Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur — ġurisdizzjoni

Question

B’referenza għal proposta li kienet tramite l-mistoqsija parlamentari 6025 fl-2018, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux intenzjonat li jirrevedi l-kompetenza tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur u jekk iva meta ser titwettaq din il-proposta?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur għandha tiżdied għal €5000 fejn l-emendi proposti għal din ir-reviżjoni ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika s-sena li għaddiet. Din l-emenda fir-reviżjoni għandha titressaq quddiem il-Parlament fil-ġranet li ġejjin.

Wied il-Għasel — tindif

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19560 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta hemm il-ħsieb li jitnaddaf Wied il-Għasel fil-Mosta peress li l-post huwa attrazzjoni għal numru kbir ta’ nies li jħobbu jmorru jimxu fil-kampanja?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Malta Tourism Authority – ksur tar-Regolamenti dwar Pakkett tal-Ivvjaġġar, Pakkett ta’ Vaganzi u Pakkett ta’ Tours

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm il-każ ħadet passi regolatorji l-Malta Tourism Authority fir-rigward ta’ allegat ksur tar-Regolamenti dwar Pakkett tal-Ivvjaġġar, Pakkett ta’ Vaganzi u Pakkett ta’ Tours (li tħasru fil-2018) u sussegwentement taħt ir-Regolamenti dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar u Arranġamenti tal-Ivvjaġġar Marbuta (L.S. 409.19) sena b’sena mill-2017 s’issa? F’kull każ jista’ jgħid fejn ittieħdu passi u fiex kienu jikkonsistu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox ittieħdu erba’ azzjonijiet legali fir-rigward ta’ ksur tar-Regolamenti dwar Pakkett tal-Ivjaġġar, Pakkett ta’ Vaganzi u Pakkett ta’ Tours (li tħassru fl-2018) u sussegwentement taħt ir-Regolamenti dwar Pakketti tal-Ivjaġġar u Arranġamenti tal-Ivjaġġar Marbuta (LS 409.19). Dawn kienu kollha fl-2018 u f’kull każ instab li ma kienux inħarġu ċ-ċertifikati tal-insolvenza lill-ivjaġġatur kif mitlub mill-liġi kkonċernata u l-azzjoni kienet tikkonsisti f’multa amministrattiva.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — persuni maħtura bħala membru ta’ bord jew entità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija maħtura mill-Ministeru bħala membru ta’ bord jew entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, liema huma dawn il-ħatriet, kemm minnhom huma nisa jew irġiel u jindika l-kariga li għaliha ġew maħtura?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox ġew maħtura 129 persuna fuq bordijiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru. 37% minnhom huma nisa u jokkupaw ħatriet differenti fosthom Chairperson, Deputy Chairperson, Segretarji u membri tal-bord. Meta jiskadi l-perjodu ta’ kull board, qed insegwu l-wegħda tal-manifest elettorali sabiex nersqu lejn il-kwota ta’ 40% jkunu nisa.

Għawdex – ITS – studenti — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fl-iskola tal-ITS f'Għawdex u x'korsijiet setgħu jieħdu sena b'sena mis-sena 2010 'l hawn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 59 student isegwu korsijiet offruti mill-ITS f’Għawdex. Din hija l-lista ta’ korsijiet offruti ġewwa Għawdex: Sena akkademika 2010/11 sa 2019/20 ·Certificate in Food Preparation and Service ·Foundation Sena akkademika 2020/21 ·Certificate in Food Preparation and Service ·Foundation ·Diploma Climate Friendly Travel ·BSc Science Diving Safety

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni – passi fuq banek

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni sabiex jassigura li m'hemmx kollużjoni bejn il-banek kummerċjali fl-iffissar ta' rati tal-imgħax fuq is-self u fuq id-depożiti u fit-tariffi li jitolbu mingħand il-klijenti tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dak li għandu x’jaqsam mas-settur bankarju, fil-preżent l-Uffiċċju qiegħed jevalwa t-tħassib imqajjem fl-ilment ppreżentat mill-Għaqda tal-Konsumaturi fid-19 ta’ Frar li jikkonċerna t-tariffi bankarji.

Ministeru għall-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — talbiet skont il-Freedom of Information Act

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 9 talbiet minn mindu twaqqaf dan il-portafoll. Ninsab infurmat ukoll li l-ebda talba għall-informazzjoni ma tiġi rrifjutata. Kull talba titwieġeb skont kif tgħid il-Liġi li ddaħħlet fis-seħħ fis-sena 2012.

Żoni Industrijali tal-Ħandaq u Mosta — tindif

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19196 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli u l-mistoqsija parlamentari 19074 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija u li issa qed tiġi riferuta lilu u jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li ssir il-ħidma ta’ tindif u manutenzjoni kemm fiż-Żona Industrijali tal-Ħandaq fejn hemm bankini mkissra u skart x’jinġabar, kif ukoll fiż-Żona Industrijali ta’ Tarġa Gap fil-Mosta fejn hemm ħtieġa ta’ tindif?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ftit ġimgħat ilu intlaħaq ftehim bejn id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, u Indis Malta sabiex isir tindif regolari f’diversi żoni industrijali madwar il-pajjiż. B’dan l-arranġament qed isir tindif darba fil-ġimgħa fiż-żona tal-Ħandaq, u darbtejn fil-ġimgħa fiż-żona tal-Mosta. Ix-xogħol jikkonsisti fi ġbir ta’ skart, knis ta’ toroq u qtugħ ta’ ħaxix ħażin.

Ħidma volontarja – konsultazzjoni pubblika rigward miżuri

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19157, jista’ l-Ministru jelabora dwar ‘il-modi differenti kif l-għaqdiet reġistrati jkomplu jissaħħu għall-benefiċċju tal-konsumatur’ , u jekk f’dan ir-rigward hemmx il-ħsieb li ssir konsultazzjoni pubblika kif issuġġerit fl-istess mistoqsija parlamentari 19157?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma hija relatata m’għajnuna sabiex l-għaqdiet reġistrati jaċċessaw fondi tal-Unjoni Ewropeja immirati għal dawn it-tip t’organizazzjonijiet. Dan se jsir b’ kooperazzjoni mall-MEUSAC.

Il-Kalkara – Bajja tar-Rinella – proġett ta’ riġenerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx ippjanat proġett ta’ riġenerazzjoni fil-Bajja tar-Rinella l-Kalkara? Tista’ tingħata iżjed informazzjoni jekk hemmx pjan biex jiżdied ir-ramel fuq ix-xatt tar-ramel?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tkompli ssaħħaħ il-prodott turistiku, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu fl-aħħar snin għamlet diversi studji fiż-żona tal-bajja tar-Rinella. Dawn l-istudji fuq id-depożiti għadhom ma jagħtux stampa konklussiva ta kif l-aħjar wieħed għandu jintervjeni. Pero’, fil-frattemp l-Awtorita’ flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Kalkara bħalissa qed tagħmel il-pjanti neċessarji biex iż-żona ta’ madwar il-bajja u l-aċċessibilita’ tkun tista’ tiġi mtejjba.

MCCAA – tnaqqis tal-ħlas tar-reġistrazzjoni għal organic farmers

Question

Jista’ l-Ministru jieħu d-deċiżjoni u jara li l-ħlas għar-reġistrazzjoni ta’ organic farmers imposta mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) titnaqqas u dan sabiex il-Gvern ikun qed jieħu inizjattiva u jgħin bdiewa biex jirreġistraw bħala organic farmers u b’hekk bħala pajjiż ma nibqgħux wieħed mill- pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għandu l-inqas organic farmers?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlasijiet ta' reġistrazzjoni imposti mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fuq organic farmers, ġew stabbiliti fl-2004 (ikkonvertiti f’ewro fl-2006). Dawn qatt m’għolew biex jirriflettu iż-żiediet fl-ispejjes tal-kontrolli mill-Awtorita’ li jsiru bħal testijiet fuq il-prodotti organiċi, pagi tal-ispetturi u amministrazzjoni tal-iskema. Indirettament, dan jista’ jitqies bħala tnaqqis fil-ħlas matul is-snin. Dawn l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni huma koperti minn skemi li ħoloq il-Gvern, iffinanzjati mill-UE u mmaniġjati minn Funds and Programmes Division OPM, bil-pagamenti joħorġu mill-ARPA fi ħdan il-Ministeru tal-Agrikultura. Il-Gvern attwali hu impenjat li jgħin anke lill-biedja organika u qed jistudja kif dan għandu jsir bl-aħjar mod, inkluż bis-sehem tal-awtoritajiet kollha kkonċernati.

Implimentazzjoni tar-regolament tal-Unjoni Ewropea 2017/2394

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17789, jista’ l-Ministru jagħti ħjiel ta’ meta ser jsiru l-emendi li għalihom għamel referenza fit-tweġiba tiegħu dan ukoll meta wieħed iqis li r-Regolament tal-UE 2017/2394 daħal fis-seħħ f’nofs Jannar tal-2020?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-konsultazzjoni kien hemm il-ħtiega li l-Abbozz propost jiġi rivedut. Ir-reviżjoni fil-fatt issa tlestiet u għaldaqstant l-Abbozz għandu jitressaq quddiem il-Parlament fi żmien qasir.

MCCAA — indipendenza fit-tmexxija

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17258, jista’ l-Ministru jgħid meta saru u daħlu fis-seħħ il-liġijiet u/jew miżuri nazzjonali li allura jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/1, tenut kont li skont l-istess Direttiva n-normi taħt l-istess Direttiva kellhom jiġu trasposti sal-4 ta’ Frar 2021? Jekk dawn għadhom ma sarux jista’ l-Ministru jgħid meta ser isiru?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kemm l-abbozz kif ukoll l-avviżi legali sabiex jittrasponi u jimplimentaw d-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, qegħdin jiġu ffinalizzati bil-għan li jingħata bidu għall-proċess leġiżlattiv, u biex l-avviżi legali jiġu introdotti fil-liġi Maltija fi żmien qasir. Ta’ min jinnota wkoll illi l-maġġor parti tas-setgħat li għandu jkollha awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li ġew introdotti bid-Direttiva, diġa jinstabu fl-Att dwar il-Kompetizzjoni.

Ħidma volontarja – konsultazzjoni pubblika rigward miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri - oltre dawk imsemmija fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17707 - qed iqis li jieħu l-Gvern biex l-għaqdiet tal-konsumatur f’Malta jissaħħu u jkunu f’qagħda aħjar kemm finanzjarjament kif ukoll mill-għad ta’ riżorsi umani biex jagħtu l-kontribut tagħhom fir-rigward tal-ħarsien tal-konsumatur dan l-aktar meta wieħed iqis kemm il-firxa wiesgħa ta’ oqsma li b’xi mod jew ieħor jimpattaw lill-konsumaturi u kemm għaliex sal-lum jidher li l-għaqdiet eżistenti huma esklussivament dependenti fuq ħidma volontarja? Jikkunsidrax f’dan ir-rigward li joħroġ dokument ta’ konsultazzjoni pubblika biex jiġi mistħarreġ x’jista’ jsir?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat minn żmien għal żmien joħroġ skemi t’għajnuna li għalihom jistgħu japplikaw l-għaqdiet tal-konsumatur li huma reġistrati mal-istess Kunsill. Jien infurmat li min-naħa tal-Ammistrazzjoni Pubblika, li jinħarġu espressjonijiet t’interess biex impjegati pubbliċi jkunu rilaxxati biex jagħmlu xogħol m’għaqdiet volontarji filwaqt li jibqgħu jiġu mħallsin minn fondi pubbliċi. L-entitaijiet kompetenti qiegħdin iħarsu lejn modi differenti kif l-għaqdiet reġistrati jkomplu jissaħħu għall-benefiċċju tal-konsumatur.

Tour operators – ħlas

Question

Ġentilment nirreferi għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 18775, filwaqt li huwa pass tajjeb ħafna li l-lukandi ġew jew ser jiġu eżentati milli jħallsu l-liċenzji dovuti, jaħsibx il-Ministru li anki l-operaturi tal-coaches, trains u tad-dgħajjes tat-turisti li ilhom fuq sena weqfin minħabba li jiddependu mit-turisti għandhom ta’ lanqas jiġu eżentati milli jħallsu l-liċenzja dovuta lill-gvern jew entitajiet tiegħu li tammonta għall-eluf ta’ ewro meta dawn qed joħorġu flus f’manutenzjoni, pagi u spejjeż oħra mingħajr ma huma jdaħħlu xejn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18775.

