Jista' l-Ministru jinforma l-Parlament jekk il-gvern iddiskutiex diġà mal-Unjoni Ewropea il-possibilità li jitlob estensjoni għar-renewable energy 2020 targets wara li kollox jidher li l-gvern se jfalli milli jilħaq il-miri? Jista' jinforma lill-Parlament xi żviluppi kien hemm dwar il-proġett ta' wind farm fis-Sikka l-Bajda u jekk kienx hemm xi findings ġodda mill-esperti tal-gvern?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Gvern qatt ma ddikjara f’xi dokument uffiċjali li mhux ser jilħaq l-miri stabbiliti mill-Unjoni Ewropeja. Għidna dejjem lill-Unjoni Ewropeja iżda li għandna limitazzjonijiet geofiżiċi li jagħmluha aktar diffiċli f’każ li l-options li qed ikunu kkonsidrati jiġu eliminati, biex wieħed imur għal alternattivi. Dwar is-Sikka l-Bajda nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 17835.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'xiex wasal il-proċess tal-tkomplija tax-xogħol fl-inħawi tas-Salina, fejn diġà sar ħafna xogħol fl-area ta' Kennedy Grove u l-madwar? Meta hu mistenni li jitkompla/jitlesta dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Bord tal-Mepa approva l-Outline Permit il-ġimgħa l-oħra propriju fl-10 ta’ Ġunju 2010. Issa ser tkun sottomessa applikazzjoni għal Full Development Permit u ladarba joħroġ il-permess Full inkunu nistgħu nippublikaw tenders għar-restawr tas-salini, Ximenes redoubt u l-huts. Ix-xogħol jitkompla meta joħorgu l-permessi kollha u jiġi approvat l-finanzjament mill-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm librerija fi ħdan dik li kienet id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet (Diviżjoni tas-Servizzi)? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-ammont ta' kotba u ġurnali li fiha din il-librerija? Kemm intnefqu flus f'pubblikazzjonijiet għal-librerija fis-snin 2007, 2008, 2009, kull sena separatament? Kemm isselfu kotba/ġurnali minn din il-librerija matul is-snin 2007, 2008, 2009 kull sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Iva hemm librerija fi ħdan l-ex-Diviżjoni tas-Servizzi. Din il-librerija jistgħu jagħmlu użu minnha l-impjegati kollha tal-Ministeru. F’din il-librerija hemm 1138 bejn kotba u pamphlets. Hemm ukoll 105 periodicals stampati barra minn Malta, 20 periodical tal-Gvern Malti u 19 il-newsletter. Il-librerija għandna wkoll 1063 dokument ta’ Standards.
In-nefqa li saret kull sena kienet hekk:
2007
Lm 167.45 fuq 5 kotba
412 Sterlina, € 155, u US$ 398 fuq
periodical subscriptions
Lm 309.5 Standards
Lm 500 ħlas bil-quddiem lill-MSA għal-
Standards
2008
€ 1020 u US$ 395 fuq 23 ktieb
711 Sterlina, “€ 3085.68 fuq
periodical subscriptions
€ 586.48 fuq
Standards
Lm 500 ħlas bil-quddiem lill-MSA għal-
Standards
2009
US$ 115 u 1488.5 Sterlina fuq 18 ktieb
551 Sterlina u € 2148.15 fuq 6
periodical subscriptions
Fir-rigward ta’ kemm isselfu kotba/ġurnali matul is-snin 2007, 2008, 2009, ma hemmx statistika dettaljata, għax is-sistema li tintuża meta jinħareg ktieb hi li tinzam kopja ta’ nota ta’ self iffirmata minn dak li jkun issellef il-ktieb u wara li l-ktieb jigi irritornat din in-nota tigi skartata.
Jista' l-Ministru jara li tingħata ftit attenzjoni l-areali tinsab fi stat ta' abbandun maġenb l-appartamenti f'Sur San Pawl, Bormla? Jista' jara li għallinqas isir l-aktar xogħol bażiku bħal qtugħ ta' ħaxix u tindif tal-post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi ix-xogħlijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant diġà qed isiru.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — lista ta' konsulenti u kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17706, 17389 u 16958 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2009? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ? Kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Tajjeb li jingħad illi € 442,316 minfuqa fuq konsulenzi kienu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropeja.
