Legislature:
Category:
Reset
Active:

persuni li jirreġistraw

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi statistika xahar b'xahar ta' kemm kienu dawk li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq part 1 u part 2 minn Novembru 2010 sa Ottubru 2011? Kemm minn dawn inqelbu fuq l-għajnuna soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kwestjoni dwar pensjoni ta' diżabilità severa

Question

Peress li biex persuna tkun intitolata ghall-pensjoni ta' diżabilità severa jrid ikollha dħul ta' anqas mill-paga minima, tista' l-Ministru tgħid f'każ ta' persuna li tiżviluppa diżabilità severa wara ż-żwieġ, din ukoll eliġibbli biex tapplika għal din il-pensjoni anke jekk żewġha/martu għandhom dħul finanzjarju ta' aktar mill-paga minima? Jekk fl-affermattiv, hemm xi ceiling fir-rigward ta' dħul finanzjarju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, persuna li tirċievi pensjoni ta’ diżabilità, bil-miżuri ġodda mħabbra fl-aħħar budget, tista taħdem kemm trid u jinqata biss mill-pensjoni tad-Diżabilità, id-dħul kollu li jaqbeż il-paga minima għalhekk is-ceiling jilħaq l-ekwivalenti tar-rata tal-pensjoni u l-paga minima magħduda flimkien. Jekk persuna ġġarrab diżabilità jew tiġi ċertifikata li għandha tali diżabilita kif imsemmija fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali, wara li tkun iżżewwġet, xorta tista tikkwalifika u tibbenefika minn dak imsemmi fil-paragrafu ta’ qabel, kif ukoll, bħala miżura oħra fl-aħħar budget, fit-test tal-mezzi anqas se jibqa jiġi ikkunsidrat nofs id-dħul tal-konjugi.

MCAST — studenti li jattendu kors ta' restawr

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' żagħżagħ li qed jattendu xi kors ta' taħriġ fir-restawr, fl-MCAST u minn liema loklitajiet huma dawn l-istess studenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

pensjoni bla bonus u lanqas supplimentari

Question

Tista' l-Ministru tara każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tieħu pensjoni ta' €138 .76 bla bonus u lanqas is-supplimentari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu qed tiġi infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

ħaddiema part-time li mhux qed jirċievu l-benefiċċji

Question

Tista' l-Ministru tgħid jgħid jekk il-Ministeru hux jirċievi ilmenti minn ħaddiema part-time fil-lukandi li spiss qegħdin jiġu rifjutati benefiċċji pro rata skont is-sigħat li jaħdmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nifhem li l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-benefiċċji pro-rata ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol. Għalhekk nitlob l-Onor. Membru biex jibgħat il-mistoqsija tiegħu lil Prim Ministru li taħtu jaqa’ d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u Impiegi.

Għawdex — kotba mdaħħla fis-sistema OPAC

Question

Peress li issa l-friegħi tal-libreriji ta' Għawdex ġew online, tista' l-Ministru tgħid kemm bħala ammont ta' kotba ġew barcoded f'kull fergħa u jekk id- data tal-kotba hijiex imdaħħla fuq is-sistema governattiva msejjħa OPAC (Online Public Access Catalogue)? Tista' tagħti n-numru fergħa b'fergħa ta' kemm kotba hemm li d- data tagħhom mhijiex imdaħħla fis-sistema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex tagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex — libreriji li tħallew għall-aħħar biex il-kotba tagħhom jiġu online

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li l-friegħi Għawdxin - salv għan-Nadur u l-Gozo Lending Library, tħallew l-aħħar fil-pajjiż li jiġu online?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’Għawdex kien hemm problema ta’ infrastruttura, speċjalment fejn jidħol is-supplixximent ta’ PCs. L-għaxar libreriji fergħat Għawdxin li ġew ikkompjuterizzati issa qatt ma kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-PCs tant li meta daħlet is-sistema tal-leasing (kiri tal-PCs) ma setax isir skambju ta’ PCs. Tajjeb ngħidu li l-PCs li għandhom bħalissa ġew fornuti min-naħa tal-IMU f’Malta sabiex il-proċess seta’ jitlesta u b’hekk issa kull librerija fergħa f’Malta u Għawdex se jkunu kollha kompjuterizzati.

Housing — Każ ta' persuni

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet it-talba tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, peress li din il-familja qed tgħix fi stat pjetuż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikanta in kwestjoni toqgħod diġà ġo post tal-gvern. Dan il-post jinsab f’qagħda pjetuża peress li l-inkwilin qatt m’għamlet xogħlijiet ta’ manutenzjoni ordinarja. L-applikanta għandha arretrati ta’ kera li jammontaw għas-somma ta’ € 4,018.92 u qiegħda tintalab tirregola l-pożizzjoni tagħha.

Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb — kotba b'ortografija antika fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid itteħditx deċiżjoni li kotba bil-Malti bl-ortografija antika mhux qed jitħallew jitqassmu iżjed fl-iskejjel? Tista' tgħid min ħa din id-deċiżjoni? Tista' tgħid x'konsultazzjoni saret mal-pubblikaturi lokali tal-kotba għat-tfal, li diġà għandhom ħajjithom diffiċli biżżejjed u issa se jibqgħulhom ma' wiċċhom b'eluf kbar ta' kotba għat-tfal jiswew eluf ta' euros? Tista' tgħid jekk il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħax xi passi biex itaffi l-problemi ta' dawn il-pubblikaturi u jekk iva, x'inhuma dawn il-passi? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li għaddiet bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq din il-kwistjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ittieħdet deċiżjoni biex kotba bil-Malti jiġu konformi mal-ortografija l-ġdida u dawk bl-ortografija antika mhux qed jitqassmu fl-iskejjel. Din id-deċiżjoni ttieħdet mid-Dipartiment tal-Kurrikulu u eLearning biex ikun konformi mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija 24960 t’April li għadda fejn kien esprima l-opinjoni tiegħu dwar l-impatt ħażin fuq it-tfal meta jiġu esposti għall-ortografija li ma baqgħetx fl-użu. It-tweġiba li ngħatat dak iż-żmien kienet li d-Direttorat kien qed jagħmel l-arranġamenti kollha biex dawn il-kotba jiġu aġġornati skont ir-regoli l-ġodda tal-ortografija. L-interess tal-interpellant dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-publikaturi lokali tal-kotba għat-tfal huwa apprezzat iżda l-għan aħħari tad-Dipartiment huwa li jassigura li l-istudenti jiktbu b’ortografija tajba. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, b’konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, kien tkellem mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti fejn wara li kien hemm suġġeriment li ttieħdet stampa ta’ kemm il-Pubblikaturi kien fadalhom kotba bl-ortografija antika ġie suġġerit lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja li dawn il-kotba b’din l-ortografija ikollhom infilsat fihom glossarju ta’ dawk il-kliem bl-ortografija antika b’referenza għal dawk il-kliem f’termini t’ ortografija ġdida. B’hekk il-kotba diġa mitbugħa setgħu jibqgħu ta’ użu. Ma kienx hemm korrispondenza bejn it-tliet korpi msemmija.

National Benchmarking Exercise — analiżi ta' kull kulleġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kull kulleġġ f'Malta u f'Għawdex għamilx analiżi ta' kif marru t-tfal fl-aħħar sena tal-primarja fl-ewwel national benchmarking exercise li sar fi tmiem is-sena skolastika li għaddiet? Jekk sar dan l-analiżi tista' tpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, ma taħsibx li għandu jsir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L- Education Assessment Unit fi ħdan id-Direttorat tal-Kwalità u Standards qed iħejji analiżi ta’ kif marru t-tfal fin-National Benchmark. Dan ir-rapport se jiġi ppubblikat u dan se jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

National Benchmarking Exercise — Direttorat tal-Edukazzjoni - analiżi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk id-Direttorati tal-Edukazzjoni għamlux analiżi ta' kif marru t-tfal fl-aħħar sena tal-primarja fl-ewwel national benchmarking exercise li sar fi tmiem is-sena skolastika li għaddiet? Jekk sar tista' tpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, ma taħsibx li għandu jsir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed jitħejja rapport mill-Education Assessment Unit fi ħdan id-Direttorat tal-Kwalità u Standards dwar l-ewwel national benchmarking exercise li jinkludi fih rapporti mill-eżaminaturi ewlenin kif ukoll statistika li tixħet dawl fuq kif marru t-tfal f’kull komponent tat-tliet eżamijiet li saru. Dan ir-rapport jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif ikun finalizzat u ppubblikat.

Kottonera — Xiri ta' appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm familji applikaw taħt l-iskema tax-xiri ta' appartamenti li nħarġet fil-Kottonera u fiex wasal dan il-proċess? Tista' tgħid jekk l-Awtorità hux beħsiebha li testendi din l-iskema mal-pajjiż kollu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn meta tħabbret din l-iskema, l-Awtorità tad-Djar irċeviet 27 applikazzjoni għax-xiri tar-residenzi. L-awtorità tinsab fil-proċess li takkwista l-permessi meħtieġa minn entitajiet oħra sabiex tkun tista’ tbiegħ dawn il-postijiet, kif ukoll sabiex tistabilixxi l-prezz tal-bejgħ tagħhom. Mhux eskluż li fil-futur qrib din l-iskema tkun estiża fil-lokalitajiet kollha.

