Legislature:
Category:
Reset
Active:

Chief Executive Coordinator (Clinical Services and Projects)

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-applikazzjoni (li għandha tinkludi wkoll il-kriterji għall-eleġibbilità) għall-post li ħareġ għal ‘Chief Executive Coordinator (Clinical Services and Projects) fi ħdan il-Ministeru (Ref. DH 146/2024)? Jista’ jgħid ukoll kemm daħlu applikazzjonijiet u kemm minn dawn l-applikazzjonijiet kienu ta’ Maltin u kemm minnhom kienu ta’ barranin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna appuntata f’dan l-irwol igawdi l-fiduċja ta’ firxa wiesgħa ta’ professjonisti u speċjalisti u għandu esperjenza wiesgħa fil-qasam mediku. Dawn l-aħħar sentejn kien strumentali sabiex twettqu diversi proġetti innovattivi u riformisti ta’ ħtieġa u ta’ fejda għall-anzjani u pazjenti Maltin u Għawdxin.

Systems Administrator – Information Management Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fl-applikazzjoni għal post ta’ ‘Systems Administrator – Information Management Unit’ fi ħdan il-Ministeru (Ref. DH 1226/2024), il-kriterji ta’ eleġibbilità kienu limitati għall-Third Country Nationals? Jista’ jgħid ukoll għaliex Maltin kienu pprojbiti milli japplikaw?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva jippubblika sejħiet għal-Third Country Nationals (TCN) f’diversi kategoriji kliniċi u mhumiex, meta sejħiet għal-applikanti mill-Unjoni Ewropeja ma jkunux biżżejjed biex jimlew il-vakanzi li jkollu l-Ministeru. Din hija prassi li ilha numru ta’ snin u bl-ebda mod ma’ xxekkel lill-professjonisti Maltin mill-opportunità li jaħdmu jew jipprogressaw fis-Servizz Pubbliku. L-ebda professjonist Malti ma ġie mwaqqaf milli jagħti servizz ma’ dan il-Ministeru. Infurmat li din is-sejħa ħarget wara li numru ta’ sejħiet simili ġew ippubblikati għal kandidati li huma membri fl-Unjoni Ewropeja. Ta min jgħid li s-sejħiet għall-kandidati li huma membri fl-Unjoni Ewropeja joħorgu bħala POST li jfisser li min jiġi appuntat minn dawn is-sejħiet jingħata kuntratt indefinit (mingħajr skadenza). Sejħiet bħal dawn ser jibqaw joħorgu. Is-sejħiet għall-kandidati TCNs jiġu ppublikati bħala POSITION għal perjodu definit ta’ tlett snin, bil-possibiltà li jiġu mġedda jekk hemm bżonn.

Djar residenzjali privati tal-anzjani — Benefiċċji jew sussidji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21594 u jgħid x’benefiċċji qed jingħataw b'xejn jew issussidjati lill-anzjani li qegħdin fi djar residenzjali privati tal-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li anzjani li jagħżlu li jidħlu fid-djar residenzjali privati fejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ma tixtrix sodod, jibbenefikaw minn servizzi b’xejn bħal dawk ta' social work, terapija tal-familja, u servizz ta’ tissue viability li jingħataw fl-istess djar residenzjali privati.

Sptar Mater Dei – Knee Replacement – Lista ta' stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lsita ta' stennija ta’ Mater Dei biex jagħmlu knee replacement? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom fuq din il-lista?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20432.

San Pawl il-Baħar — Berġa

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19043 u 21758, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Berġa ta' San Pawl il-Baħar hix ser tkun qiegħda tinfetaħ? Jekk iva, fejn? Jekk le, x'inhi r-raġuni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsba infurmat li miż-żewġ proposti mitfugħa ma nstab l-ebda post idonju għall-berġa fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Qawra — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-Ċentru tas-Saħħa li kien ippjanat għall-Qawra hux ser ikun qed isir? Jista’ jgħid ukoll jekk il-pjanijiet sabiex jinbena dan iċ-ċentru matul is-snin li ġejjin issa twaqqfux kompletament?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onr. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21535.

Ħamrun Community Centre — Vaċċin kontra l-influwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-vaċċin tal-influwenza mhijiex ser tingħata fil-Ħamrun Community Centre? Jista’ jgħid ukoll għaliex kien hemm din id-deċiżjoni li żgur ħa tkun qed timpatta b’mod negattiv ħafna partikolarment lill-anzjani li joqogħdu fil-Ħamrun u l-Marsa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li din is-sena it-tilqim li ser jingħata mhux l-istess bħal fis-snin imgħoddija. Dan ifisser illi l-programm ta’ tilqim rakkomandat għal din ix-xitwa ħa jkun jilqa’ għall-infezzjonijiet tal-viruses tal-influwenza, COVID-19 u Pneumococcus (PCV 20). Matul ix-xhur tax-xitwa, dawn l-infezzjonijiet mingħajr dawn it-tilqim, iwasslu għall-mard serju f’persuni anzjani. Kif ħabbart f’konferenza stampa li saret il-ġimgħa l-oħra, l-istrateġija tal-Gvern hi li persuni ’il fuq minn 65 sena jeħduhom it-tlieta għax it-tlieta li huma tal-akbar benefiċċju sew għall-persuni ndividwali kif ukoll għas-sistema tas-saħħa nġenerali. Li jittieħdu l-vaċċini fl-istess ħin huwa l-aktar mod effikaċi biex jintlaħqu dawn il-miri. Madankollu hemm riskji ta’ side-effects (allerġiji) li jistgħu jkunu mmedjati. Għaldaqstant is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tirrakomanda li din is-sena, t-tilqim jiġi amministrat taħt is-superviżjoni ta’ tabib li jkun preparat għal xi eventwalità. Apparti miċ-Ċentri tas-Saħħa, dawn it-tliet vaċċini ser ikunu jistgħu jiġu offruti mill-kunsilli lokali li jixtiequ joffru dan is-servizz, dejjem fil-preżenza ta’ tabib u billi jinżammu u jintbagħtu rekords fir-reġistru tat-tilqim. Il-Kunsilli Lokali huma mħeġġa biex il-kunsilli lokali jippromwovu b'mod attiv it-tilqim fil-komunitajiet tagħhom. Anke t-tobba fil-privat ser ikunu jistgħu jagħtu dawn il-vaċċini. Id-Dipartiment tal-Kura Primarja jagħtu dawn il-vaċċini lit-tobba mingħajr ħlas. Nifmhu li t-tabib privat jista’ jitlob ħlas mingħand il-pazjent tal-amministrazzjoni tal-vaċċini.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva - Public Service Expo 2024 - Stands

