mġibiet li nstabu li huma marbuta mal-bilanċ tal-enerġija u għalhekk se jindirizzaw b’mod preventiv l-obeżità fit-tfal f’età bikrija. · Premju ta Bandiera ġħal-Iskola Attiva. l-iskejjel li jilħqu kriterji stabbiliti minn qabel jingħataw rikonoxximent għall-isforzi u l-kisbiet tagħhom u fil-fatt jingħataw bandiera li l-iskola se żżomm għal sena. Kien hemm għoxrin skola (Stat, Knisja u Indipendenti) li ngħatat din il-bandiera matul din is-sena. · L-iskejjel ġew imħeġġa biex isibu slot ta' 15-il minuta kuljum biex jiżguraw li l-istudenti jingħataw l-opportunità li jimxu jew jiġġogjaw mil sabiex trawwem fihom messaġġ ċar dwar il-benefiċċji li jiġu ​​minn eżerċizzju regolari. Madwar 35 skejjel huma attwalment irreġistrati. · Programm ta' Żvilupp fil-Karriera tal-Isport - programm ġdid fjamant li se jara li 200 student tas-7 sena għandhom erba' lezzjonijiet addizzjonali ta' sport fil-ġimgħa apparti mit-tliet lezzjonijiet tal-PE ta' kull ġimgħa. L-istudenti se jiffukaw fuq l-isport preferut tagħhom (futbol, ​​basketball, atletika, żfin jew baseball / softball ) minbarra li jingħataw sfond tajjeb fuq aspetti oħra ta' karriera sportiva bħal nutrizzjoni, l-ewwel għajnuna, anti-doping, sports media u fotografija sportiva fost oħrajn. Is-Suġġett se jiġi mgħallem b'mod applikat. · Sorveljanza tal-piż tat-tfal permezz ta’ studju mat-tfal kollha fejn ħarġet l-informazzjoni dwar il-piż tat- tfal ta’ kull età. Sorveljanza dettaljata dwar piż, ikel u l-ambjent tal-iskola permezz tal-istudju tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa COSI ( Childhood obesity surveillance initiative) · It-tagħlim tal- Home Economics li sar mandatorju fl-iskejjel medji statali huwa immirat li jolqot bl-iżjed mod dirett u effettiv il-ħarsien u ż-żamma tas-saħħa tal-individwu. Dan is-suġġett jipprovdi firxa ta’ esperjenzi ta’ tagħlim, inkluż dawk prattiċi, fuq it-tema ta’ Saħħa, Ikel u Nutriment, marbut mal-Polza nazzjonali – A Whole School Approach to a Healthy Lifestyle: Healthy Eating & Physical Activity . · Il- Home Economics Seminar Centre (HESC) għandu wkoll irwol importanti fil-prevenzjoni tal-obeżità fit-tfal. Dan iċ-ċentru joffri programmi informattivi u interattivi ta’ tagħlim prattiku dwar is-saħħa, l-ikel u n-nutriment lit-tfal tal-iskejjel Primarji u Sekondarji, kemm tal-istat, tal-knisja u indipendenti. Jiġu mistiedna wkoll il-ġenituri/kustodji għax huma ukoll għandhom irwol kruċjali fil-prevenzjoni tal-obeżità. Apparti dan, l-għalliema tal-HESC jagħtu wkoll sapport u taħriġ lill-għalliema u l-amministrazzjoni tal-iskola fl-iskejjel biex jintlaħħqu l-miri tal-pjanijiet ta’ azzjoni li jindirizzaw l-obeżita. · Fl-iskejjel isiru wkoll intervenzjonijiet mill-istess għalliema tal-HESC li huma mmirati għall-studenti mill-Kindergarten sas-Sekondarja. Jiġu maħluqa wkoll intervenzjonijiet tailormade skont il-bżonnijiet tal-iskejjel. Fost is-suġġetti li jiffukaw fuq il-prevenzjoni tal-obeżità insibu l-linji gwida u l-platt bnin, l-importanza tal-ħaxix u l-frott, il-benefiċċji li jinxtorob l-ilma u l-ħalib u l-għażla ta’ kolazzjon u lunches bnin. · HESC jissapportja l-iskejjel sabiex jaddottaw l-polza nazzjonali - A Whole School Approach to a Healthy Lifestyle: Healthy Eating & Physical Activity permess ta’ għajnuna u sapport fit-tfassil u l-implementazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni relatati ma’ din il-polza li jkunu bbażati fuq il-bżonnijiet tal-iskejjel individwali. · Qed jiġi offrut sapport u assistenza lill-operaturi tat- tuck shops u distributuri tal-ikel sabiex l-ikel li jinbiegħ fl-iskejjel ikun wieħed san u konformi mal-Avviż Legali numru: 266 ta’ 2018. · HESC jassisti fl-għażla ta’ ikel provdut waqt attivitajiet fl-iskejjel, meta mitlub, sabiex ikunu konformi mal- Avviż Legali numru: 266 ta’ 2018. · Ġie mwaqqaf working group kompost minn KGEs u rappreżentanti mill-kamp tal- Early Years , Home Economics u Physical Education bil-għan li jitħejja programm multi-dixxiplinarju għas-snin bikrin. Dan il-proġett huwa ta’ gwida għall-għalliema sabiex jinkuraġġixxu lill-istudenti tagħhom jagħmlu għażliet infurmati għal stil ta’ ħajja aħjar. · HESC għandu websajt www.hesc.org.mt li fiha l-pubbliku jista’ jaċċessa dokumenti relatati mas-saħħa. Hemm ukoll riċetti li fosthom jinkludu ideat għal- lunchboxes bnin. Il-linji gwida tal-ikel u x-xorb jassistu lill-istudenti u l-ġenituri jagħmlu għażliet infurmati relatati max-xorb u l-ikel li jġibu l-iskola.

Velenu għall-ġrieden — budget

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien il-budget tal-velenu għall-ġrieden sena b'sena mill-2013 sal-2018?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-budget allokat għal Pest Control mis-sena 2013 sal-2018 u n-nefqa kull sena għall-velenu tal-ġrieden huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Sena: 2013 2014 2015 2016 2017 2018 Budget : €28,000 €28,000 €28,000 €28,000 €28,000 €28,000 Nefqa : €14,160 €14,144 €14,147 €14,124 €11,743 €10,960 Din is-sena hemm ukoll konsenja oħra ta’ velenu li għad trid tasal u li n-nefqa tagħha hija ta’ €5,640, liema total għad mhux miżjud mat-total tan-nefqa ta’ velenu għas-sena 2018 kif jidher fit-tabella.