B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33964, jista’ l-Ministru jgħid taħt liema skema jiġu rrestawrati binjiet bħal knejjes, li minn żmien għall-ieħor jidhru fl-aħbarijiet bħala li ġew restawrati minn skemi tal-Gvern?
Response (BONNICI, OWEN)
L-Iskema tar-Restawr għall-Kunsilli Lokali mistennija toħroġ fi Q2 2026. Din l-iskema ma tkoprix proprjetajiet privati, u d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni ma joħroġ ebda skema ta' dan it-tip.
Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34145 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali -Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali - Direct orders ta’ inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul Settembru 2025?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta ta’ PQ W453.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34235 u 34306 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12446, u peress li kif jidher mir-ritratti annessi kien hemm tappieri li ġew magħluqa u siġillati bil-konkos fi Triq Karlu Maratta f’Ħal Tarxien, tista' l-Ministru tgħid għaliex dan sar u fejn kien pjanat li jiskula l-ilma tax-xita, hekk kif iż-żona llum il-ġurnata qed iżżomm ħafna ilma kuntrarju għal li kien jiġri qabel?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħal Tarxien li, fl-2023, kien ġie rrappurtat li allegatament intefa’ konkos fit-tappiera sabiex tingħalaq minn xi ħadd mhux magħruf. Il-Kunsill kien innotifika minnufih lill-awtoritajiet kompetenti u ġie mgħarraf li l-konkos li allegatament twaddab mela wkoll l-ispazju ta’ taħt it-tappiera. Fid-dawl ta’ dan, sabiex it-tappiera terġa’ tinfetaħ, ikun jeħtieġ li titneħħa parti mit-triq.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-proġett ta’ restawr tas-saqaf tal-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla, liema proġett tħabbar fil-bidu ta’ din is-sena u li ser jingħata l-għajnuna mill-Gvern? Jista’ jgħid ukoll:
i. jekk ingħatawx fondi għal dan il-proġett jew huwiex se jiġi ffinanzjat direttament minn entità tal-Gvern; u
ii. jekk saritx sejħa pubblika għal dan ix-xogħol ta’ restawr?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif taf tant tajjeb l-Onor. Interpellanta, Malta hija mogħnija b’wirt kulturali reliġjuż rikk ħafna, inkluż Knejjes Parrokkjali li huma għal qalb id-diversi bliet u rħula.
F’dan il-każ il-Gvern qed jikkontribwixxi finanzjarjament biex jgħin lill-awtoritajiet tal-Knisja mertu ta’ din l-Interpellanza f’dan il-proġett li hu mmexxi in toto mill-istess awtoritajiet tal-Knisja. Persważ li l-Onor. Interpellanta taqbel ma’ dan kollu.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-installazzjoni li twaqqfet int u dieħel il-Belt Valletta? Jista’ jgħid ukoll:
i. min kien l-uffiċjal inkarigat mill-valutazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni li din l-istruttura tiġi meqjusa bħala “installazzjoni artistika”;
ii. jekk din il-persuna kellhiex il-kompetenzi meħtieġa u jekk kinetx debitament awtorizzata sabiex toħroġ deċiżjoni ta’ “ebda oġġezzjoni”;
iii. liema dokumentazzjoni ġiet sottomessa u kkunsidrata bħala parti minn dan il-proċess ta’ valutazzjoni u jekk hemm, titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra;
iv. min kien/u l-perit/i jew l-uffiċċju/i ta' periti responsabbli għad-disinn ta' din l-istruttura u għall-installazzjoni tagħha; u
v. jekk l-għażla tal-perit jew tal-uffiċċju ta' periti saritx permezz ta’ direct order jew proċedura oħra ta’ akkwist?
Jista’ l-Ministru jara li l-mitħna tar-riħ li tinsab f’Ħal Qormi u li hija saħansitra eqdem mill-Mitħna tax-Xarolla fiż-Żurrieq, isirilha r-restawr meħtieġ qabel ma tkompli tiddeterjora?
Response (BONNICI, OWEN)
Informat li din il-mitħna hi devoluta lill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi. Informat mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi li nkisbu l-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar għal dan il-għan.
Ħaż-Żabbar - St. Peter’s Area - Bus stop ‘Marżebb’
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32017, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir ix-xogħol fil-bus stop ‘Marżebb’ f’St. Peter’s Area, f’Ħaż-Żabbar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar hemm ħsieb li jsir intervent fil-bus stop ‘Marżebb’ biex ikun iktar komdu għar-residenti.
