Legislature:
Category:
Reset
Active:

MRI - Żmien ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu ż-żmien ta’ stennija (waiting time) biex persuna li jkollha MRI bbukkjat minħabba uġigħ li ma jkunx ta’ natura urġenti, isirilha dan l-eżami?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li għall-każijiet ta’ natura li ma jkunux urġenti, il-median time hawn Malta hu ta’ xahrejn.  Ġewwa Għawdex hu ta’ sitt ġimgħat. Infakkar lill-Onor. Interpellant, li l-Gvern illum joffri tliet MRIs fl-Isptar Mater Dei li qed jaħdmu 24 siegħa kuljum, 7 t'ijiem fil-ġimgħa. Introduċejna MRI fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, servizz tal-MRI fiċ-Ċentru Ċensu Moran u ġiet installata magna tal-MRI fir-Residenza San Vinċenz.

EpiPens bla ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdewx jingħataw l-adrenaline auto-injectors (EpiPens), bla ħlas, kif kien imwiegħed is-sena li għaddiet?  Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna qed tibbenefika minn din l-iskema?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li minħabba data ta’ skadenza qasira ferm u export bans f’ħafna pajjizi, il-loġistika għall-akwist ta’ din il-mediċina hija partikolari iżda l-Ministeru qiegħed on track għal din is-sena kif wegħdt jiena stess. Ninsab infurmat u nikkonferma li qed isir kull sforz biex il-proċess tal-procurement jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin. Huwa stmat li din l-iskema ser tkun ta’ benefiċċju dirett għal madwar 480 tifel u tifla, kif ukoll 1,120 pazjenti adulti.  It-tfal ser ikunu forniti b’żewġ Epipens f’kull ħin filwaqt li l-adulti ser ikun fornuti b’waħda f’kull ħin.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva - Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Proġetti jew inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti jew inizjattivi tħabbru mill-Ministeru jew minn kwalunkwe aġenzija jew entità li jaqgħu taħtu, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, iżda li s’issa għadhom ma sarux? Jista’ jgħid ukoll kemm ħallas il-Gvern fuq reklamar, PR u kampanji ta’ informazzjoni għal kull wieħed minn dawn il-proġetti li qatt ma twettqu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34588.

Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Gudja u ż-Żejtun - Problema tal-ħamiem

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar problemi ta’ ħmieġ u preżenza qawwija ta’ ħamiem f’Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Gudja u ż-Żejtun, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu biex din il-problema tiġi kkontrollata?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ħejja programm sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ ħamiem salvaġġ madwar il-lokalitajiet f’Malta u Għawdex liema programm ġie sottomess għal approvazzjoni tal-kumitat Ornis.

Kuntratt tal-isptarijiet - VAT u t-taxxi - Ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk il-kumpaniji kollha li rċevew ħlasijiet taħt il-kuntratt tal-isptarijiet ħallsux il-VAT u t-taxxi kollha dovuti lill-awtoritajiet Maltin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kuntratt tal-isptarijiet - Terminazzjoni tal-kuntratt - Somom ta’ kumpens

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk ġewx imħallsa somom ta’ kumpens jew ħlasijiet oħra wara t-terminazzjoni tal-kuntratt tal-isptarijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ma saru l-ebda ħlasijiet oħra wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, b’dana li l-ammont indikat skont l-ICC Award ġie depożitat taħt l-awtorità tal-Qorti ta’ Malta.

Kuntratt tal-isptarijiet - Somom imħallsa

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi s-somom imħallsa skont is-sena u skont il-kumpanija benefiċjarja li għandhom x’jaqsmu mal-kuntratt tal-isptarijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 6980.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva - Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

CAYS - Faċilitajiet għall-Ħaddiema u Parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema li qed jaħdmu mill-binja l-ġdida taċ-Child and Young People's Services (CAYS) għandhomx aċċess għall-faċilitajiet ta’ parkeġġ allokati għalihom? Jekk il-parkeġġ huwa riservat esklussivament għall-klijenti, jista’ jgħid x’arranġamenti alternattivi saru għall-ħaddiema, u jekk iqisx dan bħala konformi mal-obbligi ta’ min iħaddem lejn l-impjegati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ġewwa l-binja ser ikun parkeġġ.  Il-klijenti li ser jipparkjaw f’dan il-parkeġġ ser ikollhom il-faċilità li mill-parkeġġ jitilgħu fis-sular fejn ser jingħataw is-servizz.  Barra minn hekk, quddiem il-binja ser ikun hemm parkeġġ riservat għall-persuni li jkollhom bżonn wheelchair. Għall-ħaddiema, ser ikun hemm parkeġġ.  Apparti dak ġol-binja, mistenni jkun hemm parkeġġ ieħor riservat għall-ħaddiema.

CAYS - Governanza u struttura amministrattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: 1.    taħt liema struttura legali jew amministrattiva qed topera ċ-Child and Young People's Services (CAYS) bħalissa; 2.    kif il-ħaddiema li qabel kienu jaqgħu taħt entitajiet differenti (MCH, MDH, CMO) qed jiġu integrati amministrattivament; 3.    jekk humiex qed jiġu implimentati bidliet fir-rappurtar, kuntratti, sistemi tal-pagi jew kundizzjonijiet tal-impjieg; u 4.    jekk saritx konsultazzjoni mal-professjonisti affettwati (PTs, OTs u professjonisti oħra tas-saħħa alleati) qabel ir-rilokazzjoni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li il-CAYS sejra tgħaqqad is-servizzi li kienu diġa qed jingħataw permezz ta’ CDAU u CYPS. Għar-rigward tal-mistoqsijiet l-oħra, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għall-PQs 34672 u 34673.

