Legislature:
Category:
Reset
Active:

tindif ta' widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema widien ġew imnaddfa matul l-2012? X'kien it-tul ta' kull parti tal-wied li ġiet imnaddfa? Kemm hu l-valur tal-materjal li tneħħa mill-widien u fejn ittieħed dan il-materjal, inkluż il-ħamrija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35960, ninformah li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba rigward tindif f’widien fl-2012. Ngħarrfu ukoll li minn dawn il-widien tneħħew 11,000 tunellata ta’ materjal li ġew meħuda f’barrieri liċenzjati għar-rimi tal-iskart. Tneħħew ukoll 9,000 metru kubu ta’ ħamrija li parti minnha ttieħdet fil-Mixtla ta’ San Vincenz De Paul u l-kumplament giet mogħtija lill-bdiewa li kellhom l-għelieqi qrib il-widien u li talbu li jingħataw din il-ħamrija.

WasteServ — ħaddiema tal-kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema tal-kuntratturi li hemm impjegati fid-diversi faċilitajiet tal-WasteServ? Min hu l-kuntrattur li jforni dawn in-nies? X'inhu x-xogħol li jagħmlu dawn il-persuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22378, ngħarrfu li ninsab infurmat li n-numru aġġornat ta’ ħaddiema tal-kuntrattur li huwa JF Services, huwa ta 298. Il-maġġoranza ta dawn l-ħaddiema huma f’livelli ta’ technicians, clerks, supervisors, drivers u operators/sorters.

Salina — proġett ta' riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett ta' riabilitazzjoni tas-Salina inkluż ir-restawr tax-Ximenes Redoubt? Meta hu ppjanat li se jitlesta dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34391, ninfurmah li r-restawr tax-Ximenes Redoubt kważi tlesta u dalwaqt jibda ix-xogħol ta’ tlestija f’dan il-post li ser jinbidel f’Interpretation Centre. Rigward il-bini tat-tined tal-injam indikat fl-imsmmija tweġiba, x-xogħol miexi ġmielu u dalwaqt tibda titwaqqaf l-ewwel hut tal-injam Bħalissa qed jiġu żvojtati is-salt pans u dalwaqt jibda ix-xogħol tar-restawr tas-salt pans innifishom. Ser tibda ukoll it-tiswija fuq il-ħajt ta’ barra li kien iġġarraf fil-maltempata tal-2003.

Rabat — Saqqajja - restawr ta' barrakka

Question

Jista' l-Ministru jara li jinkludi fil-xogħlijiet ir-restawar il-barrakka li hemm fit-telgħa tas-Saqqajja r-Rabat? Billi l-lum l-lista ta' din il-barrakka huwa tali ta' ħafna konsenturi, ġebel immermer, soqfa jqattru ħafna ilma u sa żewg siġriet kibru fuq is-saqaf bil-periklu li l-għeruq iwaqqgħu l-ġebel tas-saqaf u billi ukoll hija ħasra li barrakka ta' daqstant storja tal-arkitett magħruf Lorenzo Gafà titħalla taqa' biċċiet, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġa hemm maħsub li se ssir evalwazzjoni tax-xogħol meħtieġ għar-restawr tal-fond imsemmi sabiex eventwalment tkun tista’ tiddaħħal fil-programm ta' xogħol ta’ restawr.

Saqqajja — manutenzjoni tal-Barrakka

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex injora li ssir il-manutenzjoni tal-Barrakka li hemm fit-telgħa tas-Saqqajja Rabat ? Jista' jinforma lill-Parlament għaliex kawża ta' din it-traskuragni ċ-ċelebrazzjonijiet tat-tiġrijiet li jsiru għall-festa tradizzjonali tal-Imnarja kellhom isiru f'din il-kundizzjoni ta' bini abbandunat u bi struttura perikoluża?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirrefer lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru: 36152, ninsab konvint li l-Onor.Membru japrezza x-xogħol vast ta’ retawr li għaddej bħalissa f’pajjiżna, kemm b’ fondi tal-EU kif ukoll fondi tal-Istat. Nittama li jifhem li minħabba restrizzjonijiet ta’ nies imħarrġa , mhux kollox jista jsir f’daqqa u wieħed jkun kostrett li tkun stabilita lista ta’ prijorità.