Segretarjat għall-Gvern Lokali – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32482 u 32870 u jgħid kemm-il intervista saret mar-rappreżentanti tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni fuq ix-xandir pubbliku PBS, fis-sena 2024?
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant għall-ewwel sitt xhur tas-sena 2026, ma hemm ebda Direttiva tal-Unjoni Ewropea b’terminu ta’ traspożizzjoni li jaqa’ f’dan il-perjodu u li taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Ministeru għall-Kultura, Artijiet u Gvern Lokali. M'hemm ebda direttiva li għadha pendenti sal-ġurnata li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari.
Segretarjat għall-Gvern Lokali – Direct orders ta’ inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul Ottubru 2025?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex il-librerija pubblika tal-Imġarr terġa’ tinfetaħ kompletament bħala librerija u mhux bħala librerija li tintuża bħala klassi fl-istess ħin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-arranġament attwali jiżgura li l-librerija sservi mhux biss lill-pubbliku ġenerali wara l-ħin tal-iskola u s-Sibtijiet, iżda wkoll lill-istudenti u lill-għalliema matul il-ħinijiet tal-iskola. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, dan l-arranġament wera li huwa l-aħjar deċiżjoni, peress li jippermetti lill-istudenti, lill-għalliema u lill-pubbliku ġenerali jkomplu jibbenefikaw mir-riżorsi tal-librerija.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta’ importanza storika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta, fin-Naxxar? Kemm minn dawn is-siti huma mistennija li jgħaddu minn interventi biex jiġi żgurat li ma jsofrux ħsara fiż-żmien li ġej? Meta sar l-aħħar restawr jew intervent ta’ tip ieħor mill-Gvern f’kull wieħed mis-siti li jinsabu fin-Naxxar? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif wieħed jista’ jżurhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-uniku sit li tamministra Heritage Malta fl-inħawi tan-Naxxar huwa l-katakombi tas-Salini. Dawn jinfetħu għall-pubbliku b’appuntament. F’każ ta’ appuntament, il-prezz tad-dħul huwa: €5 għall-adulti, €3.50 għall-istudenti u l-anzjani, €2.50 għat-tfal. Id-dħul ikun mingħajr ħlas f’każ ta’ attività organizzata għal dawk li għandhom il-passaport tat-tfal jew tal-anzjani ta’ Heritage Malta. Is- sit msemmi huwa mantnut regolarment mill-ħaddiema ta’ Heritage Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta’ importanza storika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta, fil-Mellieħa? Kemm minn dawn is-siti huma mistennija li jgħaddu minn interventi biex jiġi żgurat li ma jsofrux ħsara fiż-żmien li ġej? Meta sar l-aħħar restawr jew intervent ta’ tip ieħor mill-Gvern f’kull wieħed mis-siti li jinsabu fil-Mellieħa? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif wieħed jista’ jżurhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta ma tamministrax siti li jinsabu fil-konfini tal-Mellieħa.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta’ importanza storika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta, f’San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn is-siti huwa mistenni li jsirulhom interventi biex jiġi żgurat li ma jsofrux ħsarat fiż-żmien li ġej? Meta sar l-aħħar restawr jew intervent ta’ tip ieħor mill-Gvern f’kull wieħed mis-siti li jinsabu f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif wieħed jista’ jżurhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li San Pawl Milqu huwa sit storiku fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar li huma fir- responsabbiltà ta' Heritage Malta.
San Pawl Milqi huwa aċċessibbli waqt open days organizzati minn Heritage Malta jew meta l-viżitaturi jibbukkjaw tour apposta b’appuntament. Il-ħlas f’każijiet bħal dawn huwa ta’ €5 għall-adulti, €3.50 għall-istudenti u l-anzjani, u €2.50 għat-tfal. Id-dħul huwa mingħajr ħlas għal dawk li għandhom il-passaport tat-tfal jew tal-anzjani ta’ Heritage Malta.
Is-sit msemmi huwa mantnut regolarment mill-ħaddiema ta’ Heritage Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li s’issa din is-sena m’attendejtx għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Kultura. Għax-xhur li ġejjin, bħala prassi u sa fejn ikun possibbli, jien ser nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jkunu intenzjonati għall-Ministri responsabbli mit-temi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi.