Bini ta’ Yacht Marina u Cruise Liner Passenger Terminal
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra fuq l-aħħar żviluppi dwar il-bini ta’ yacht marina u cruise liner passenger terminal li l-Gvern Laburista ħareġ espressjoni ta’ interess għalihom eżatt wara li tela’ fil-Gvern f’Marzu 2013 u dan peress li issa għaddew aktar minn sitt snin minn dakinhar u ma ssemma xejn iżjed dwarhom? Jista’ tgħid jekk dawn il-proġetti hux ser isiru u jekk l-espressjoni ta’ interess li kienet inħarġet, għadhiex għaddejja jew jekk ġietx imwaqqfa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-Espressjoni ta’ Interess (EOI) rigward l-proġett għal Konċessjoni għad-Disinn, Bini u Operat ta’ Cruise Liner Terminal u Yacht Marina fil-Gżira ta’ Għawdex, kien konkluż u kien għadda għall-stadju ta’ Rikjesta għall-Proposti (RFP). Il-kumitat imwaqqaf mill-Privatisation Unit, kien evalwa s-sottomissjoni li rcieva u isottometta r-rapport b’rakommadazjonijiet tiegħu. F’dan l-istadju, in-negozjati mal-proponent li ġie magħżul għadhom għaddejin. Il-Gvern, tramite il-Privatisation Unit, qed jistenna l-eżitu ta’ diskussjonijiet.
B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 10088 u 12079, jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex u jgħid jekk tlestewx it-3D scanning kollha tas-sit u tal-għar u studji oħra, x'kienu l-konklużjonijiet u f'liema xahar tas-sena 2020 hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-3D scanning kollha tas-sit u tal-għar u studji oħra tlestew. Bħalissa qed jitħejjew id-disinni biex tiġi sottomessa applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Għawdex — Triq l-Imġarr,in-Nadur, u Triq Sant Antnin, Għajnsielem - xogħol
Question
B'referenza għax-xogħol li għandu jsir fuq Triq l-Imġarr fin-Nadur, u li għaddej fi Triq Sant Antnin f'Għajnsielem - it-triq li twassal min-Nadur sal-Port tal-Imġarr, jista’ l-Ministru jgħid:
1. jekk hux ser isir
storm water culvert
minħabba l-ilmijiet kbar li jinżlu minn dawn iż-żewġ toroq;
2. jekk hux ser isiru walk through culvert biex is-servizzi jgħaddu minn ġo fihom u hekk qatt ma jkun hemm bżonn li jinqalgħu dawn iż-żewġ toroq arterjali; u
3. kemm-il kisja ta’ asfalt ser jingħataw dawn iż-żewġ toroq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser issir storm water culvert tul it-triq kollha, u huwa previst li s-servizzi se jgħaddu minn shallow culvert. Fir-rigward tal-kisi tal-asfalt, dan ser isir skont il-linji gwida ta’ Transport Malta.
Jista' l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru fil-Bajja ta’ San Blas fin-Nadur, Għawdex, wara l-ħsarat kbar li kien hemm f'din il-bajja konsegwenza tal-maltemp qawwi li għamel fix-xitwa li għaddiet? Jista' jelenka x-xogħol li sar sa qabel beda s-sajf 2019 u x'tip ta' xogħlijiet hemm ippjanati li jsiru qabel jibda s-sajf 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xoghol li sar s’issa jikkonsisti fi tneħħija ta’ materjal. Sa dan it-tant huwa ppjanat li jitkompla x-xogħol marbut mal-bini ta’ ħitan u bini tat-triq.
Nadur Għawdex – Triq tal-Ħanaq u Triq ir-Ramla — tarmac
Question
Jista' l-Ministru jgħid sa meta hu maħsub li titlesta Triq tal-Ħanaq u parti minn Triq ir-Ramla fin-Nadur, li ħames snin ilu b'għaġġla qabel l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ngħataw kisja tarmac mill-Ministeru għal Għawdex u baqgħu sal-lum ma tlestewx bil-konsegwenza li x-xogħol li sar saritlu ħafna ħsara, tant li t-tarmac li sar f'ħafna postijiet niżel u f'postijiet oħra nqasam?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jimxi skont programm ta’ prijoritajiet għall-Infrastruttura f’Għawdex.
