Belt Valletta — inkonvenjent bir-rotot ġodda tal-Arriva
Question
Minħabba r-rotot ġodda li bihom qed joperaw il-karozzi tal-Arriva, jaf il-Ministru li Triq Melita u South Streets saru no parking? Jaf li dan l-arranġament qed jikrea inkonvenjent kbir lir-residenti li m'għandhomx fejn jipparkjaw il-karozzi tagħhom? Jidhirlu li f'dawn iċ-ċirkostanzi, għandu jieħu dawk il-miżuri sabiex jakkomoda lil dawn ir-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ġaladarba l-aċċess għat-trasport pubbliku fil-Belt Valletta huwa importanti ħafna u l-wisgħa tat-toroq fil-Belt hija limitata, kien ġie deċiż li l-operatur tat-trasport pubbliku juża l-iżgħar vettura possibbli li hija wheelchair-accessible sabiex jipprovdi servizz intern fil-Belt Valletta. Sabiex ir-rotta tkun tista' tgħaddi, numru ta’ parkeġġi kellhom jitneħħew. L-għażla hi bejn waħda u oħra għax it-toroq imsemmija ma jistgħux jakkomodaw it-tnejn.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27488 u jgħid hux minnu li nies li jgħixu fl-inħawi ta' San Ġwann t'Għuxa f'Bormla, bis-servizz il-ġdida tal-Arriva, mhux se jibqgħu jkollhom servizz li jieqaf San Ġwann t'Għuxa u minflok se jibdew ikollhom jinżlu fi Pjazza Gavino Gulia?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid ir-raġuni li twaqqfet il-bus ċirkulari li kienet isservi lis-Slimiżi? Min ħa din id-deċiżjoni? Jekk kienet konnessa mal-Arriva, x'sostitut għandhom in-nies ta' Tas-Sliema?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali kollha kienu nfurmati li s-servizzi regolari provduti mill-Kunsilli Lokali ma jistgħux jiġu provduti aktar peress li l-kuntratt bejn Arriva Malta Ltd u Transport Malta huwa esklussiv għas-servizzi regolari kollha, u dan skont kif jipprovdu r-Regolamenti dwar is-Servizzi tat-Trasport ta’ Passiġġieri.
Transport Malta u l-Ministeru għat-Trasport f’diversi okkażjonijiet kienu stiednu lill-Kunsilli Lokali kollha, inkluż il-Kunsill ta’ Tas-Sliema, sabiex jipprovdu is-suġġerimenti u/jew kummenti tagħhom rigward in-
network
ġdid, liema kummenti ġew ikkunsidrati meta ġie finaliżżat in-
network
. L-ebda kummenti ma ġew ipprovduti għal rotta 116 liema rotta tipprovdi servizz fil-lokalità ta’ Tas-Sliema.
Transport Malta flimkien mal-Ministeru għat-Trasport, Kommunikazzjoni u Infrastruttura jinsabu f’diskussjonijiet rigward ir-rotta 116 mal-Kunsill Lokali Tas-Sliema bil-għan li dan is-servizz jiġi mtejjeb kemm jista' jkun.
Issa li ġie stabilit il-prinċipju ta' kumpens minħabba l-għeluq għal dejjem ta' Bisazza Street, jista' l-Ministru jinforma kemm se jkun ilaħħaq dan il-kumpens lill-Arriva? Minn liema awtorità se jinħareġ u minn liema fond se jitħallsu, jekk dawn għadhom ma tħallsux?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27626.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir fil-kwistjoni tas-servizz il-ġdid tat-trasport pubbliku sabiex tiġi rranġata s-sitwazzjoni preżenti fejn huwa evidenti li s-servizz fejn għandu x'jaqsam mal-iskeda u minn fejn jirkbu dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku mar lura u mhux 'il quddiem? Jista' jgħid b'mod partikolari x'qed isir sabiex is-servizz li jingħata lir-residenti taż-Zejtun, ta' Wied il-Għajn u Fgura jitranġa ħalli dawn ir-residenti jkunu moqdija fl-iskeda li fil-preżent mhux qed tagħti servizz tajjeb?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta tinsab fi djalogu kontinwu mal-operatur tat-trasport pubbliku biex in-nuqqasijiet li jeżistu fis-servizz ikunu riżolti kemm jista’ jkun malajr.