Riabilitazzjoni ta' widien f'Malta

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35960, jista' l-Ministru jinfurmani bl-istima li se tinvolvo xogħlijiet ta' tindif f'dawn il-widien imsemmija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ispiża għax-xogħol ta’ tindif tal-wieden leħqet is-somma ta’ ftit aktar minn mija u ħamsa u sebgħin elf euro (€175,000).

"Naturlament Malti"

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed imexxi l-azjenda "Naturalment Malti"?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li “Naturalment Malti” mhix azjenda kif qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant. “Naturalment Malti” hija brand li l-Ministeru risponsabbli mill-Agrikultura ilu juża għal dawn l-aħħar snin sabiex ikun hemm aktar għarfien dwar il-prodott agrikolu lokali. F’dawn l-aħħar tliet snin saru diversi attivitajiet taħt din il-kampanja biex jippromovu il-prodott agrikolu Malti. Fost dawn l-attivitajiet, matul is-sena ġew organizzati diversi festi bħal dak tat-Tonn, Tal-Lampuki, Tal-Majjal u ħafna oħra. Dawn issiru bil-partiċipazzjoni ta’ ‘stake holders’ involuti. Din-kampanja qed titmexxa mid-Dipartiment għall-Iżvilupp Rurali u Akkwakultura taħt id-diriġenza tad-Direttur Ġenerali, Dr Mario Spiteri. F’Lulju li għadda ġie mniedi wkoll standard li ser iwassal biex prodotti agrikoli lokali ta’ kwalità jkunu jistgħu jiġu mmarkati b’din it-tikketta li ser tagħti garanzija lill-konsumatur li l-imsemmija prodotti huma lokali u ta’ kwalità għolja. Din tista’ tinkiseb biss wara li jiġi segwit protokoll li kien pubblikat mill-Awtorità Maltija għall-Istandards u l-Kompetizzjoni Ġusta u imfassal flimkien mal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.

WasteServ — infiq fuq l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-directors fees u kull financial package ieħor u benefiċċju taċ-chairman, diretturi, CEO u senior officials kollha tal-WasteServ kariga b’kariga mingħajr ma jissemmew ismijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 25309 rigward iċ-Chairman, Diretturi, u CEO, ninfurmah li l-kundizzjonijiet u benefiċji ma nbidlux. Ninformha wkoll li rigward l-informazzjoni mitluba dwar ‘senior officials’qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni relattiva mitluba.

MRA — Price mechanism għall-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32683 u jgħid min hi l-kumpanija li tqabbdet mill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi biex tivverifika l-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass kif maħdum s'issa permezz tal-pricing mechanism? Skont il-pricing mechanism eżistenti, kemm kellhom jiġu jiswew iċ-ċilindri tal-gass f'Marzu 2012? Min se jassorbi d-differenza fil-prezz? Jista' jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi kkummissjonatx li jinħadem pricing mechanism ġdid biex jistabilixxi l-prezz tal-gass? Meta se jkun lest dan il-mekkaniżmu u kif se jkun differenti minn dak eżistenti? B'liema proċess tqabbdet il-kumpanija privati tal-awdituri biex tivverifika l-prezz taċ-ċilindri tal-gass? Kemm se jiswa x-xoghol tagħha u meta mistenni jkun lest? Min ta d-direttiva lill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi biex għax-xahar ta' Marzu 2012 il-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass ma jinħadmux skont il-pricing mechanism li bih inħadmu l-prezzijiet fix-xhur ta' qabel? X'kienet ir-raġuni li din id-direttiva ngħatat għal Marzu 2012 u mhux għax-xhur ta' qabel? Jista' jagħti l-prezzijiet taċ-ċilindri tad-daqsijiet differenti tal-gass mis-sena 2008 sal-lum xahar b'xahar li bihom inbiegħu lill-konsumatur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li Awtorità ta' Malta dwar ir-Rizorsi kienet qabbdet lill-kumpanija tal-awdituri KPMG biex tivverifika l-ispejjez marbuta mal-pricing mechanism applikabbli għas-sena 2012 u mhux biex tivverifika l-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass kif mibjugħa jew biex taħdem il-prezz massimu tac-cilindri ta' daqsijiet differenti tal-gass. Barra li tivverifika l-ispejjez marbuta mal-pricing mechanism, il-KPMG intalbet biex tissuġġerixxi titjib fil-pricing mechanism. Dan l-istudju tlesta fl-aħħar ta' Marzu 2012. Din il-kumpanija ta’ Awdituri kient kommissjonata permezz ta’ direct order u l-spiża kienet ta’ Euro 6000 (excl VAT). Peress li din il-kumpanija tqabbdet biex tivverifika l-ispejjez marbuta mal-pricing mechanism applikabbli, il-prezz massimu tac-ċilindri tal-gass ta' Marzu ma nħadimx sakemm tlesta r-rapport. Ma kien hemm l-ebda direttiva involuta. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li dan l-eżerċizzju huwa wieħed ta’ natura regolari li jsir kull sena biex l-Awtorita' tiżgura illi dawn l-ispejjeż huma raġonevoli. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri tabella tal-prezzijiet taċ-ċilindri tad-daqsijiet differenti tal-gass mis-sena 2008 sal-lum xahar b'xahar li bihom inbiegħu lill-konsumatur.