Jista' l-Ministru, b'referenza għax-xogħol li kien inbeda madwar sena u nofs ilu fi Triq l-Imġarr fin-Nadur, it-triq li twassal min-Nadur sa Għajnsielem, u li issa ilu wieqaf għal ħafna xhur, jgħid:
1) Min huma l-perit, ġeoloġista u esperti oħra inkarigati minn din it-triq?
2) Kif intgħażlu dawn il-persuni u min kienu l-persuna/i li għażilhom kif ukoll id-data meta ġew magħżula?
3) Kemm ilhom jaħdmu fuq din it-triq u kemm tħallsu s’issa kull wieħed u waħda minnhom?
4) Kemm-il siegħa xogħol għamlu kull wieħed u waħda relatati ma’ din it-triq u kemm qed jitħallsu kull wieħed ta' kull siegħa xogħol li jagħmlu?
5) Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha li ħejjew dawn l-esperti relatati ma’ din it-triq u d-dati meta ħejjew dawn id-dokumenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-perit inkarigat minn din it-triq hu Perit mill-Ministeru, filwaqt li l-espert li kien inkarigat minn din it-triq hu l-Perit Adrian Mifsud. Din il-persuna ntgħażlet a bażi tal-esperjenza u l-ħiliiet tekniċi tagħha. Tħallas is-somma €33,451.50 (VAT eskluż). Il-Ministeru se jkun qiegħed juża s-servizzi ta’ esperti neċessarji biex triq li ilha magħluqa għal xhur twal jibda x-xogħol fuqha mill-aktar fis possibbli. Din it-triq hija prijorita’ ewlenija għal Ministeru għal Għawdex.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12150, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li fi Triq it-Taflija fir-Rabat Għawdex, kważi fit-tarf tagħha, tpoġġiet pjanċa kbira tal-ħadid fit-triq u għadha hemm? X’inhu jagħmel il-Ministeru biex din il-pjanċa tal-ħadid titneħħa malajr kemm jista’ jkun minn din it-triq, peress li f’din il-parti tat-triq minħabba din il-pjanċa apparti li hi ta' periklu kbir, għax ma jgħaddux żewġ karozzi kontra xulxin? Ħarġet tender jew intalbu kwotazzjonijiet biex isir ix-xogħol? U jekk le x'inhuma r-raġunijiet li għadu ma sar xejn?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa din it-triq qed tintuża bħala triq alternativa għal toroq u inħawi oħrajn, fejn bħalissa għadejjin proġetti infrastrutturali. Ix-xogħol fl-imsemmija triq se isir immedjatament hekk kif jitlestew ix-xogħlijiet infrastrutturali li qed isiru bħalissa.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12390 u jgħid jekk waqt ix-xogħlijiet ta' adattament li saru reċentement fuq il-vapur 'Nikolaus' li qed jopera bejn Malta u Għawdex, ittieħdux dawk il-passi kollha biex il-vapur isir aċċessibbli għal persuni b'diżabilità u persuni b'mobiltà ridotta? Jekk iva, jista' jgħid jekk itteħidx parir fir-rigward u filkas min taha dan il-parir? Jekk kien hemm xi parir dwar x'miżuri għandhom jittieħdu, jista' jgħid jekk dawk il-miżuri ġewx implementati kollha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija saru mis-sidien tal-Vapur Nikolaos.
Għawdex, Għajnsielem– Triq l-Imġarr – problema ta’ sewqan eċċessiv
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12391 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10970, jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-implimentazzjoni tal-pjan imsemmi? Jista' jagħti d-dettalji fiex jikkonsisti dan il-pjan eżattament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala Ministru għal Għawdex ninsab impenjat biex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem. Il-Ministeru se jibda diskussjonijiet mal-Awtoritajiet ikkonċernati biex tinstab is-soluzzjoni meħtieġa.