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, jgħid kemm ġiet tiswa l-istand tal-istess Segretarjat Parlamentari fil-Public Service Expo 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk minbarra din l-istand kienx hemm stands ta’ entitajiet oħra li jaqgħu taħt l-istess Segretarjat Parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant, biex jirefferi għall-mistoqsija parlamentari 19996.

Settur Pubbliku – psikologi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena, kemm kienu ingaġġati psikologi mas-settur pubbliku f’dawn l-aħħar għaxar snin u f’liema setturi jaħdmu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16408.

Dipartiment tas-Saħħa — Dental Hygienists

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Dental Hygienists mad-Dipartiment tas-Saħħa u ma’ Dipartimenti oħra fil-Ministeru tas-Saħħa? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx full complement u għaldaqstant jekk hemmx vakanzi u, f’każ li hemm, meta hemm il-ħsieb illi jinfetħu l-applikazzjonijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21328.

Faċilità San Vincenz de Paule — Therapeutic Petting Farm and Recreation Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikun qed jinfetaħ it-Therapeutic Petting Farm and Recreation Centre fil-Faċilità San Vincenz de Paule?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li bħalissa qed isiru l-aħħar xogħlijiet li jinsabu fi stat avvanzat u li mistennija jkunu lesti sal-aħħar ta’ din is-sena.

Faċilità San Vincenz de Paule — Wards - St Francis 1 u 2 - Immodernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal l-immodernizzar tal-Wards ta’ St Francis 1 u 2 fil-Faċilità San Vincenz de Paule?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li s-swali SF1 u SF 2 huma l-aħħar żewġ swali minn proġett estensiv ta’ rinovar u mmodernizzar tas-swali kollha li ilu għaddej għal dawn l-aħħar ħames snin. Bħalissa qed isiru l-aħħar xogħliljiet interni u l-installazzjoni tas-servizzi.

Faċilità San Vincenz de Paule — Apparat mediku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il apparat mediku nxtara fil-Faċilità San Vincenz de Paule din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fiex kien jikkonsisti dan l-apparat mediku, fejn qiegħed jintuża u kemm ġie jiswa kull apparat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-apparat mediku li nxtara f’San Vinċenz de Paul din is-sena huwa mniżżel fil-lista, li ser tkun qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. L-apparat jintuża kemm fis-swali tar-residenti kif ukoll fil-kliniċi speċjalizzati.

Anzjani li jagħmlu użu mit-Telecare

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm anzjani jagħmlu użu mit-Telecare? Jista’ jgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ anzjani f’dawn il-kategoriji: (a) minn 60 sena sa 69 sena; (b) minn 70 sena sa 79 sena; u (ċ) minn 80 sena ’l fuq?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li n-numru ta’ anzjani li jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare huwa kif ġej: Taħt is-60 sena* Minn 60 sena sa 69 sena Minn 70 sena sa 79 sena Minn 80 sena ’l fuq Total ta kemm anzjani jagħmlu użu mit-Telecare Kemm anzjani jagħmlu użu mit-Telecare 77 324 1,717 3,152 5,270 * Persuni taħt is-sittin sena li jbatu minn mard kroniku jistgħu jibbenefikaw mis-servizz tat-Telecare.

Servizz tat-Telecare — Ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont ta’ ħlas li l-anzjani jħallsu għas-servizz tat-Telecare u x’inhuma l-ħlasijiet kollha relatati mal-manutenzjoni u riparazzjoni tal-apparat? Jista’ jgħid ukoll liema kategorija ta’ anzjani huma eżentati milli jħallsu għal dan is-servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-anzjani jħallsu €4 fix-xahar għas-servizz tat-Telecare. Anzjani li għandhom il-Karta r-Roża maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, jew il-Karta s-Safra maħruġa mil-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva li turi li l-persuna għandha d-dijabete, jew għandhom ’il fuq minn 80 sena, jieħdu s-servizz bla ħlas. L-anzjani ma jħallsu l-ebda ħlasijiet relatati mal-manutenzjoni u riparazzjoni tal-apparat, sakemm ma jinstabx li l-ħsara tkun ikkawżata b’negliġenza.