Irrid infakkar iżda illi minkejja li għad hemm nuqqasijiet fis-servizz, speċjalment dawk relatati ma' puntwalita' u regolarita', s-servizz il-ġdid diġa' wera kemm hu aħjar mill-qadim f’dawn l-oqsma:
1. karozzi illi ma jimlewkx bl-exhaust;
2. l-aħħar karrozzi eco-friendly possibli;
3. tnaqqis fit-tniggis tal-arja;
4. karozzi kollha aċċessibli għal persuni b’diżabilita’;
5. karozzi bl-arja kundizzjonata;
6. karozzi nodfa u komdi;
7. sewwieqa liebsin pulit
8. sewwieqa li jitkellmu b’kortesija mal-passiġġieri;
9. ticketing machines fil-vened;
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm Maltin irreġistrati fuq is-site tal-facebook fl-2008, 2009 u 2010? Jista' jgħid kemm nefqu l-Maltin ras għal ras sabiex jużaw l-internet fl-istess perjodu? Jista' jgħid kemm għaddew ħin jitkellmu fuq is-sit skype l-Maltin fl-istess perjodu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba m'hijiex fil-kompetenza tal-Gvern li tinżamm u s-siti tal-facebook u skype ma jirrappurtawx statistika lill-awtoritajiet Maltin. Madankollu, jien infurmat li minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika li kienu saru mill-Awtorita' Maltija dwar il-Komunikazzjoni kienu ħarġu dawn ir-riżultati li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-eżerċizzju tal-reviżjoni tar-rotot tal-Arriva? B'mod speċifiku, jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm fir-rigward tal-lokal ta' Pembroke li preżentement huwa moqdi ħażin ħafna?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-evalwazzjoni tas-suġġerimenti dwar tibdil fir-rotot tat-trasport pubbliku għaddejja fil-preżent.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25778 u jgħid minn Jannar sal-lum kemm ingħataw tenders għall-bini ta’ toroq? Liema huma dawn it-toroq? Kemm se tiswa kull triq? Kull triq lil liema kumpanija ngħatat biex tagħmel ix-xogħol? Liema huma t-toroq li se jitħallsu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett sabiex isir tibdil fit-Triq ta' Tignè li tagħti għat-tunnel mibni mill-Konsorzju MIDI, liema proġett kien jinkorpora riklamazzjoni ta' art sabiex jiżdied il-parking fiż-żona ta' Tignè u l-Ferries ta' Tas-Sliema, u li l-pjanti tiegħu kienu tlestew fil-bidu tal-2008?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fix-xhur li ġejjin, Transport Malta se tkun qed tagħmel xogħlijiet ta’ upgrading fix-Xatt ta’ Tas-Sliema skont tender li nħareġ iktar kmieni din is-sena. Dwar proġetti ppjanati għan-naħa tax-Xatt, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinforma min qed jiffinanzja Triq Princess Margaret fl-Imsida? Kien hemm xi talba mill-kunsill ta' Ta' Xbiex, ġaladarba din it-triq prinċipali tkompli fuq żewġ kunsilli? Jekk fl-affermattiv, għaliex mhux se jkompli x-xogħol għal ġewwa Ta' Xbiex biex tkun kompluta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta se tiffinanzja x-xogħlijiet fl-imsemmija triq fin-naħa ta' l-Imsida filwaqt li se toħroġ sejħa għax-xogħlijiet fin-naħa ta' Ta' Xbiex biex b'hekk din it-triq tkun kompluta.
Persuni skwalifikati biex jiksbu liċenzja tas-sewqan
Question
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena 2011, kemm-il persuna ġiet skwalifikata milli jkollha jew tikseb liċenzja tas-sewqan wara li nstabet ħatja ta' reat u għal liema perjodi kienu l-iskwalifiki imposti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni li ġew skwalifikati milli jkollhom jew jiksbu liċenzja tas-sewqan wara li nstabu ħatja ta' reat mill-bidu tas-sena 2011 huwa ta' 368. Il-perjodu ta’ skwalifika jvarja minn tmien ‘t ijiem sa 914 jum, jiġifieri sentejn u nofs; kif ukoll skwalifika tal-liċenzja provviżorja.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min organizza is-survey dwar l-użu tat-trasport pubbliku, li minnu rriżulta li 98% ta' dawk li jużaw t-trasport pubbliku u li ġejjin mill-Mellieħa u minn San Pawl il-Baħar fil-fatt ma jmorrux il-Belt? Skont dan is-survey liema huma d-destinazzjonijiet li fihom imorru dawk li jużaw it-trasport pubbliku, u li ġejjin minn dawn il-lokalitajiet? Jista' jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-National Household Travel Survey ġie organizzat minn Transport Malta fejn minn analiżi tal-informazzjoni miġbura 20.8% ta’ passiġġieri li jitilqu mill-Mellieħa permezz tat-trasport pubbliku (tal-linja) jivvjaġġaw sal-Belt Valletta. Min-naħa l-oħra, huma 2.2% biss ta’ passiġġieri li jużaw il-karozza tagħhom biex mill-Mellieħa jaslu sal-Belt. Rigward passiġġieri li jitilqu minn San Pawl il-Baħar bit-trasport pubbliku, 22.9% minnhom jaslu sal-Belt.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jagħti l-kumplament tal-informazzjoni mitluba.