Għawdex – Triq li twassal mir-Rabat għal Marsalforn — xogħlijiet
Question
B'referenza għax-xogħol proġettat li se jsir fuq it-triq li twassal mir-Rabat, Għawdex sa Marsalforn, jista’ l-Ministru jgħid:
a. meta nħareġ it-tender għal xogħol fuq din it-triq;
b. fiex ser ikun jikkonsisti x-xogħol fuq din it-triq;
c. min kienu l-offerenti, kemm kien il-prezz ta' kull wieħed u lil min ġiet
awarded
it-
tender;
d. min kien il-Perit jew ditta ta' Periti li lestiet id-disinn tat-triq u kemm kienet l-istima li ippreparaw dawn il-Periti;
e. jista' jpoġġi kopja tad-disinni ta' din it-triq fuq il-Mejda tal-Kamra;
f. kemm-il siġra u arbuxxell minn dawk preżenti matul din it-triq huma mistennija li jinqalgħu minħabba dan ix-xogħol;
g. meta ser jingħata bidu għal dan ix-xogħol u meta huwa ppjanat li jkun lest; u
h. kemm minn dan ix-xogħol ser ikun iffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u sa meta jridu jintużaw dawn il-fondi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għal din it-triq ħareġ fid-9 ta’ Ottubru 2019 u għalaq fl-14 ta’ Jannar 2020. Ix-xogħol jikkonsisti fil-bini mill-ġdid, u resurfacing tat-triq li tagħti mill-Belt Victoria sa’ Marsalforn. Il-proġett jinkludi wkoll bini ta’ triq ġdida li tgħaqad Triq Patri Ġacintu Camenzuli ma’ Triq Ġorġ Pisani. L-offerenti kienu dawn:
Road Construction Co. Ltd.
€12,498,521.13
GP Gozo Consortium
€8,943,310.02
Il-perit inkarigat minn dan il-proġett huwa William Lewis. Bħalissa għaddej proċess ta’ evalwazzjoni tal-offerti. Ix-xogħol jinbeda ladarba jiġi awarded it-tender, bix-xogħol ppjanat li jieħu 42 ġimgħa. Tnejn fil-mija tal-fondi se jkunu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-fondi jridu jintużaw sal-aħħar tas-sena. Kopja tad-disinn ta’ din it-triq jinstab fuq din il-link https://www.etenders.gov.mt/epps/cft/prepareViewCfTWS.do?resourceId=5920450. Min-naħa l-oħra, it-tweġiba għal mistoqsija F, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan preżenti dwar il-bini ta' Qorti ġdid f'Għawdex u in vista ta' dak li ġara fl-aħħar snin, jista’ jgħid:
a. kemm kienet in-nefqa totali fuq il-pjanti u ħruġ ta'
tenders
li saru biex il-bini ġdid jinbena fi Pjazza l-Assedju ta' Għawdex fir-Rabat, Għawdex;
b. min tħallas u kemm tħallas għax-xogħol li sar fuq il-pjan biex jinbena Qorti ġdid fi Pjazza l-Assedju ta' Għawdex fir-Rabat, Għawdex;
c. min ħa d-deċiżjoni li l-Qorti ma jsirx fi Pjazza l-Assedju ta' Għawdex fir-Rabat, x'kienet ir-raġuni li ttieħdet din id-deċiżjoni u meta ttieħdet din id-deċiżjoni;
d. kemm kienet in-nefqa totali fuq il-pjanti, proċess ta' konsultazzjoni, periti u affarijiet oħra konnessi mal-pjan li l-Qorti l-ġdid ta' Għawdex jinbena fix-Xewkija fiż-Żona Industrijali;
e. min tħallas u kemm tħallax għax-xoghol li sar fuq il-pjanti u xogħol ieħor relatat biex il-Qorti jinbena fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija;
f. min ħa d-deċiżjoni li l-Qorti ma jsirx fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija, x'kienet r-raġuni li ttieħdet din id-deċiżjoni u meta ttieħdet din id-deċiżjoni; u
g. x'ser jsir fl-immedjat biex il-Qorti ta' Għawdex fiċ-Ċittadella li jintuża ta' kuljum min-numru kbir ta' anzjani u nies b'diżabilità, jsir aċċessibbli?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B’referenza għax-xogħol li għaddej fuq Triq l-Imġarr fin-Nadur, it-triq li twassal min-Nadur sal-port tal-Imġarr, jista’ l-Ministru jgħid:
a. kemm ilha magħluqa għat-traffiku din it-triq;
b. meta nbeda x-xogħol fuq din it-triq u għaliex fl-aħħar xhur ix-xogħol kien wieqaf għal kollox;
c. jista’ jpoġġi kopja tal-pjanti u disinni li ser u qed jintużaw fix-xogħol li qed isir fuq din it-triq;
d. liema xogħol ser ikun qed isir fuq il-ground tal-football tan-Nadur;
e. meta nħarġet it-tender għal dan ix-xogħol, lil min ingħatat u kemm hu l-valur tat-tender;
f. liema xogħol kien sar fuq din it-triq qabel inħarġet it-tender, kemm sewa dan ix-xogħol, liema kuntrattur għamlu u jekk dan ix-xogħol tħallasx;
g. min hu l-Perit inkarigat mix-xogħol fuq din it-triq;
h. jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra permessi li nkisbu għax-xogħol li jrid isir mill-Awtorità tal-Ippjanar u mill-Awtorità tal-Ambjent; u
i. meta hu maħsub li jitkompla x-xogħol fuq din it-triq u meta hu mahsub li din it-triq tinfetaħ għall-użu tal-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fit-triq imsemmija beda f’Settembru ta’ 2018.