CAYS - Tħejjija Operattiva u kontinwità tas-servizz

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra: 1.    jekk inħarġitx komunikazzjoni interna uffiċjali li tordna lill-ħaddiema jibdew jaħdmu mill-binja taċ-Child and Young People's Services (CAYS); 2.    f’liema data nħarġet tali direttiva; 3.    jekk jeżistix pjan formali ta’ tranżizzjoni għar-rilokazzjoni tas-servizzi; u 4.    kif qed tiġi ssalvagwardjata l-kontinwità tas-servizz lill-pazjenti/klijenti fid-dawl li: -    t-tagħmir ġie mċaqlaq; -    l-ħaddiema qed jesprimu inċertezza dwar is-sistemi operattivi u -    t-timijiet huma maqsuma taħt entitajiet differenti (MCH, MDH, CMO) b’sistemi amministrattivi u tal-pagi separati? Jista’ jgħid ukoll jekk din ir-rilokazzjoni ġietx ippjanata b’mod strutturat u kkoordinat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li id-diskussjoni mal-impjegati kienet ilha għaddejja biex jiġi assigurat li jinħoloq pjan formali ta’ tranżizzjoni għar-rilokazzjoni tas-servizz. B’hekk qed jiġi assigurat li r-rilokazzjoni hi ppjanata b’mod strutturat. Infurmat ukoll li ngħata taħriġ fejn ser ikun hemm sistemi godda. Nassigura lill-Onor. Interpellant, li kull ħaddiem ser ikompli jirċievi s-salarju preżenti u mhux ser ikun hemm ebda tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

CAYS - Binja adatta għall-użu okkupazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-binja li bħalissa qed tiġi allokata għall-ħaddiema taċ-Child and Young People's Services (CAYS) kenitx iċċertifikata uffiċjalment bħala adatta għall-użu okkupazzjonali qabel ma l-ħaddiema ġew ordnati jirrilokaw?  Jista’ wkoll: 1.    jgħid f’liema data twettaq valutazzjoni tar-riskju dwar is-saħħa u s-sigurtà; 2.    jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat ta’ konformità tas-saħħa u s-sigurtà; 3.    jgħid jekk il-binja bħalissa hijiex mgħammra kompletament: -    b’għamara adegwata tal-uffiċċju (skrivaniji, siġġijiet u postijiet tax-xogħol); -    faċilitajiet sanitarji għall-ħaddiema kompletament operattivi u mgħammra; u -    servizzi ta’ tindif regolari fis-seħħ; 4.    jgħid jekk il-ħaddiema rrapurtawx li l-binja mhijiex mgħammra bl-għamara bażika u mhijiex f’kundizzjoni xierqa għax-xogħol; u 5.    jgħid jekk il-binja hijiex konformi mal-istandards okkupazzjonali?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-rapport sar fit-12 ta’ Frar 2026. Ninsab infurmat ukoll li l-uffiċini huma mgħammra bl-għammara adegwata u hemm fis-seħħ servizz ta’ indif. Inserraħ ras l-Onor. Interpellant li l-ambjent tal-binja l-ġdida hu superjuri għall-post minn fejn dawn is-servizzi kienu qed jingħataw.   Dan għandu jkun ta’ benefiċċju għal dawk li jiġu bżonn dawn is-servizzi u għall-professjonisti li ser ikollhom aktar faċilitajiet għad-dispożizzjoni tagħhom.

Kuntratt tal-isptarijiet - Fondi pubbliċi li tħallsu

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inhu l-ammont totali ta’ fondi pubbliċi li tħallsu taħt il-kuntratt tal-isptarijiet mill-bidu tiegħu sal-lum?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fir-rapport tat-Tribunal Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC), li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kuntratt tal-isptarijiet - Ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kull ħlas li sar lill-kumpaniji kollha involuti fil-kuntratt tal-isptarijiet mill-bidu tal-ftehim sat-terminazzjoni tiegħu, inkluż l-ammont, id-data, u l-iskop ta’ kull ħlas?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Gvern kellu relazzjoi kuntrattwali mal-koncessjonarji (VGH u Steward) u l-uniċi ħlasijiet li saru taħt il-kuntratt imsemmi huma lill-konċessjonarji kif determinat mill-istess kuntratt. L-obbligi kienu dawk stabbilti fil-kuntratt u huma dawk espressi kemm fir-rapport tal-Awditur Ġenerali u l-Award tal-ICC.

Prodotti tas-CBD/THC - Tikkettar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’regoli jirregolaw it-tikkettar, deskrizzjoni tal-prodott, u kwalunkwe “wellness claims” għal prodotti tas-CBD/THC, u kif jiġu investigati u ssanzjonati pretensjonijiet qarrieqa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nagħrraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Segretarjat għall-Anzjanità Attiva – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34165 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.    ammont totali tal-infiq?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellanta li l-Informazzjoni għadha qed tinġabar.