Transport Malta — rapporti ta qtuħ ta' bozoz f'toroq arterjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar rapporti minn Transport Malta għal dak li jirrigwarda bozoz maqtugħa fit-toroq arterjali u distributorji li jikkonċernaw il-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali, liema rapporti għaddew għand il-Korporazzjoni Enemalta? Kemm mill-bozoz irrapurtati bħala maqtugħa fil-fatt ġew irranġati matul dan iż-żmien?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, u li anke mexxa l-każ ma' persuna oħra, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, fejn hemm problema dwar zebra crossing u lights fi Triq Dawret Ħal Għaxaq bypass? Jista' l-individwu jiġu kuntattjat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma naħsibx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens ta' l-individwu konċernat.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — nefqa fuq safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar mill-2008 sal-lum minn uffiċjali li jaqgħu fi ħdan ir-responsabiltà tiegħu, jiġifieri minn uffiċjali fl-awtoritajiet, dipartimenti governattivi u oħrajn? Jista' jagħti d-destinazzjoni u l-iskop tas-safra?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex unit ta' mastrudaxxa? Jekk fl-affermattiv, fejn qiegħed il-workshop tal-mastrudaxxa fi ħdan Transport Malta? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni li nxtara tant apparat użat fis-sengħa ta' mastrudaxxa u li ġie maħżun f container fix-shed tad-deep water quay l-Marsa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa Transport Malta m'għandhiex unit ta' mastrudaxxa fi ħdana. Rigward l-apparat imsemmi, ninsab infurmat li dan il-makkinarju nxtara meta kien għad m'hemm l-ebda ħsieb li s-sezzjoni tispiċċa mingħajr workshop. Kull tip ta' makkinarju maħżun ġewwa l-containers huwa mistenni li jerġa jiġi wżat hekk kif is-sezzjoni tal-Manutenzjoni jerġa' jkollha workshop.
xogħol fit-toroq minħabba l-karozzi tal-linja l-ġodda
Question
Jista' l-Minstru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi li għandhom dawk li qed jagħmlu x-xogħol neċessarju fit-toroq Maltin u Għawdxin kollha, sabiex ikunu jistgħu jiffaċilitaw it-toroq tagħna għall-karozzi tal-linja li se jibdew joperaw dalwaqt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
tibdil fit-toroq minħabba l-karozzi tal-linja l-ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tiġi tiswa l-ispiża kollha sabiex jinqalgħu l-bankini, jinqalgħu u jitwaħħlu s-siġar minn diversi postijiet u jinżebgħu t-toroq tagħna ħalli l-karozzi tal-linja tal-kumpanija li se tibda topera dalwaqt jiġu akkomodati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Marsa park & ride — prekawzjonijiet għall-ilma tax-xita
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet ittieħdu fin-naħat tal-park & ride li qed issir fil-Marsa minħabba li din iż-żona kienet tilqa' l-ilma tax-xita li jiżbroffa mill-widien li hemm fl-inħawi, biex l-ilma tax-xita qawwija ma jikkawżax ħsarat fl-akkwati, speċjalment lir-residenti li jgħixu fil-viċin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ilma li kien jgħaddi miż-żona meta jfuru l-widien li hemm fl-inħawi, ser ikun jista’ jibqa’ jgħaddi mit-toroq ta’ madwar il-Park and Ride. Barra minn hekk hemm proġetti oħra għaddejjin minn dipartimenti oħra biex iwessgħu l-wied u jnaqqsu l-possibiltà li l-wied ifur.