Madankollu, ix-xogħol ta’ skavar kellu jieqaf meta nstab tafal partikolari u li għaldaqstant kien jirrekjedi li jsiru testijiet tekniċi u dettaljati kemm tal-qagħda tal-post kif ukoll kif għandha tinbena din it-triq mill-ġdid. It-tender ħarġet fit-23 ta’ Mejju 2019 u ġiet awarded fis-16 ta’ Lulju 2019. It-tender li giet awarded kella valur ta’ €7,992,359.01. Ix-xogħol ta’ skavar sewa madwar €120,000. Il-kuntrattur kien Road Construction, filwaqt li l-Perit inkarigat minn dan il-proġett ingenerali sa issa qieghed f’idejn Perit mill-Ministeru għal Għawdex.
Peress li x-xogħol se jsir fuq l-istess linji tat-triq oriġinali, il-proċess ta’ permessi mhux meħtieġa. Ix-xogħol se jitkompla la darba jitlestew u joħorġu r-riżultati tat-testijiet ġeologiċi kollha u d-disinn finali ta’ kif se tinbena mil-ġdid din it-triq.
Il-Ministeru itenni li t-tkomplija u t-tlestija ta’ din l-imsemmiha triq hija fuq quddiem nett ta’ l-agenda infrastrutturali f’Ghawdex u ser jassigura li issir minghajr aktar dewmien. Ir-residenti Nadurin jixirqilhom triq ta’ l-ghola livell li tghaqqad lil dan ir-rahal mal-port ta’ l-Imgarr.
Jista' l-Ministru jgħid jekk wara l-ħatra tal-Kabinett fejn huwa ġie maħtur bħala Ministru għal Għawdex, il-kumpanija Gozo Channel baqgħetx taqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jekk iva, jista' jghid:
A. Kemm hu n-numru ta' ħaddiema li huma impjegati direttament mal-kumpanija Gozo Channel u f'liema grad huma impjegati;
B. Kemm hu n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija
tramite
kuntratti mogħtija lill-kumpaniji privati biex jipprovdi servizz ta' ħaddiema? F'liema oqsma jaħdmu dawn il-ħaddiema;
C. Liema huma l-kumpaniji li għandhom kuntratt biex joffru s-servizz ta' ħaddiema u kif ingħataw dan il-kuntratt? Kemm tħallset kull kumpanija matul is-sena 2019;
D. F'liema sena kienu ppubblikati l-aħħar darba l-
accounts
tal-kumpanija jew kumpanija li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex u li joffru s-servizz tal-vapuri bejn Malta u Għawdex; u
E. Jista' jpoġġi kopja ta' dawn l-aħħar
accounts
li ġew ippubblikati fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd baqgħet taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeru għal Għawdex. Il-kumpanija għandha 175 impjegat tagħha kif ukoll 101 tal-kuntratturi privati. Min-naħa l-oħra, il-kumpaniji li għandhom kuntratt, li kien ingħata wara ħruġ ta’ tender, biex joffru s-servizz ta' ħaddiema huma, JF Services Ltd, TBS Joint Venture, Grange Services Ltd, Support Services Ltd u Signal 8 Security Services Malta Ltd.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tal-Ministeru għal Għawdex u l-kumpanija Gozo Channel fuq ir-raba' vapur MV Nikolaus? Fid-dawl ta' dan jista' l-Ministru jgħid:
A. Meta nkera l-ewwel darba dan l-vapur u għal kemm żmien kien inkera?
B. Kemm tħallas kuljum għall-kiri ta' dan il-vapur fl-ewwel perjodu tal-kirja?
C. Meta ġiet imġedda l-kirja u għal kemm żmien? Meta tintemm il-kirja eżistenti ta' dan il-vapur?
D. Kemm qed jitħallas kuljum fil-preżent għall-kiri ta' dan il-vapur?
E. Meta hu ppjanat li l-kumpanija Gozo Channel iġġib vapur ġdid flok l-
MV Nikolaus
li huwa vapur antik u li mhux aċċessibbli?
