Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gżejjer ta’ San Pawl — Restawr tal-istatwa ta’ San Pawl u strutturi oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex l-istatwa ta' San Pawl u l-istrutturi li hemm madwarha, fuq il-Gżejjer ta' San Pawl, li qegħdin fil-konfini tal-Mellieħa, jiġu rrestawrati fil-futur qarib?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25655.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Ħaddiema full-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi full-time fil-Ministeru tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kompożizzjoni tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali huwa skont il-Policy on the Engagement of Persons/Positions on a Trust Basis li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq l-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Ħaddiema neqsin mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni neqsin mid-dawl jaħdmu fid-dekasteru tiegħu u xi rwol għandhom?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant jifhem li l-informazzjoni speċifika kif qed tintalab ma tinżammx għaliex hija materja privata u ta’ natura sensittiva.

Għajn Tuffieħa — Torri tal-Għassa - Manutenzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21150, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament rigward il-manutenzjoni ta’ natura urġenti meħtieġa fuq it-Torri tal-Għassa, f’Għajn Tuffieħa, u jippubblika rapport/i li jiddokumentaw il-ħsarat u l-pjan ta’ xogħlijiet biex isiru l-interventi neċessarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tiswija meħtieġa fuq it-Torri tal-Għassa, f’Għajn Tuffieħa se tkun qed tibda fil-ġimgħat li ġejjin wara li inġiebu il-permessi meħtieġa mill-Awtoritajiet kompetenti. Ix-xogħolijiet se jsiru mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, b’kollaborazzjoni mal-Awtorita’ tal-Artijiet. Id-dokumentazzjoni hija pubblika, u tista’ tiġi aċċessata mis-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar (referenza DS00456/24).

Il-Belt, Valletta — Cisterna della Quarantena - Tindif

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23218, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda t-tindif taċ-Ċisterna fil-Belt Valletta, mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Dwar it-tindif ta’ Cisterna della Quarantena, informat li dan qed jitwettaq mill-Lands Authority taħt is-superviżjoni tal-arkeologu, skont it-termini ta’ referenza maħruġa mis-Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Id-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni (RPD) se jevalwa l-kundizzjoni taċ-ċisterna ladarba jitlesta t-tindif u jagħti parir dwar kwalunkwe tiswijiet li jkun hemm bżonn.

Ix-Xewkija, Għawdex — Triq Ta’ Ġokk - Playing field

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat (xahar u sena) li tiġi rranġata u ssir il-manutenzjoni meħtieġa inkluż il-ġnien li hemm fil-playing field ġewwa Triq Ta' Ġokk fix-Xewkija, Għawdex li taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kunsill Lokali, peress li din il-playing field u open space jinsabu fi stat ħażin għal min jiffrekwentahom? Jista’ jgħid jekk preżentement din il-playing field hijiex safe u hijiex iċċertifikata li hija safe? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb jew possibbiltà li dan l-ispazju jitkabbar? Jista’ jgħid ukoll jekk tħejjewx is-sejħiet għal offerti u jekk ġewx ippubblikati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li huwa pjanat li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rinnovar tas-sit imsemmi jitlesta sa’ Frar 2026 u s-sejħiet għall-offerti għax-xogħolijiet relatati jinsabu fi stadju avvanzat. Il-ħsieb huwa li l-faċilità tokkupa l-ispazju preżenti.

Malta Eurovision Song Festival — Reklami tal-Malta Film Studios

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm reklami tal-entità Malta Film Studios waqt il-Malta Eurovision Song Festival u kemm ġiet tiswa din l-ispiża?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25486.

Malta Eurovision Song Festival — Reklami ta’ Heritage MaltaMalta Eurovision Song Festival - Reklami ta’ Heritage Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm reklami tal-entità Heritage Malta waqt il-Malta Eurovision Song Festival u kemm ġiet tiswa din l-ispiża?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 25486.

Żebbuġ, Għawdex — Batterija tal-Qolla l-Bajda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji rigward it-taħditiet interni li jinkludu iktar minn entità waħda dwar it-talbiet imressqin minn NGOs għall-pussess tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda, fiż-Żebbuġ, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-eżitu tal-proċess ta’ evalwazzjoni tat-talbiet, u f’każ li l-Ministeru kkunsidra talba jew numru ta’ talbiet bħala sodisfaċenti, jgħid x’hemm iżomm il-proċess milli jkompli javvanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali pproċessat it-talba li rċeviet mingħand Din l-Art Ħelwa għal kustodja tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda u għaddiet it-talba lil Awtorità tal-Artjiet. Heritage Malta u Lands Authority daħlu fi ftehim sabiex Heritage Malta tgħin lil Lands Authority fil-protezzjoni tal-batterija. Heritage Malta se tagħmel rapport preliminari fuq l-istat tal-batterija sabiex tapplika f’isem il-Lands Authority għal xogħolijiet li jinkludu il-konsolidazzjoni tal-istruttura u jitenħħew perikli.

Baħar iċ-Ċagħaq — Permessi għall-karavans

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25743, jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għall-karavans f’Baħar iċ-Ċagħaq, in-Naxxar minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid illum kemm hemm permessi maħruġa? Jista’ jgħid ukoll kemm saru spezzjonijiet biex jaraw li hemm sidien li għandhom il-permessi meħtieġa?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25743.

L-Imġarr — Caldarium ta' Żmien ir-Rumani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li s-sit li jidher li possibilment kien iservi bħala caldarium fi Żmien ir-Rumani, li jinsab fil-limiti tal-Imġarr (il-post eżatt fejn jinsab qiegħed jingħata separatament) ikun protett u forsi 'l quddiem isir xogħol ta’ restawr lill-caldarium kif ukoll l-għar ta' taħtu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sovrintendenza hija konoxxenti ta’ dawn is-sejbiet, filfatt huma mniżżlin fl-inventarju tagħha li huwa aċċessibbli mis-sit elettroniku tal-entità. Għaldaqstant dawn jiġu meqjusa bħala protetti skond l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali. Sa issa ma hemmx pjanijiet li jsir restawr fuq dawn is-siti.

Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq – Korrispondenza bejn kunsilli lokali u Infrastructure Malta

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25629 u ġaladarba ma ġietx ippreżentata l-korrispondenza mitluba fiha, jista’ l-Ministru jippreżenta l-aħħar korrispondenza mibgħuta mill-kunsilli lokali ta' Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq lil Infrastructure Malta dwar il-prijoritajiet fuq il-lista ta’ toroq fil-lokalitajiet tagħhom li jinħtieġu li jsiru mill-ġdid u r-risposta ta' Infrastructure Malta għal kull waħda mill-korrispondenzi ta' kull kunsill lokali li tindika liema ser ikunu t-toroq li ser isiru u/jew il-prijorità f'kull lokalità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-trattattivi bejn Infrastructure Malta u l-Kunsilli Lokali indikati fil-mistoqsija għadhom għaddejja.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25490.

Direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu tul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fis-sena 2025 u għalhekk m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

Ta’ Sannat, Għawdex – Kalkara tal-Ġir — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ta' restawr li saru f'dawn l-aħħar tliet xhur fil-Kalkara tal-Ġir li hemm maġenb l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li x-xogħol kien wieqaf fix-xhur indikati minħabba li x-xogħol ta’ bdil ta’ ġebel kien aktar estensiv milli kien oriġinarjament maħsub. Il-Kunsill kiseb l-approvazzjoni mingħand is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għal dan ix-xogħol.