Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #6560 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u Intern — Impjegati li qabżu l-kwota permessa lilhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni impjegati jew b'kuntratt mal-Gvern li fuq infiq permess lilhom fuq safar, xiri u kuntratti magħmula magħhom qabżu l-kwota permessa u dan għall-perijodu 2004/08? Jekk fl-affermattiv, x'kienu l-ammonti u x'passi ttieħdu sabiex dawn il-flus jerġgħu jinġabru?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn is-snin 2004 u 2008 kien hemm 19 il-persuna li qabżu l-infiq permess lilhom fil-kuntratt tal-impjieg tagħhom kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Infurmat ukoll li ttieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-persuni konċernati jirrifondu lura dawn l-ammonti.

dewmien biex tinħareġ liċenzja fuq airguns

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala diversi persuni li xtraw air gun u li applikaw għal-liċenzja ħafna żmien ilu (anke tliet snin) u li huma reġistrati mal-Federazzjoni ta' l-Isparar tal-Bidnija, sal-lum għadhom ma ingħatawx il-liċenzja għall-arma?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-club imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien suġġett ta' investigazzjoni mill-Pulizija dwar abbuż fl-għoti ta' rakkomandazzjonijiet meħtieġa in konnessjoni ma' applikazzjonijiet għal xiri ta' airguns. B'riżultat ta' din l-investigazzjoni, inbdew proċeduri kriminali fil-konfront ta' diversi persuni. In vista ta' dan, l-applikazzjonijiet rakkomandati minn dan il-club m'humiex qed jiġu ipproċessati għalissa.

Wied il-Għajn — Ftuħ tal-għassa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-għassa ta' Wied il-Għajn tibda tinfetaħ regolarment biex taqdi l-ħteġijiet ta' numru kbir ta' residenti ta' din il-lokalità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed tkun miftuħa regolarment. Madankollu, jista' jkun hemm drabi jew ħinijiet meta l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lil l-pulizija li jkun għassa joħroġ 'l barra fuq xi doveri oħra, bil-konsegwenza li l-Għassa tingħalaq għal ħin temporanjament.

Korp tal-Pulizija — Risk assessment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kull meta qed isir risk assessment fir-rigward tax-xogħol li jsir mill-membri tal-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' informazzjoni qed tingħata lill-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fir-rigward tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi skont l-Artikolu 3 tal-Att dwar l-Awtorita` għas-Saħħa u s-Sigurta` fuq il-Post tax-Xogħol (Kap 424 tal-Liġijiet ta' Malta), il-Korp tal-Pulizija huwa wieħed minn dawk l-entitajiet li huma eżentati mit-tħaddim ta’ din il-liġi. Madankollu, is-saħħa u s-sigurtà tal-membri tal-Korp għandhom jiġu żgurati sakemm dan ikun raġonevolment possibbli fil-kuntest ta’ l-iskop ġenerali ta’ dawk tas-servizzi li jipprovdu. Għalkemm ma hux rikjest bil-liġi il-Korp tal-Pulizija, ħaseb biex ikollu fi ħdanu uffiċjal li jieħu ħsieb u jirrakkomanda x’miżuri għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward. Infurmat ukoll illi f’Novembru li għadda, ingħata bidu għal eżerċizzju komprensiv fuq din il-materja fit-Taqsimiet kollha tal-Korp, liema eżerċizzju għadu fis-seħħ fil-preżent. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, infurmat illi l-Awtorita` għas-Saħħa u s-Sigurta` fuq il-Post tax-Xogħol tingħata l-informazzjoni li titlob fir-rigward tal-Korp tal-Pulizija..

Detention Centre — ħsara totali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tammonta il-ħsara totali li saret fid-detention centre ta' Ħal Safi fit-2 ta' Frar 2009? Kemm intuża gas tad-dmugħ u fire extinguishers? Kemm-il saqqu, gvieret, lożor u mħaded ġew maħruqa? Min ħallas ta' din il-ħsara kollha, il-Gvern Malti jew l-Unjoni Ewropea?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li fid-data msemmija, numru ta’ immigranti fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi, irvellaw filgħaxija u waqt dan l-irvell kissru partijiet mill-fence tal-bitħa u taw in-nar lil tliet saqqijiet. Sabiex ikkontrollat dan l-irvell kella tintuża Grenade tal-gas tad-dmugħ u tnax -il fire extinguisher. L-ispiża totali tal-ħsarat, li tammonta għal € 325.64, ser titħallas minn fondi pubbliċi.

Detention Centres — spiża totali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tammonta l-ispiża totali li l-gvern ħareġ biex żamm l-immigranti illegali fid-detention centres fis-snin 2005 sa 2008 (ikel, xorb, ħasil, mediċini, ilma, ħsarat, suldati, casuals, overtime eċċ.)?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Detention Centres — Casual u detention officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm casual/detention officers fil-Ħal Far u Ħal Safi detention centres? Kemm huma l-etajiet tagħhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 166 persuna ingaġġati bħala Uffiċjali Temporanji tas-Servizz tad-Detenzjoni. Dawn huma mqassmin bejn iċ-ċentri tad-detenzjoni ta’ Lyster u dak ta' Ħal Safi. L-eta’ tagħhom tvarja bejn il-25 u s-60 sena.

Ħal Safi u Ħal Far — Immigranti illegali li ħarbu mid-detention centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' immigranti illegali li ħarbu mid-detention centres ta' Ħal Safi u Ħal Far fis-sena 2008? Kemm minn dawn qatt ma nqabdu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ immigranti rregolari li rnexxielhom jaħarbu miċ-ċentri ta' detenzjoni ta’ Lyster u Ħal Safi matul is-sena 2008 kien ta 218. Minn dawn, hemm 106 li għadhom ma nqabdux.

Klandestini — taħriġ edukattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-attivitajiet edukattivi li jingħataw l-klandestini fil-kampijiet tagħhom? Jista' jelenka ġurnata normali ta' dawn in-nies kif tkun imqassma? Beħsiebu jagħmel riforma ħalli dawn in-nies jibdew jiġu mgħallma snajja' u taħriġ ieħor edukattiv waqt li jkunu f'Malta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ġewwa ċ-ċentri ta’ detenzjoni jiġu organizzati diversi programmi edukattivi għall-immigranti rregolari, fosthom taħriġ fil-ħiliet bażiċi tal-ħajja u fil-lingwi (partikolarment l-Ingliż), kif ukoll taħriġ ieħor marbut mal-preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol; jitħejjew attivitajiet sportivi u jiġu pprovduti servizzi li jwasslu għall-orjentazzjoni kulturali ta’ pajjiżna. Infurmat ukoll illi l-ġurnata tipika għal dawn il-persuni tibda bil-kolazzjon u wara dan, numru minnhom jipparteċipaw f’xi wieħed minn dawk l-attivijatiet edukattivi li għadni kif semmejt, filwaqt li oħrajn jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi, partikolarment dak tal-futbol, li jiġi pprattikat ġewwa l-btieħi ta’ rikreazzjoni. Ikun hemm min issirlu l-viżita mit-tabib, oħrajn jattendu għall-appuntamenti li jkollhom per eżempju ġewwa l-isptar jew fil-polikliniċi, mal-uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjat, eċċ. L-ikel jerġa’ jiġi pprovdut għall-ħabta ta’ nofs in-nhar u s-sitta ta’ fil-għaxija.

Facilità Korrettiva ta' Kordin — ingaġġ ta' gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun hemm ingaġġ ta' gwardjani għal Facilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi hemm il-ħsieb li fil-futur qarib toħroġ sejħa għall-ingaġġ ta' Uffiċċjali Korrettivi fil-Faċilita' Korrettiva.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Persuni boarded out

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-pożizzjoni legali fl-2007 meta persuna li tkun taħdem fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u tgħaddi boarded out, tistax terġa' tiġi reinstated fix-xogħol tagħha? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-leġislazzjoni li tapplika fil-każ in eżami?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fl-2007 il-proċess biex Uffiċjali Pubbliċi li jkunu ġew boarded out kienu jistgħu jiġu reinstated kien japplika skont il-provvedimenti ta’ paragrafu 1.1.17 tal-Public Service Management Code. Fl-2008 kienu saru emendi fil- Public Service Management Code, li biddlu l-proċess sabiex wieħed ikun jista' jiġi ri-integrat fis-servizz pubbliku, u dan skont proċeduri stabbiliti kif indikati f’paragrafu 1.4 ta’ l-istess Management Code . Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l- Public Service Management Code jista’ jigi aċċessat minn fuq il- website tal- Management and Personnel Office , tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Pulizija Għawdxin — faċilità ta' medical investigation room

Question

Fil-każ ta' eżami mediku mit-tabib tal-Korp tal-Pulizija, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Pulizija Għawdxin ikollhom il-faċilità ta' medical investigation room anke f'Għawdex stess?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li għalissa għad m'hemmx il-ħsieb li Pulizija f'Għawdxin ikollhom il-faċilita' imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu attwalment in-numru totali ta' membri tal-Korp tal-Pulizija? Kemm minn dawn huma assenjati f'doveri attivi fid-distretti? Kemm minn dawn huma assenjati fid-diversi sezzjonijiet u f'dipartimenti amministrattivi? L-informazzjoni mitluba għandha tirrifletti s-sitwazzjoni fl-aħħar ta' Frar 2009.