Organizazzjoni tal-5+5

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jieħu ħsieb l-organisation tal 5+5 anki mill-aspett loġistiku? Jista' jikkonferma jekk huwiex involut b’xi mod il-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk iva, dan għandu liċenzja ta' DMC u jekk iva meta nħarġet? Kien hemm sejħa għall-offerti u jekk iva meta nħarġet? Kemm se jkun d-dħul tiegħu minn dan l-assignment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Prim Ministru.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — serqiet rapportati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru mill-Ministeru, dipartimenti, inkluż d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Xgħajra — f'Ta Barkatt - irwejjaħ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34958, jista' l-Ministru jgħid kif ġie deċiż li din ir-rotta mminimizzat l-inkonvenjent? Jista' jgħid ukoll jekk ġietx diskussa l-possibilità li dan il-waste jinġarr bi braken, u b'hekk żgur ma ikun hemm inkonvenjent għal ħadd?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34564 imressqa mill-istess Onorevoli Interpellant.

skart organiku trattat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' skart organiku li qiegħed jiġi trattat fil-composting plant bħalissa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu galadarba l-impjant ta’ Sant’ Antnin mhuwiex ‘composting plant’.

Tqassim tal-frott fl-iskejjel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36273 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx kuntratt jew le għat-tqassim tal-frott fl-iskejjel? Jekk fl-affermattiv għalkemm żmien huwa t-terminu ta' dan il-kuntratt u min għandu dan il-kuntratt u kemm hu l-prezz tiegħu? Liema huma l-iskejjel li qed jibbenefikaw minn dan u x'obbligu għandu l-kuntrattur bħal kemm-il darba jrid iqassam frott u jekk dan jistax iġib frott minn barra jew inkella minn Malta biss jew taħlita tat-tnejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li hemm kuntratt ta’ tliet snin (2011/12; 2012/13; 2013/14) mal-kuntrattur Frott Artna bil-prezz ta’ €0.30 għal kull tazza bil-frott jew ħaxix. It-tqassim ta’ dawn il-porzjonijiet isir fl-iskejjel kollha primarji tal-iStat, tal-Knisja kif ukoll dawk Privati għall-istudenti tal-etajiet bejn it-3 snin u l-10 snin (jiġifieri minn Kindergarten sa Year 6). It-tqassim huwa ta’ porzjon għal kull student kull ġimgħa matul is-sena skolastika, kif ukoll matul SkolaSajf. Il-kuntrattur huwa obbligat li jqassam darba porzjon ħaxix ma’ kull tliet darbiet frott. Il-kuntrattur jista’ jġib frott minn barra jekk kemm-il darba ma jkunx hemm biżżejjed provista ta’ frott lokali wara li jkun ġab l-approvazzjoni meħtieġa mill-Aġenzija għall-Pagamenti li tamministra din l-iskema.

moniteraġġ tal-laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex isir moniteraġġ tal-laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ li jiġi importat ġewwa pajjiżna u jekk dan il-laħam ikunx ċertifikat bħala tajjeb għall-konsum tal-bniedem? Min huwa responsabbli li jagħmel dan u allura kemm ġew ċertifikati fis-snin li għaddew jiġifieri 2009, 2010 u 2011 tunellati ta' laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ li ġew importati u li kienu tajbin għall-konsum tal-bniedem?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunitàli hu responsabbli għas-sigurta tal-ikel.