Filwaqt li fil-policy for energy meta tkellem dwar is-Sicilian interconnector il-gvern kien stqarr permezz tal-Awtorità tar-Riżorsi ta’ Malta li kien qed jaħseb dwar 2x 100mw cable u f’rapporti riċenti ssemmew 2x200mws, jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-verżjoni korretta, meta nbidlet u għaliex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Peress li d-deċiżjoni tat-tip ta’ teknoloġija li għandha tiġi addottata tittieħed mill-Enemalta nissuġerixxi l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-twegiba mogħtija fid-19 t’April 2010 għall-mistoqsija parlamentari 16158, rigward x’evalwazzjoni saret dwar l-impatt fuq is-sajd Malti tar-regolamentazzjoni numru 1967/2006 tal-Unjoni Ewropea dwar il-management tal-ħażniet tal-ħut fil-Mediterran (fish stocks), ma jidhirlux il-Ministru li fid-dokumentazzjoni mpoġġija mat-tweġiba m’hemmx informazzjoni dwar studju jew studji fuq l-impatt imsemmi li qed/jew se jkollha din ir-regolamentazzjoni, imma biss dokumentazzjoni xjentifika dwar l-andament tal-fish stocks infushom?
Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe rapport dwar l-impatt ekonomiku u tekniku fuq is-sajd u s-sajjieda Maltin tar-regolamentazzjoni msemmija, li għandha tibda tiġi implimentata b'qawwa matul ix-xahar ta’ Mejju? Il-gvern jinsab sodisfatt li l-interessi tas-sajjieda Maltin huma mħarsa biżżejjed bl-implimentazzjoni tar-regolamentazzjoni msemmija? Huwa mgħarraf il-Ministru bid-diffikultajiet li qed iqajmu l-Italja, Spanja, Ċipru u anke Franza dwar din ir-regolamentazzjoni fir-rigward, per eżempju, tat-twaqqif ta’ new minimum distances dwar sajd, l-użu permess ta’ ċertu tip ta’ xbieki u mhux ta’ oħrajn, projbizzjoni fuq ċertu tip ta’ sajd u ta’ qbid ta’ ħut? X’impatt se jkollu dan kollu fuq is-sajd Malti? Il-gvern Malti qajjem xi oġġezzjonjiet fuq it-tħaddim ta' din ir-regolamentazzjoni, kif għamlu l-pajjiżi l-oħra membri tal-Unjoni Ewropea? Jekk dawn l-istudji ma sarux min-naħa Maltija u jekk l-awtoritajiet beħsiebhom jimxu ma' kif se jiġi deċiż fi ħdan l-UE, jaħseb il-Ministru li tkun ħaga aktar serja jekk iwieġeb f’dan is-sens u mhux li r-risposta se tingħata f’seduta oħra kif fil-fatt sar fit-3 ta’ Mejju 2010?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Meta wiehed jara li l-istocks kollha ta' importanza kummerċjali li jinsabu fi stat kritiku jew mistada ż-żejjed, huwa ovvju li għal-Gvern Malti l-ewwel diskussjoni hija s-sostenibilità. Sadanittant kif intqal fil-media reġgħu nfetħu diskussjonijiet dwar ir-Regolament 1967/2006 u Malta li għamlet sottomisjonijiet lill-Commission qed tistenna feedback mill-istess Commision.
Hemm ħafna oġġezjonijiet imqajma minn pajjiżi oħra li ma jgħoddux għal Malta bħal tkaxkir mal-kosta. Malta għandha ukoll termini differenti kif stipulati mit-trattat tas-sħubija minħabba li l-Gvern Malti nnegozja b’suċċess il-maniġġ tal-25 mil madwar Malta.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — xogħol ta' natura legali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17947 u 17363 u jgħid kemm ingħata xogħol ta' natura legali fl-aħħar sitt xhur? Lil min ingħata? Ingħata b'direct order jew sejħiet għall-applikazzjoni? X'kienet il-biċċa xogħol u kemm kien il-ħlas għal kull biċċa xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid min hu l-perit lokali tal-kuntrattur li qiegħed jagħmel ix-xogħol ta' restawr tas-swar fil-Belt? Meta nbeda dan ix-xogħol u meta hu ippjanat li se jitlesta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li x-xogħol ta’ restawr tas-swar fil-Belt qed isir minn kuntrattur privat taħt is-superviżjoni tar-Restoration Unit fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Ix-xogħlijiet inbdew f` Novembru, 2009 u mistennija li jitlestew fi żmien sentejn. Ir-Restoration Unit ġie avżat mill-kuntrattur li l-periti tiegħu huma Marielouise Musumeci u Joseph Zammit.