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fl-aħħar ta' Frar ta' din is-sena in-numru totali ta' membri fil-Korp tal-Pulizija kien jammonta għal 1,870. Għar-rigward tal-partijiet l-oħra tal-mistoqsija, ma nħossx li hi l-prassi li jiġi ppubblikat tagħrif daqshekk dettaljat dwar l-operat tal-Pulizija.

Immigranti illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien fl-aħħar ta' Frar 2009 n-numru totali ta' immigranti illegali li jinsabu fic-ċentri ta' detenzjoni f'Malta? Kemm kien fl-aħħar ta' Frar 2009 n-numru totali ta' mmigranti illegali li jinsabu fl-open centres f'Malta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta' Frar ta' din is-sena, il-popolazzjoni ta' immigranti illegali ġewwa ċ-ċentri ta' detenzjoni u dawk miftuħa kienet ta' 2131 u 2124 rispettivament.

Immigranti illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li waslu f'pajjiżna f'Jannar u Frar 2009? Kif kienu maqsuma dawn l-immigranti illegali bħala pajjiż, pajjiż? Matul l-istess perijodu ta' Jannar u Frar 2009 kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li ġew ripatrijati, u kif kienu maqsuma dawn pajjiż pajjiż?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #6717 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Interim From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Spiża ta' kull immigrant illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi attwalment l-ispiża ta' kuljum li jġorr il-Gvern ta' Malta għal kull immigrant illegali li jinsab fiċ-ċentri tad-detenzjoni f'Malta? Din l-ispiża għal kull immigrant illegali ta' kuljum li jinsab fiċ-ċentri tad-detenzjoni, tvarja minn dik ta' kull immigrant li jinsab fl-open centres? Jekk tvarja, kemm hi l-ispiża ta' kuljum għal kull immigrant li jinsab fiċ-ċentri miftuħa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #6723 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti Kriminali tal-Appell (Għawdex) — Petizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar petizzjoni ta' individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li bis-sentenza tal-Qorti Kriminali tal-Appell (Għawdex) tal-11 ta' Frar 2009 ngħata sentenza ta' sitt xhur priġunerija fuq kultivar ta' ħaxixa meta ċ-ċirkostanzi kollha kienu jimmilitaw li l-piena karċerarja ma kenitx waħda ġusta tant li l-istess Prim Imħallef li ddeċieda dan l-appell ħass fil-kuxjenza tiegħu li b'ittra jikkomunika lill-President ta' Malta biex l-akkużat jew jingħata maħfra jew li jservi l-inqas perijodu possibbli mill-istess piena karċerarja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret petizzjoni mill-individwu konċernata u din, peress li tirrigwarda reat b'konnessjoni ma' droga ġiet konsidrata mill-Kabinet skont il-proċedura kurrenti u ttieħdet deċiżjoni dwarha li ġiet komunikata lill-individwu konċernat.
Leg 11 PQ #6152 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Għajnuna legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min għandu dritt għall-għajnuna legali? Min huma l-avukati li jagħmlu xogħol ta' legal aid? Jista' jgħid kemm tħallas matul is-sena 2008 bħala legal aid?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tad-domanda kienet ingħatat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25316 fis-seduta 527 tal-21 ta’ Mejju 2007. L-avukati li jipprattikaw xogħol ta’ għajnuna legali huma dawn: L-Avukat Joe Mifsud li hu impjegat full- time ; jassistih għandu lill-Avukat Malcolm Mifsud, li hu mpjegat b’kuntratt li jiġġedded kull sena. Hemm imbagħad 8 avukati oħra li jipprovdu għajnuna legali; dawn huma annessi ma’ l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali u l-kuntratt tax-xogħol tagħhom jiġġedded ukoll kull sena:- L-Avukat Porsella Flores L-Avukat Kevin Mompalao L-Avukat Patrick Valentino L-Avukat Richard Sladden L-Avukat Anthony Cutajar L-Avukat Martin Fenech L-Avukat Mark Busuttil L-Avukat Sean Paul Grech L-ammont totali li tħallas lill-avukati ta’ l-għajnuna legali matul is-sena 2008 kien ta' €34,265.44.
Leg 11 PQ #6456 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Nefqa globali ta' safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kien involut il-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-uffiċjali li marru magħhom, fejn kienet id-destinazzjoni u min akkumpanjahom matul l-2008?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #6581 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ħanut li jbiegħ car stereos u alarms — Liċenzja

Question

B'referenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 5714, jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan l-istabbiliment huwiex jitmexxa skond it-termini tal-liċenzja tiegħu minħabba l-ilmenti għall-kuntrarju tar-residenti tal-inħawi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi minn verifiki li għamlet il-Pulizija mad-Direttur tat-Taqsima tal-Liċenzji tal-Kummerċ, jirriżulta illi l-ħanut li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Membru huwa liċenzjat kemm biex ibiegħ, kifukoll jinstalla stereos u alarms tal-vetturi.