San Pawl il-Baħar — xogħlijiet ta' natura żgħira

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm xogħlijiet ta' natura żgħira li saru matul l-aħħar tlett xhur, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, minn dipartiment li jaqgħu taħt il-Ministeru? Min ressaq it-talbiet għal dan ix-xogħol u b'liema mod? Min ħallas għall-istess xoghol jekk sar? X'fadal pendenti mit-talbiet li saru sa issa, f'dan il-perjodu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar tlett xhur, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, id-Dipartimenti fi ħdan dan il-Ministeru wettqu xogħolijiet minuri kif ġej: 1. Tiswija ta’ moll, pjattaformi u kolonni tal-konkrit li jgħattu spazju pubbliku fejn jitpoġġew dgħajjes fiż-żona magħrufa bħala Tal-Fekruna. Dan ix-xogħol intalab mill-Kunsill Lokali. L-ispiża għal dan ix-xogħol inqasam bejn il-Kunsill Lokali li pprovda l-materjal meħtieġ u dan il-Ministeru li pprovda il-ħaddiema b’nefqa għal dan ta’ l-aħħar tleħħaq elf sitt mija u tmenin Ewro (€ 1,680). 2. Demolizzjoni ta’ pjattaforma tal-konkos u bini ta’ ħitan tal-bricks fil-Club tal-Boċċi fiż-żona magħrufa bħala Tax-Xama. Dan ix-xogħol, li għadu għaddej, kien imbeda fuq inizjattiva ta’ dan l-istess Minsiteru u s’issa sew madwar tmint elef tmin mija u ħmistax-il Ewro (€8,8015). 3. Fuq talba tal-Kunsill Lokali, bejn il-15 ta’ Lulju u it-12 ta’ Settembru li għaddew, twettaq programm ta’ ħasil tal-promenade li tinstab bejn iż-żona magħrufa bħala tal-Gillieru sa ż-żona ħdejn l-Amazonia. L-ispiża għal dan ix-xogħol se titħallas minn kumpanija privata (Green MT) li wara li evalutat l-istima tax-xogħol, aċċettat li tisponsorja dan il-proġett u terfa’ r-reponsabbiltà tal-ħlas. 4. Tqegħid u tindif perjodiku ta l-fuq minn mitt kontenitur (bins) tul ix-xtutt u il-bajjiet u sistema ta’ tindif tal-bajjiet mill-alka. Dan isir bħala parti minn programm li-jkopri ix-xtut u bajjiet madwar Malta frekwentati mill-għawwiema. 5. Xogħol ta’ manutenzzjoni f’parti tat-triq fil-pjazza ta’ Buġibba li biż-żmien kienet niżlet wara talba mill-Kunsill Lokali.Dan ix-xogħol ġie mħallas mill MRRA wara li kien ħareġ tender. 6. Bħala parti mill-inizjattiva ta’ dan il-Ministeru, saret manutenzjoni u stallazzjoni għall-istaġun tas-sajf tal-funtana fil-baħar ta’ Buġibba. Barra dawn ix-xogħolijiet imsemmija, bħal ma jsir għal Lokalitajiet oħra, kien hemm ukoll kemm xogħolijiet li jagħmlu parti minn programm fuq skala nazzjonali, bħal per eżempju il-programm ta’ beach cleaning. Ukoll, saru numru ta’ interventi minuri li kienu jinkludu element ta’ saħħa u sigurtà fejn il-Kunsill Lokali ħallas għall-materjal waqt li d-Dipartiment offra il-fattura. Ninforma ukoll lill-Onor.Interpellant li ma baqax xogħol pendenti f’ talbiet li għamlet din il-Lokalita’.

