Legislature:
Category:
Reset
Active:

infiq fuq każijiet ta' droga u alkoħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta' flus li ħareġ id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fis-snin 2007, 2008 u 2009 bħala benefiċċju tal-mard, għajnuniet soċjali eċċ. lill-persuni drogati u/jew alkoħoliċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont ta’ Għajnuna Soċjali lil persuni li jabbużaw mid-droga jew l-alkoħol u li qed jattendu programm ta’ rijabilitazzjoni huwa dan li ġej : Sena 2007 - EUR 64,205.44 Sena 2008 - EUR 65,919.92 Sena 2009 - EUR 55,201.53 Persuni drogati jista’ wkoll ikunu ntitolati għal xi benefiċċji jew għajnuniet oħra iżda peress li d-dritt għal dawn il-benefiċċji jew għajnuniet ma jiddependix fuq il-fatt li dawn il-persuni huma drogati, mhux possibli li jingħataw figuri dwar kemm minn dawn imorru għal persuni drogati.

numru ta' bdiewa

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 21106 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u tinfurmani bin-numru ta' bdiewa full-time u part-time reġistrati f'Għawdex u Malta separatament illum? Tista' tinfurmani bl-istess tagħrif għas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009 separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — għalliem tal-Pure Maths nieqes

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex studenti tal-MCAST li qed jagħmlu kors fil-Pure Maths bi tħejjija għall-eżamijiet tal-'A' Level għadhom bla għalliem tas-suġġett? Tista' tgħid meta dawn l-istudenti se jkollhom dan l-għalliem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-intervisti għal għalliema fil-Matematika saru nhar il-Ġimgha, 12 ta’ Novembru 2010, u l-kandidat li ġie l-ewwel fl-ordni tal-mertu diġà ġie kkuntattjat. Il-kandidat magħżul għandu jibda f’qasir żmien.

Tqassim tajjeb tal-għajnuna mill-Unjoni Ewropea għat-tfal li jgħixu f'riskju ta' faqar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif dawk it-tfal li jinsabu f'riskju ta' faqar qed jingħataw għajnuna? Qed tassigura li l-għajnuna li qed tiġi lejn Malta mill-Unjoni Ewropea sabiex tgħin lil dawk li jinsabu f'riskju ta' faqar qed tgħin lit-tfal ukoll li jinsabu f'dan ir-riskju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Waqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-parti tal-mistoqsija tiegħu relatata ma’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea lill-Ministru kkonċernat, qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni oħra mitluba.

Tfal f'riskju ta' faqar — għajnuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif qed jiġu identifikati ħalli jiġu mgħejjuna dawk it-tfal li huma f'riskju ta' faqar? Kemm huwa stmat li hija l-aħħar figura li għandha l-Ministru f'idejha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Learning Support Assistants

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20581, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' Learning Support Assistants li kienu impjegati mal-Ministeru tal-Edukazzjoni f'Diċembru 1990, 1995, 2000 u 2005 rispettivament? X'effett qed ikollu l-użu ta' dawn il-Learning Support Assistants fuq is-sistema edukattiva ta' pajjiżna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — skola primarja - investimenti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'investiment hu mistenni li jsir fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, matul is-sentejn skolastiċi li ġejjin? F'liema servizzi/proġetti hu mistenni li jsiru dawn l-investimenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li d-Direttorati Edukattivi kontinwament janalizzaw is-servizzi u l-programm edukattivi u jaraw l-iskejjel tal-gvern inkluża l-Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, jirċievu r-riżorsi addattati sabiex jitwettaq programm edukattiv ta’ kwalita’ kif jistħoqilhom l-istudenti. Ta’ kull sena kull skola nkluza dik ta’ San Pawl il-Baħar jinghataw fondi kapitali ta’ Mainitenance u l-Material and Supplies sabiex jintefqu skond il-prioritajiet li jiddeċiedul-amministraturi ta` l-iskola stess. Diġa qed jiġu żvilluppati wkoll servizzi ta’ appoġġ lill-istudent b’investiment f’riżorsi umani sabiex kemm jista’ jkun jiġi eliminat kull ostaklu fil-progress edukattiv. L-iskola ta’ San Pawl il-Baħar bħal oħrajn tirċievi servizzi ta’ taħriġ u qed tipparteċipa bis-sħiħ fir-riforma edukattiva li għaddejja bħalissa.

għalliema li jaħdmu bir-reduced hours

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm għalliema li applikaw biex jaħdmu bis-sistema ta' reduced hours kif miftiehem bejn l-Malta Union of Teachers u l-gvern f'Awwissu 2010? Kemm minnhom ġew aċċettati, kemm fis-settur primarji kif ukoll fis-settur sekondarji? X'inhuma s-suġġetti li qed jgħallmu dawn l-għalliema fis-sekondarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li kien hemm 3 għalliema li applikaw sabiex jaħdmu bir- Reduced Hours . Ġew aċċettati żewġ għalliema fis-Sekondarja fis-suġġetti tal-Matematika u tal-Bioloġija. Applikazzjoni oħra fil-Matematika ma ġietx aċċettata għaliex bħalissa m’hemmx bżonn ta’ għalliema f’dan is-suġġett. Ma kien hemm ebda applikazzjoni fis-settur Primarju.

Għalliema — allowance

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienu r-raġunijiet li wasslu biex il-gradi kollha tal-għalliema ma ħadux l-allowance kif miftiehem bejn il-gvern u l-Malta Union of Teachers f'Awwissu 2010 mal-paga t'Ottubru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wara li ġie iffirmat il-Ftehim bejn il-Gvern u l-Malta Union of Teachers f’Awwissu 2010, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja għadda l-informazzjoni dwar l-allowances li għandhom jieħdu l-gradi kollha tal-għalliema lit-Taqsima li tieħu ħsieb is-salarji. Peress li l-għadd ta’ ħaddiema li se jibbenefikaw minn dawn l- allowances jlaħħaq madwar 5,000 persuna, il-proċess irrikjeda ż-żmien biex jiġi konkluż. Jiena infurmata li dawn l- allowances se jitħallsu mas-salarju li jmiss.

Skejjel primarji u sekondarji — għalliema - supply

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema supply fl-iskejjel sekondarji u primarji matul din is-sena skolastika preżentament? Tista' tindika x'suġġetti qed jgħallmu dawn l-għalliema fl-iskejjel sekondarji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel sekondarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jsir fis-snin li ġejjin mill-iskejjel sekondarji tal-Imtarfa, Żebbuġ, Gżira, u Birkirakara li huma tas-subien kif ukoll Rabat u Pembroke li huma tal-bniet? Se jibqgħu jintużaw bħala skejjel? Jekk le, x'se jsir minnhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fi snin li ġejjin l-iskejjel sekondarji ta’ Mtarfa, Ħaż-Żebbuġ, Gżira, B’Kara, Rabat u Pembroke se jibqgħu jintużaw bħala skejjel. Inżid ngħid li skejjel fejn il-popolazzjoni qegħda gradwalment tonqos jista’ jkun li jilqgħu servizzi edukattivi oħra.

Liġi antika tal-kera

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex dawk intitolati għal għajnuna fuq il-kera jrid ikollhom kera ta' mhux anqas minn €186 meta ż-żieda fil-kera taħt il-liġi antika (qabel l-1995) tistipula li ż-żieda fil-kera ma tridx taqbeż €185 peress li b'din ir-regola l-persuni l-aktar vulnerabbli ma jkunux mgħejjuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kuntrarju għal dak li qed jgħid, persuni li qed iħallsu l-minimu ta’ kera ta’ €185 jistgħu japplikaw mal-Awtorità tad-Djar għall-għajnuna meħtieġa.

Għajnuna għal dawk li għandhom dħul baxx

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies li qed jibbenifikaw minn għajnuna li qed tiġi mill-Unjoni Ewropea għal dawk li għandhom dħul baxx , liema għajnuna titqassam mill-qassisin fl-irħula u bliet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Minstru kkonċernat.

għajnuna mill-Unjoni Ewropea — ikel għal min għandu dħul baxx

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il prodott ta' ikel bħala għajnuna mill-Unjoni Ewropa qed jiġu biex jitqassmu lil dawk li l-aktar għandhom dħul baxx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Minstru kkonċernat.

Għajnuna mill-Unjoni Ewropea minħabba anzjani u nies li jgħixu f'riskju ta' faqar

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk intalbitx iktar għajnuna mis-snin ta' qabel mill-Gvern Malti lill-Unjoni Ewropea minħabba l-fatt li l-persentaġġ ta' anzjani u oħrajn li qed jgħixu fir-riskju ta' faqar qed jiżdied?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi jekk qed jirefferi għal għajnuna ta’ prodotti ta’ l-ikel li tingħata mill-Unjoni Ewropea, d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m'għandux din l-informazzjoni. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.

Skejjel primarji — studenti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal (studenti) li huma reġistrati bħala li għandhom ġenitur wieħed, fl-iskejjel primarji tal-gvern tal-Imġarr, Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Naxxar, Mosta, Ħ'Attard u r-Rabat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta` studenti li huma reġistrati li għandhom ġenitur wieħed u li jattendu fl-iskejjel indikati mill-Onorevoli Interpellant hu ta’ 252.

Pensjoni tar-romol

Question

Tista' l-Ministru tinfurmani dwar it-talba li referenza tagħha qed tintbagħat separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna indikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

Fond tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk teżistix skema biex l-armla, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, tixtri l-fondi msemmi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent l-iskema fejn inkwilini li qed jikru l-post tar-residenza tagħhom mingħand il-gvern ikunu jistgħu japplikaw biex jixtru dan l-istess post tinsab magħluqa. Mhux pjanat li din l-iskema terġa’ tiftaħ fil-futur qrib.

Attard — Estenzjoni tal-club tal-football

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol tal-inkjesta li waqqfet ix-xogħol fl-estenzjoni tal-club tal-football ta' H'Attard? Meta huwa kkalkolat li x-xogħol jista' jitkompla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma kien hemm ebda inkjesta dwar ix-xogħol tal-estensjoni tal-klabb tal- football ta’ Ħ’Attard.

skola primarja ta' San Pawl il-Baħar — provediment ta' aktar klassijiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar fiex waslu l-preparamenti dwar il-provediment ta' aktar klassijiet fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar biex din l-iskola tkun tista' tlaħħaq man-numru dejjem akbar ta' studenti li jattendu fl-iskola primarja? Kemm hu preżentament in-numru ta' studenti sena sena li jattendu din l-iskola bħalissa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi qed jistudjaw is-sitwazzjoni sabiex naċċertaw li jkun hemm spazju addattat għall-istudenti ta’ din l-iskola. Prezentament il-popolazzjoni fl-iskola hija kif ġej: K1 80 K2 131 Yr 1 105 Yr 2 90 Yr 3 87 Yr 4 86 Yr 5 85 Yr 6 101