Awtorità tad-Djar — manutenzjoni fl-appartamenti tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm talbiet pendenti quddiem l-Awtorità tad-Djar dwar manutenzjoni fl-appartamenti tal-Gvern? Tista' tgħid minn mindu twaqqfet l-iskema ta' manutenzjoni kemm-il familja applikat u kemm minn dawn l-applikazzjonijiet saru x-xogħlijiet fihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtortità tad-Djar prezentament għandha 58 applikazzjonijiet pendenti taħt Skema “I” – manutenzjoni fi proprejta’ mikrija. F’dan il-każ pendenti tfisser li jew l-applikanti għadhom ma lestewx ix-xogħol approvat mill-Awtorità jew l-Awtorità tad-Djar għadha qegħda tipproċessa l-applikazzjoni. Minn meta ġiet varata din l-iskema, 166 familja applikaw sabiex isiru xi xogħlijiet ta’ manutenzjoni fi proprjeta’ tal-Gvern mikrija lilhom. Mir-records tal-Awtorità tad-Djar jidher li 88 familja lestew ix-xogħlijiet kollha approvati lilhom u saħansitra tħallsu.

Akkomodazzjoni alternattiva — waiting lists

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' waiting lists li hemm għall-akkomodazzjoni alternattiva sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalkemm hemm 2068 applikazzjoni quddiem l-Awtorità tad-Djar, dawn jinkludu klassifikazzjonijiet differenti, inkluż dawk li jixtiequ jibdlu l-lokalità tal-akkomodazzjoni. Huma madwar 570 il-każijiet meqjusa prijorità.

Awtorità tad-Djar — appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tqassmu appartamenti tal-Gvern mill-Awtorita' tad-Djar matul l-2011 u f'liema lokalitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ara PL 8718 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt Seduta 414, nhar it-Tnejn 28 ta' Novembru 2011.

Awtorità tad-Djar — Bejgħ mill-units

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għad fadal appartamenti u maisonettes għall-bejgħ mill-units tal-Awtorità tad-Djar li ħarġu fl-avviżi dwar bejgħ ta' appartamenti u f'liema lokalitajiet jinsabu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa l-Awtorità tad-Djar għandha 123 appartament vojta fil-lokalitajiet ta’ Buġibba, Kirkop, Mellieħa, Mġarr, Mrieħel, Mtarfa, Naxxar, Paola, Pembroke, Qawra, Tarxien, Żejtun u Żurrieq fil-waqt li għandha ukoll 2 maisonettes fil-lokalitajiet ta’ Pembroke u Mtarfa.

Awtorità tad-Djar — appartamenti għall-bejgħ

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il kuntratt irnexxielha tikkonkludi l-Awtorità tad-Djar dwar is-sejħiet li nħarġu dan l-aħħar għall-appartamenti għall-bejgħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar ikkonkludiet 38 kuntratt taħt l-aħħar avviż numru 75.

Learning Support Assistants — interview

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li s- supply learning support assistants li huma Għawdxin u li għamlu u spiċċaw il-kors f'Ġunju 2011, għadhom sal-lum jistennew biex jiġi msejħa għall- interview biex isiru learning support assistants 2? Wara li ihom li gradwaw mill-5 ta' Diċembru tal-2010, tista' tgħid jekk huwiex minnu li l- interview iridu jistennew sentejn oħra sakemm il-grupp ta' erbtax li qegħdin jagħmlu dan il-kors fiċ-Ċentru tal-Università t'Għawdex jispiċċaw dan il-kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa ma hemm ebda sejħa għal-learning support assistants. Is-Sezzjoni għar-Riżorsi Umani u Żvilupp fi ħdan fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi bħalissa qed iħejji s-sejħa għall-applikazzjonijiet ta’ learning support assistants 2 miftuħa għall-applikanti Maltin u Għawdxin.

Elenku ta' skejjel u għalliema ta' tgħallim kulturali — liċenżji

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi elenku ta' skejjel u għalliema ta' tagħlim kulturali u kreattiv li huma liċenzjati u akkreditati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

persuni jirreġistraw fuq il-Part 3

Question

Tista' l-Minsitru tgħid kemm hemm persuni jirreġistraw fuq il-Part 3 bħalissa? Ma' min qegħdin jaħdmu dawn in-nies?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm 1,082 jirreġistraw fuq il-Part 3 sal-aħħar ta’ Settembru 2011. Nixtieq ninfurmaw lill-Onorevoli Interpellant li lista bl-ismijiet tal-kumpaniji li qegħdin jaħdmu magħhom dawn in-nies ma tistax tingħata minħabba li l-informazzjoni hi kkunsidrata bħala kunfidenzjali skont l-Att XXVI tal-2001 li titratta dwar il-protezzjoni tad-data.