F. Meta sar xogħol fuq is-
side ramp
għal dan il-vapur, min ħallas għalih u kemm sewa dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex se jkompli bl-impenn tiegħu li jagħti l-aħjar servizz ta’ konnettivita’ bejn iż-żewġ gżejjer. Il-vapur Nikolaous żdied mal-flotta tal-Gozo Channel fis-7 ta’ Ġunju 2019. Iż-żieda tar-raba vapur intlaqgħet tajjeb minn kull min uża s-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li d-disinn u l-pjanti tal-proġett ta' Pjazza San Franġisk ġew mibdula totalment wara l-elezzjoni tat-3 ta' Ġunju 2017? In vista ta' dan jista' jgħid:
A. Kemm kienet in-nefqa totali biex saru l-ewwel sett ta' pjanti u li ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjannar u kemm kienet l-ispiża globali biex reġgħu saru pjanti u disinji ġodda wara l-elezzjoni tat-3 ta' Ġunju 2017?
B. Min kienu l-persuni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li ddeċidew li jinbidlu totalment il-pjanti u d-disinji?
C. X'inhuma r-raġunijiet li l-perit tal-Ministeru għal Għawdex li kien applika għall-permessi u li kien inkarigat mill-proġetti tar-rinovar ta' Pjazza San Franġisk u mill-proġett tat-taraġ ġewwa l-Belt Victoria qabel l-aħħar elezzjoni, ma baqax inkarigat minn dawn il-proġetti wara l-aħħar elezzjoni tat-3 ta' Ġunju 2017; u
D. Kemm hija mistennija li tkun l-ispiża totali fuq Pjazza San Franġisk u t-taraġ li jwassal mill-
Bus Terminus
sal-istess Pjazza?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-disinn ta’ Pjazza San Frangisk inbidel wara konsultazzjoni mal-istakeholders. Ix-xogħlijiet tad-disinni tal-proġett saru kollha mill-Periti tal-Ministeru. It-tender għall-proġett ta’ Pjazza San Franġisk ġie awarded għall-prezz ta’ €2,184,823.34 (VAT eskluża) filwaqt li t-tender tat-Taraġ ta’ San Frangisk ġie awarded għall-prezz ta’ €334,012.27 (VAT eskluża).
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12484, peress li t-tweġiba li ngħatat li ma kienx hemm spejjeż għal private jet ma tfissirx li ma kienx hemm tali użu ta’ private jet, u peress li hu kien jaf (jew issa ġie infurmat) li fl-2019 il-Ministru għal Għawdex preċedenti għamlet użu minn private jet biex marret il-Greċja (akkumpanjata minn uffiċjali pubbliċi), in konnessjoni mal-kiri tal-vapur għall-Gozo Channel liema private jet ġie pprovdut lilha b’xejn mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru issa jagħti t-tagħrif kollu u jagħti l-lista ta’ dawk li akkumpanjawha fl-2019, jgħid minn meta sa meta kienet iż-żjara fil-Greċja u x’ħa lura l-individwu msemmi separatament talli ta b’xejn l-użu tal-private jet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra li ntenni dak diġà mistqarr fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12484, inżid li ma kien hemm l-ebda użu ta’ jet privat fl-2019 lejn il-Greċja kif qed jogħġbu jallega.
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex inħass il-bżonn li t-triq li mir-Rabat Għawdex tieħu lejn Marsalforn titwessa’ u minnha jinqala’ numru ġmielu ta' siġar? Jekk verament hemm il-ħtieġa li t-triq titwessa’, jista' jispjega x'miżuri qed jieħu biex l-impatt fuq is-siġar ikun mill-inqas?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq eżistenti tinsab fi stat ħażin peress li diversi partijiet tal-wiċċ qed jidhru li qed iċedu minħabba li qed ifallu l-fondazzjonijiet, apparti li żewġ pontijiet antiki għandhom ħsarat estensivi. Barra minn hekk, hemm partijiet tat-triq li qed jikkawżaw periklu kbir għas-sigurta’ tas-sewwieqa u għan-nies li jkunu mexjin fit-triq, minħabba nuqqas jew limitazzjoni fl-infrasttrutura eżistenti. Tenut kont taċ-ċirkostanzi kollha, kienet ilha tinħass il-ħtieġa li titjieb l-infrastruttura ta’ din it-triq biex tibda tintuża b’mod sigur minn kulhadd.