Water Framework Directive tal-Unjoni Ewropea — immaniġar tal-widien tax-xmajjar
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’inhuma l-obbligi ta’ Malta biex taħt il-Water Framework Directive tal-Unjoni Ewropea (2000/60/EC) tissottometti sat-22 ta’ Diċembru 2009 rapport dwar il-pjani tal-pajjiż għall-immaniġjar tal-widien tax-xmajjar fl-Ewropa? Għaliex dal-pjan ma ġiex sottomess minn Malta? L-ittra ta’ twissija (letter of formal notice) li kellha tibgħat dwar dan il-Kummissjoni ntbagħtet lill-gvern Malti? Hemm xi dokument jew abbozz ta’ dokument min-naħa Maltija dwar pjan kif mitlub? Jekk iva, jista’ jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Water Catchment Management Plan għall-Malta kien sottomess f’ Mejju 2010 wara li kien diskuss u approvat mill-Kabinett. Dan il-pjan tħejja mill-MEPA u l-MRA. Biex jiġi konkluż dan il-pjan kien hemm ħtieġa ta’ aktar input u għalhekk sar Twinning Project mal-Aġenzija Franċiża tal-Ilma fl-2009. Bħalissa qed issir konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan.
Id-dokument jista’ jitniżżel mis-siti tal-Awtorità ta’ Malta għall-Ippjanar u l-Ambjent u l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi.
http://www.mepa.org.mt/water
jew fuq il-websajt www.mra.org.mt. Għall-benefiċċju tal-Onor Interpellant qed inpoġġi kopja elettronika tad-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn palm li matul is-sena 2009 kellhom jinħarqu/jinqatgħu jew jingħataw il-kura minħabba l-mard li ħakimhom jew minħabba xi ħaġa oħra? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet l-oħra li minħabba fihom il-palm kellu jinħaraq/jinqata' jew jingħata l-kura?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi matul l- 2009 , inqalgħu madwar 776 siġra tal-palm . Dawn inqalgħu minħabba l-marda tar-Red Palm Weevil. Ma jirriżultax lid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti li palm inqala' minħabba raġunijiet oħra.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Vacancies għall-istudenti fis-sajf
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fid-dipartimenti, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu hux se jkun hemm xi vacancies għas-sajf għal studenti li jkunu bil-vakanzi? Jekk fl-affermattiv, fejn ser ikunu, xi kwalifiki ser ikunu mitluba u kemm ser jidħlu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-Ministeru qiegħed fil-proċess illi jara n-numru ta’ vakanzi u fejn ser ikun meħtieġ l-ingaġġ ta' studenti għas-sajf. Rigward il-kwalifiki mitluba, huwa biżżejjed li wieħed ikun student.
Filwaqt li wieħed japprezza li t-tests u evalwazzjonijiet tekniċi dwar is-sit propost għall-wind farm fis-Sikka l-Bajda jeħtieġu aktar żmien – kif oriġinarjament indikat - jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm diġà findings ‘preliminari’ indikattivi dwar il-fattibilità jew le ta’ dan is-sit, kif ukoll tal-wind flows f'dawn l-inħawi? Kemm hemm verità dwar rapporti li dehru f’sezzjoni tal-istampa indipendenti lokali dwar allegati problemi strutturali u ġeoloġiċi marbutin ma' dan is-sit?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi bħalissa għaddej studju, li nbeda f’Novembru li għadda, li permezz tiegħu qed isir kejl tal-qawwa tar-riħ fil-ponta tal-Aħrax tal-Mellieħa. Għadu kmieni biex wieħed jasal għal xi konklużjoni
Dwar rapporti li dehru f’sezzjoni tal-istampa dwar l-istabbilità ġeoloġika tas-Sikka l-Bajda, wieħed ikun jista jikkummenta biss meta jitlesta studju ġeofiżiku u ġeotekniku dettaljat.
Jista' l-Ministru jindika jekk fit-taħdidiet ta’ Bonn dwar il-klima, hemmx xi ħsieb li jiżdiedu l-impenji u l-obbligi ta’ dawk il-pajjiżi kollha, inkluż Malta, li jinsabu msieħba fost l-Annex 1 parties? Jekk iva, x’qed jiġi propost?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi dwar il-mitigazzjoni, l-obbligi u l-impenji internazzjonali ta’ Malta b’relazzjoni mal-Bidla fil-Klima, bħal dawk tal-bqija tal-Istati Membri ta’ l-UE, jibqgħu l-istess kif kienu waqt il-Konferenza (COP-15) ta' Kopenħagen ta’ Diċembru li għadda. Il-pożizzjoni tal-UE għal dawn in-negozjati f’Bonn jibqgħu josservaw strettament il-pożizzjoni miftiehma matul l-aħħar Kunsill Ewropew ta’ Marzu, li żamm il-kundizzjonalitajiet kollha tal-wegħda għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn 20% għal 30% sas-sena 2020 ibbażata fuq livelli tal-1990.
Fir-rigward tal-finanzjament
fast-start
, l-UE organiżżat avveniment (
side event
) waqt it-taħdidiet ta’ Bonn nhar il-Ħamis 3 ta’ Ġunju sabiex tinforma lill-partijiet kollha dwar il-wegħda ta’ €7.2 biljun bħala finanzjament
fast-start
għas-snin 2010-2012. F’Diċembru tas-sena l-oħra Malta għamlet wegħda għall-ammont ta’ € 800,000 bħala l-kontribut tagħha lejn il-wegħda ta’ l-UE u bħalissa qiegħda fil-proċess li tiddetermina l-aħjar mod sabiex tħallas dawn il-fondi. Din il-kontribuzzjoni mhix se tinbidel bħala riżultat tad-diskussjonijiet li għaddejjin issa f’Bonn.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17183, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-età medja tal-ħaddiema fit-taqsima tas-servizzi fi ħdan id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet? X'inhi l-età medja tal-ħaddiema industrijali fid-diversi dipartimenti tal-istess diviżjoni, kull dipartiment għalih?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-età medja tal-ħaddiema fid-Dipartiment għat-Tindif u l-Manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali hija dik ta’ 50.26 sena.
L-età medja tal-ħaddiema industrijali fl-Uffiċċju tad-Dipartiment għat-Tindif u l-Manutenzjoni hija dik ta’ 51.76 sena. Fid-Direttorat għall-Manifattura u s-Servizzi hija ta’ 52.63 sena, filwaqt li l-eta’ medja fid-Direttorat għat-Tindif hija ta’ 51.56 sena.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol ta' bini ta' ċentru għall-annimali li qed jinbena ġewwa Ta' Qali? X'tip ta' kollaborazzjoni hi mistennija li tiġi stabilita ma' ċentri oħra simili fil-privat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li x-xogħol tal-bini ta’ ċentru għall-annimali wasal fi stadju avvanzat. Għadhom għaddejjin diskussjonijiet fuq it-tip ta’ tmexxija li se tkun addottata.
Pitkalija — prodott barrani jinbiegħ bħala prodott lokali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kontrolli qed isiru fil-pikalija biex jiġi assigurat li frott u ħaxix li ġej minn pajjiżi oħra ma jidħolx fil-pitkalija biex jinbiegħ bħala prodott lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li kontrolli jsiru billi;
1. Kull sena l-bidwi jiddikjara l-prodotti li se jħawwel għas-sena li tkun ġejja.
2. Issiru spezzjonijiet kull fejn ikun hemm susspett.
3. Jinqata' s-sussidju fuq il-prodott meta s-suspett ikun konfermat.
Kontroll fuq il-laħam li qed jiġi minn pajjiżi oħra
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kontroll qed isiru mid-dipartimenti konċernati biex isir kontroll fuq il-laħam li qed jiġi f'pajjiżna minn pajjiżi oħra biex jiġi assigurat li dan ma jinbiegħx bħala prodott lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-uffiċjali ta' Dipartiment jagħmlu l-kontrolli kollha kif titlob il-liġi Maltija u r-regolamenti tal-Unjoni Ewropeja fuq il-laħam li ma joriġinax minn Malta.
Dan il-Ministeru mhux responsabbli għall- kontrol fuq il-ħwienet li jbiegħu lill-konsumatur. Din il-kompetenza hija tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u tal-Kummissjoni tal-
Food Safety Commission.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' pitkala li hemm joperaw mill-pitkalija f'Ta' Qali? Kemm hu n-numru ta' skrivanti tal-Gvern li fil-fatt jaħdmu ma' dawn il-pitkala preżentement?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi preżentament hemm 19-il pitkala joperaw mill-pitkalija f’Ta’Qali u 9 skrivani tal-Gvern.