Legislature:
Category:
Reset
Active:

BCA – Lista ta’ rapporti – Ħinijiet ta' xogħlijiet f'siti ta' kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tar-rapporti lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), lokalita' lokalita' u xahar b'xahar dwar ħinijiet ta' xogħlijiet f'siti ta' kostruzzjoni mill-1 ta' Jannar, 2023, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, x'kienet l-azzjoni meħuda u jekk il-problema issolvitx wara r-rapport u l-azzjoni?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji kif mitluba minnu. Għandu jkun infurmat li l-ewwel xahrejn, jiġifieri Jannar u Frar 2023, wara li kienet ippubblikata l-Leġislazzjoni Sussidjarja 623.08 f’Diċembru 2022, intużaw biex il-kuntratturi u l-ħaddiema ngħataw edukazzjoni u twissijiet fejn kien innutat ksur ta’ dawn ir-regolamenti. Minkejja dan matul dawn ix-xahrejn l-Awtorita’ xorta nvestigat rapporti fejn l-ksur kien jimmerita li jiġi penalizzat. Għandu jkun innutat li kull rapport dwar ħinijiet ta’ xogħlijiet barra mill-ħinijiet permissibbli biss, ikun investigat. Madankollu mhux kull każ iwassal għal penali. Dan għalhiex ikun hemm każijiet fejn waqt il-ħin tal-ispezzjoni ma jirriżultax li jkun hemm xogħlijiet li jkunu għaddejja u drabi oħra fejn ix-xogħlijiet li jkunu għaddejja jkunu koperti b’konċessjoni maħruġa mill-Awtorita’ għall-ħinijiet speċifiċi.

Awtorità tal-Ippjanar – Żviluppi mhux koperti b’permess ta’ żvilupp

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9975, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10628, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-każijiet fejn l-Awtorità tal-Ippjanar sabet illi żvilupp li mhux kopert b’permess ta’ żvilupp għadu ma tneħħiex u qed tikkonsidra u/jew qed tieħu passi oħra skont il-proċedura li hemm stabbilita fl-artikolu 100 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, Kap. 552?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata f’seduta oħra.

Uffiċini ġodda għall-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni — Energy Performance Certificate

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Energy Performance Certificate (EPC) kif ukoll il-projected carbon balance sheet tal-binja fejn jinsabu l-uffiċini l-ġodda għall-ħaddiema tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi d-dokumenti mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar – konsulenti legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali li jagħtu konsulenza lill-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid ukoll min huma l-konsulenti legali ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Għal kull każ, jista’ jgħid minn meta ilhom jagħtu din il-konsulenza legali u kemm jitħallsu għaliha?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata f’seduta oħra.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar – membri ta’ bordijiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri preżenti kollha ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż iċ-Chairperson u s-Segretarju/a? Jista' jgħid x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull persuna fil-bord jew entità rispettiva?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Fgura – Triq il-Karmnu – roundabout

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10484, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u jara li r-roundabout li hemm kif toħroġ minn Triq il-Karmnu, fil-Fgura, int u sejjer lejn Ħal Tarxien, tiġi mnaddfa u mqiegħda lura għall-pożizzjoni li kienet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Art Mibnija u Art mhux mibnija — Kilometri Kwadri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10116 u 9779 u jgħid kemm hemm kilometri kwadri ta’ art mibnija f’Malta u kemm hemm kilometri kwadri ta’ art mhix mibnija minbarra toroq f’Malta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ix-Xemxija — żona tal-ex Mistra Village - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10168 u jgħid għaliex iż-żona tal-eks Mistra Village fix-Xemxija għadha għaddejja minn xogħlijiet ta' żvilupp anke wara li trid tiġi riveduta mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT)? Jista' jispjega x'inhi l-proċedura ta' każijiet bħal dawn u jekk hux se jinbidlu l-policies jew isiru policies ġodda fejn permessi li huma taħt appell iridu jwaqqfu x-xogħlijiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li, ġejt infurmat li, fuq is-sit tal-Eks Mistra Village fix-Xemxija hemm permess ta’ żvilupp maħruġ mill-Awtorita’ tal-Ippjanar. Diskussjonijiet biex ikunu aġġornati l-policies li jagħmel referenza għalihom jinsabu għaddejin.

Ix-Xemxija — żona tal-ex Mistra Village - twaqqigħ u tqattigħ ta' trinek

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10167 u jgħid għaliex iż-żona tal-eks Mistra Village x-Xemxija fejn għadhom għaddejjin ix-xogħlijiet kienet eskluża mil-lokalitajiet turistiċi? Għalfejn din l-area Triq Raddett ir-Roti ma wasslitx sa tarf bħal kull triq oħra fil-lista, fejn mhux permess li jsir twaqqigħ u qtugħ ta’ trinek wara l-15 ta’ Ġunju?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onorevoli nterpellant jindirizza di il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — kuntratti mogħtija

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta’ kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u/jew ingaġġi oħra mogħtija mill-Ministeru tiegħu mis-26 ta’ Marzu 2022 sal-ġurnata ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Għal kull każ jista’ jagħti: a. id-data meta ngħata; b. l-iscope of supply u/jew ix-xogħol u/jew il-provista li jkopri; ċ. il-valur tiegħu; d. it-termini li fih iridu jsiru x-xogħlijiet; e. il-metodu ta’ proċedura ta’ xiri li ntuża; u f. x’kariga kellu l-uffiċjal pubbliku li awtorizza x-xiri?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations, biex tinġabar il-bqija tal-informazzjoni kif mitluba jinqabeż l-Advisory Cost Limit kif stabbilit minn rulings diġà mogħtija preċedentement.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — tenders dwar xogħol ta’ tindif, xogħol klerikali u xogħol ta’ sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi l-offerti tenders pubbliċi kollha aġġudikati u mirbuħa għax-xogħol ta' tindif, xogħol klerikali, xogħol ta' sigurtà, jew kwalunkwe xogħol estern ieħor li jsir minn aġenziji li ngħataw matul is-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tal-Ippjanar – deċiżjoni tal-qorti li tiddikjara applikazzjoni ħażina

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9767 u jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar meta jkun hemm sentenza tal-qorti li tgħid li l-applikazzjoni kienet waħda ħażina u kontra l-liġi iżda l-bini jkun laħaq tela’? Jista’ jikkonferma li skont it-Taqsima IX tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552), l-Awtorità tista’ titlob li dan jitwaqqa’?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jkun sar żvilupp b’permess ta’ żvilupp, u wara tali permess jiġi revokat jew annullat għal xi raġuni, l-Awtorità tal-Ippjanar tqis l-iżvilupp bħala illegali, u għaldaqstant isir kuntatt ma’ sid l-iżvilupp u jidħlu fis-seħħ il-proċeduri li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha rigward żvilupp illegali.

Mosta – proġett infrastrutturali – dokumenti u rapporti tal-Health and Safety

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti u rapporti kollha tal-Health and Safety li saru b'rabta mal-proġett infrastrutturali li bħalissa qiegħed isir fiċ-ċentru tal-Mosta, kemm preliminari kif ukoll dawk li saru waqt li għaddej il-proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Tas-Sliema – periklu fil-pedamenti tal-promenade

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija 8745, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, u ċjoe: Fid-dawl li bħalissa fil-pedamenti tal-Promenade ta’ Tas-Sliema bejn ix-Chalet u Qui-Si-Sana hemm periklu li jista’ jwassal għall-kollass tal-imsemmi promenade ta’ Tas-Sliema f’dik iż-żona, jista' l-Ministru: a. jgħid jekk sarux xi studji professjonali li jiddeterminaw l-istat tal-pedamenti msemmija u jekk le, għaliex dan ma sarx immedjatament meta wieħed jara li ġie enfasizzat il-periklu imminenti; b. jikkonferma jekk hemmx xi periklu imminenti li l-imsemmija promenade tiġġarraf; u ċ. jikkonferma l-periklu, u jagħti spjega lill-Kamra ta' x'miżuri se jittieħdu u meta se jittieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tan-nies li jimxu/jiġru fuq il-promenade, u jgħid meta se jsiru t-tiswijiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għamel spezzjoni taħt il-promenade fl-inħawi ta’ Għar id-Dud u Għar il-Lembi. Jirriżulta li l-ħsara hija kkawżata minn erożjoni tal-blat u beda jifforma għar żgħir fil-blat mal-livell tal-baħar. Waqt din l-ispezzjoni ma rriżultawx problemi fil-ħajt tal-konkos li fuqu qed isserraħ il-promenade ta’ Għar id-Dud. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ssottometta applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jagħmel xogħlijiet ta’ tiswija taħt din il-promenade. Dan sabiex ma ssirx aktar ħsara lill-pedament waqt diversi maltempati li jaħkmu dawn l-inħawi. Dan ix-xogħlijiet huma ppjanati li jsiru qabel din ix-xitwa.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' ħaddiema fi ħdan il-Ministeru mmexxi minnu fl-aħħar ta' Mejju 2023 u kemm minnhom kienu ċittadini Maltin?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar iħaddem 803 persuni li huma ċittadini Maltin.

Rapport tal-OHSA — Inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10309 jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fuq l-inċident li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f’dan il-każ hemm inkjesta Maġisterjali, b’hekk kull rapport imħejji mill-Awtorità jifforma parti mill-‘procès-verbal’ li jipprojbixxi legalment lill-Awtorità milli tippubblika r-rapport rikjest.

Awtorità tal-Ippjanar – passi dwar żvilupp f’Tal-Pietà

Question

B’referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 10095 fejn il-Ministru qal li “it-tagħrif għadu qed jinġabar”, filwaqt li niġbed l-attenzjoni tiegħu li dan huwa każ li hemm sentenza pubblika mill-Qorti li ilha aktar minn sena, jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm l-Awtorità tal-Ippjanar milli tieħu l-passi u tosserva dak li qalet il-Qorti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar diġà ħadet azzjoni fuq dan il-każ billi nħarġu l-avviżi ta’ infurzar lis-sidien, wara li sar kuntatt magħhom. Il-lista ta’Avvizi ta’ infurzar huma dawn li ġejjin: EC88/23 EC89/23 EC90/23 EC91/23 EC92/23 EC93/23 EC94/23

Ħaż-Żebbuġ – Mina De Rohan — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Mina De Rohan, f’Ħaż-Żebbuġ, tiġi kkurata aħjar billi l-paviment ta’ madwar huwa maqlugħ u d-dawl li kien hemm inqala’ u tkisser kompletament?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10684.

Ftehim dwar permess ta’ żvilupp

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim legali li sar bejn l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-applikant tal-permess PA3807/17, liema ftehim hu kundizzjoni tal-permess?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Iterpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.