Siġġiewi — xogħol ta' embellishment f'Tal-Provvidenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol ta' embellishment li qed isir f'Tal-Provvidenza s-Siġġiewi (u li r-ritratti dwar dan qed jingħataw separatament), il-livell tal-art se tiġi mgħollija fil-livell taz-zuntier tal-kappella bil-konsegwenza li l-ilma tax-xita se jispiċċa jxaqleb fuq iz-zuntier tal-kappella?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol imsemmi mhux qiegħed isir minn dan il-Ministeru u għaldaqstant nistiednu jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura.

Ħal-Qormi — tindif ta' widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx it-tindif tal-widien f'Ħal Qormi (Wied is-Sewda, Wied il-Kbir u Wied iċ-Ċawsli) li jwasslu sal-Marsa qabel l-istaġun tax-xitwa 2012 u 2013? Jekk dan it-tindif sar, meta sar? X'tip ta' tindif sar? Jekk dan it-tindif sar, ifisser li l-widien tnaddfu minn tarf sa' ieħor? Jekk dan it-tindif ma sarx, għaliex? Meta se jsir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li partijiet sostanzjali minn Wied il-Kbir, Wied iċ-Ċawsli u Wied is-Sewda kienu tnaddfu b’mod estensiv fis-sajf tal-2011, meta kienu tneħħew mas-6,800 tunellata ta’ materjal. Għalhekk dan is-sajf id-Dipartiment wettaq ħidma ta’ tindif f’diversi widien oħra, fosthom Wied il-Qlejgħa, Wied il-Luq, Wied tal-Isqof, Wied Mofru, Wied Ġebel Għomor u Wied Baqqiegħa. Id-Dipartiment ippjana wkoll li jsir tindif ta’ rutina f’Wied il-Kbir, Wied is-Sewda u Wied iċ-Ċawsli. Għalkemm il-maltempata li għamlet fil-bidu ta’ Settembru fixklet dawn il-pjanijiet, huwa maħsub li dan it-tindif hekk kif il--kundizzjoni ta’ dawn il-widien tippermetti. Madanakollu ftit tal gimghat ilu rega inghata il-kuntratt ta’ xoghlijiet fuq pontijiet fuq il-kanal ta l-ilma li jghaddi minn Hal Qormi. Dan ix-xoghol ukoll ser jghin fil-futur, wara li jitlesta ix-xoghol fuq il-pontijiet kollha, flimkien mad-devjazzjoni hawn fuq imsemmija, u bil-manutenzjoni regolari tal-widien, biex kemm jista jkun jitnaqqas ir-riskju ta’ l-gharghar ghar-residenti ta’ Hal Qormi. Tajjeb jinghad ukoll li fl’inhawi ta’ Hal Qormi, il-progett nazzjonali ghal-kontra l-gharghar hu mahsub biex itaffi din il-problema billi jinbiddlu diversi pontijiet u tittejjeb il-korsa ta’ l-ilma sabiex l-infrastruttra shiha tkun aktar adekwata mall-kwantitajiet ta l-ilma li dejjem qed jizdiedu. Il-Progett nazzjonali jinkludiw wkoll devjazzjoni parzjali ta ilmijiet li bhalissa jibqgħu neżlin fuq Hal Qormi minn Wied Incita. B’din id-devjazzjoni, dawn l-ilmijiet issa se jibdew immorru ġo mina li se tagħti minn Ħ’ Attard għall ta’Xbiex.Din id-devjazzjoni tkun effetiva biss wara li l-parti tal-proġett ta’ Birkirkara titlesta għal kollox fi żmien sentejn oħra.

informazzjoni dwar merħliet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-merħliet f'Malta u Għawdex matul is-snin 2007/8/9/10/11 - lokal b'lokal tal-mogħoż, majjal, ngħaġ, baqar, barrin u żwiemel? Kemm hawn tiġieġ li jipproduċu l-bajd għal konsum domestiku?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba, niġed l-attenzjoni li l-informazzjoni mitluba għar-rigward taż-żwiemel bdiet tinġabar mill-2009 u ma tistax titqies bħala waħda kompluta u għaldaqstant qiegħda tingħata bħala tabella separata. Din l-informazzjoni qed tingħata b’ mod globali, minħabba li biex tingħata lokal b’lokal tirrikjedi tfittxija manwali li tieħu ħafna ħin.