Wara diversi studji li saru, ġie deċiż li t-triq inżamm b’żewġ karreġġjati pero’ se jigu eliminati diversi kurvi perikuluzi billi jitejjeb l-allinjament. Se tiġi nkluża mgħodija għan-nies li jkunu mixjin, kif ukoll karreġġjata dedikata għaċ-ċiklisti li twassal mir-Rabat sa Marsalforn, mingħajr waqfiet. Din tal-aħħar se ssir f’parti mit-triq hekk kif ir-rotta taċ-ċiklisti se titkompla minn triq rurali biex jitnaqqas it-teħid tal-art. Fil-proġett se tkun inkluża infrastruttura ġdida tal-ġbir tal-ilma, apparti li se ssir bidla fid-dawl tat-triq. Min-naħa l-oħra, is-servizzi se jgħaddu minn taħt l-art biex jitneħħew ħafna wajers li qed ikerrħu t-triq.
Siġar bħal Olea Europea u ż-Żebbuġa se jinqalgħu u jerġgħu jitħawwlu. Fost is-siġar li se jinqalgħu hemm numru kbir minnhom li huma aljeni u inażivi, fosthom l-Acacia, Eucalyptus, Nerium Oleander u Casuarina. Bħala kumpens u kif ukoll biex tisebbaħ it-triq se jinżergħu ‘l fuq min 120 siġra indiġena fosthom Laurus Nobilis (ir-Randa), Tamarix Africana (it-Tarfa) u Pinus Halepensis (iz-Znuber).
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni fiż-żona taċ-Ċittadella wara li tlesta l-proġett ta' restawr? Jista' jagħti d-dettalji ta’ kemm minn dawn ġew ingaġġati fil-leġiżlatura li għaddiet u kemm minn dawn ġew ingaġġati fil-leġiżlatura kurrenti? Jista' jispjega taħt liema kategorija ta' xogħol ġew ingaġġati dawn il-persuni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija f’din it-tabella;
Impjegati ngaġġati fiċ-Ċittadella
2016
2017
2018
2019
Ministeru għal Għawdex*
1
Nil
Nil
Nil
Cittadella Traineeship Scheme**
42
Nil
Nil
Nil
Kuntratt ma’ Wirt Għawdex***
6
Nil
Nil
Nil
Community Workers Scheme****
Nil
Nil
15
9
*Ħaddiem manwali – labourer scale 20
**Ħaddiema manwali - l-iskema ġiet terminata f’Diċembru 2017.
***Ħaddiema klerikali – kuntratt ġie terminat f’Diċembru 2018 u l-ħaddiema ġew assorbiti mill-Community Workers Scheme.
****Ħaddiema f’din l-iskema huma: 14 ħaddiema manwali u 10 ħaddiema klerikali. Din l-iskema għadha fis-seħħ sal-lum il-ġurnata.
Triq li twassal minn Nadur għal Għajnsielem — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq it-triq li minn Nadur twassal għal Għajnsielem? Jista' jagħti data preċiża u ċara ta' meta din it-triq ser jitlesta u tibda tintuża mill-pubbliku? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li se jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema triq qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fil-bajja tax-Xlendi? Jista' jagħti data preċiża u ċara ta' meta dawn ix-xogħlijiet ser jitlestew għat-tgawdija tal-pubbliku? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar l-iskavar tad-dry-standing area, tgħaddew is-servizzi kollha, sar il-livellar u beda t-tqegħid tal-konkos tal-wiċċ. Tlesta wkoll l-boundary wall tal-madwar. Jidher li ma hemmx ostakli u x-xogħlijiet mistennija li jitlestew fil-bidu tat-tieni kwart ta’ din is-sena. L-istima ta’ dan ix-xogħol li għalih il-fondi ġejjin minn dawk Ewropej hija ta €312,000 esklu¿ il-VAT.