MCCAA – monitoring mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) rigward banek

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’monitoring qed isir da parti tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir-rigward tal-bdil u /jew ħruġ ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali da parti tal-banek biex jiġi assigurat li dawn ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet fil-Kap. 378 li jirregolaw klawsoli mhux ġusti f’kuntratti partikolarment tenut kont ta’ dak li jingħad fl-artikoli 45 u 47 tal-Kap. 378? Jista’ jgħid jekk mill-2017 s’issa d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-MCCAA qatt ħaditx passi regolatorji fir-rigward ta’ xi banek minħabba allegat ksur tat-Taqsima VII dwar l-użu ta’ klawsoli mhux ġusti f’kuntratti mal-konsumatur? Jekk iva jista’ jgħid x’kien l-eżitu f’kull każ?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ma jagħmilx moniteraġġ speċifiku fir-rigward ta’ termini u kundizzjonijiet kuntrattwali ta’ operaturi fid-diversi setturi b’mod ġenerali. L-Uffiċċju pero’ jinvestiga każijiet fejn jirriżulta li jista’ jkun hemm termini u kundizzjonijiet li mhumiex ġusti. Mill-2017, ma ttiħdux passi regolatorji f’dan ir-rigward da parti ta’ banek. Ta’ min hawn isemmi li fl-2017 l-Awtorità, b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet fis-settur finanzjarju, nidiet ‘charter’ b’informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumatur meta jiġi pprovdut b’servizz bankarju. Ta’ min isemmi wkoll li bejn 2017 u 2020, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur ma rċeviex ilmenti li jikkonċernaw servizzi bankarji.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jaghti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista' jgħid minn huma dawk maħtura, x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dawk il-konsulenti s'issa u kemm huwa l-valur ta' dik il-ħatra?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MCCAA – diżinjazzjoni protetta tal-orġini ta’ prodott

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għala l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) għażlet li ma tiddiżinjax il-ġbejniet tradizzjonali, kemm friski, kemm moxxi kif ukoll tal-bżar, bil-marka ta' diżinjazzjoni protetta tal-oriġini? Ma jaħsibx il-Ministru li dan in-nuqqas, qed inaqqas il-livell ta' rikonoxximent ta' dan il-prodott tradizzjonali u li mhux sew li l-konsumatur qed jingħata l-impressjoni li ġobon magħmul minn ħalib tal-baqar hu l-istess bħal ġobon magħmul minn ħalib tan-nagħaġ? Ma jaħsibx il-Ministru li għandha ssir distinzjoni bejn ġobon bil-ħalib tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tal-baqar?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MCCAA irċeviet applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem ‘Ġbejna’ bħala prodott b’diżinjazzjoni protetta tal-oriġini. L-Awtorità hija legalment marbuta li tevalwa l-applikazzjoni skond ir-Regolament 1151/2012 li jistabbilixxi numru ta’ kundizzjonijiet li jridu jintlaħqu biex tkun tista’ ssir il-protezzjoni tal-isem. Waħda mill-rekwiżiti hi li ssir konsultazzjoni biex jiġi verifikat li l-applikazzjoni tirrifletti il-prodott tradizzjonali . Wara konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kollha involuti u wara l-parir tal-Kumitat Permanenti stabbilit biex jipprovdi parir dwar din l-applikazzjoni, ġie konkluż li l-applikazzjoni kif ġiet sottomessa ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament minnħabba li ma setax jiġi stabbilit metodu wieħed tradizzjonali li ntuża għall-produzzjoni tal-ġbejna u li l-isem 'Ġbejna' kien sar ġeneriku f'Malta skond l-Artikolu 41 (2) u għalhekk ma setgħax jiġi protett skond l-Artikolu 13 (2). Id-deċiżjoni meħuda tapplika biss għall-applikazzjoni riċevuta u ma teskludix il-possibbiltà li applikazzjonijiet oħra b’isem aktar speċifiku jiġu sottomessi lill-Awtorità għall-evalwazzjoni. L-oriġini tal-ħalib hu biss wieħed mill-fatturi li jiġi kkunsidrat meta tiġi evalwata applikazzjoni bħal din. L-evalwazzjoni tidħol bir-reqqa fl-affarijiet bħat-tip u d-disponibbiltà tal-għalf tal-annimali, l-metodu lokali awtentiku u li ma jvarjax, u l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott jiġu kkunsidrati wkoll. Fir- rigward ta' diżinjazzjoni protetta tal-oriġini ta’ prodott, l-Awtorità tista’ tevalwa biss l-applikazzjonijiet li tirċievi. Jekk tiġi riċevuta applikazzjoni futura li tiddistingwi bejn ġobon magħmul minn sorsi differenti tal-ħalib, din tiġi evalwata kif xieraq.