Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birżebbuġa – rapporti ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il serqa kienet irrappurtata f'Birżebbuġa matul ix-xahar ta' Marzu 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ serqiet rapportati lill-Pulizija fil-lokalità tal-Birżebbuġa matul ix-xahar ta’ Marzu 2019 kien ta’ disgħa (9) każi.

Birżebbuġa – rapporti ta’ serq – arresti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi arresti kif ukoll ġew ipproċessati xi individwi b'rabta mar-rapporti ta' serq f'Birżebbuġa mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kif diġà ġie aċċennat fi tweġiba għall-mistoqsija preċedenti fuq dan is-suġġett, kien hemm xi arresti kif ukoll ġew ipproċessati xi individwi b'rabta mar-rapporti ta' serq f'Birżebbuġa fil-perjodu msemmmi filwaqt li l-investigazzjonijiet dwar ir-reati mill-istess post qed ikomplu.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri nisa li kienu vittmi ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm priġunieri nisa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u kemm minnhom kienu vittmi ta’ vjolenza domestika qabel ma’ daħlu fil-Ħabs?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm 73 mara li 2 minnhom qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni. Fil-Faċilità ma tinżammx statistika ta’ kemm minnhom sofrew vjolenza domestika qabel ma daħlu fil-Faċilità.

YOURS – għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inhija l-għajnuna mogħtija lil dawk iż-żgħażagħ li kkommettew reat u li qegħdin allokati fil-YOURS?’

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żgħażagħ allokati fil-CoRRS (Centre of Residential Restorative Services) jingħataw għajnuna fuq diversi livelli. Jingħataw diversi korsijiet edukattivi fuq bażi regolari. Fil-preżent dawn jinkludu taħriġ tal-informatika, lezzjonijiet tal-mużika, edukazzjoni fiżika, lezzjonijiet tal-ingliż u korsijiet b’emfasi fuq ħiliet tal-ħajja.

Għases — kmamar għal każijiet ta' vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema għases f'Malta u Għawdex għandhom kmamar iddedikati għall-każijiet ta' vjolenza domestika (hekk imsejħa soft areas) kif speċifikat fil-konvenzjoni ta' Istanbul?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi fl-għases f'Malta u Għawdex il-kmamar iddedikati għall-każijiet ta' vjolenza domestika, huma kmamar fl-għases prinċipali u cioè l-Belt Valletta – Ħal Qormi – Ħaż-Żebbuġ - il-Ħamrun – Raħal Ġdid – iż-Żejtun – iż-Żurrieq – Ta’ Sliema – Birkirkara – il-Mosta – in-Naxxar – il-Qawra u r-Rabat Għawdex li għalkemm ma jissejħux soft areas, huma identifikati li jintużaw meta persuni li huma vittmi jew xhieda ta’ każijiet relatati ma’ vjolenza domestika, jistgħu jiġu mitkellma fil-privat. Fit-Taqsima tal-Victim Support fil-Korp tal-Pulizija, hemm żewġ kmamar li jintużaw għall-istess skop fejn waħda tintuża biex jiġu mitkellma adulti u l-oħra biex jiġu mitkellma minuri. Eventwalment malli jitwaqqfu l-Police Regional Hubs, hu ttamat li jkun hemm persuni aktar speċjalizzati f’dan is-settur li jiffunzjonaw minnhom.

Forzi Armata ta' Malta — membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Forzi Armata ta' Malta? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? Jista' jgħid ukoll ir-rank/grad ta' dawn in-nisa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri fil-Forzi Armati ta’ Malta huma 1,750. 1,650 minnhom huma rġiel u 100 huma nisa. Ir-rank tal-membri nisa huwa kif ġej: Lieutenant Colonel1 Major1 Captain3 Lieutenant7 Officer Cadet2 Warrant Officer Class 21 Staff Sergeant5 Sergeant4 Bombardier6 Lance Bombardier15 Gunners50 Gunner Recruit5 Total100

Każijiet ta' Vjolenza Domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' vjolenza domestika rappurtati lill-Pulizija, sena b'sena bejn is-sena 2010 u s-sena 2018? Jista' jindika ukoll kemm minn dawn il-każijiet kienu vjolenza fuq: a. in-nisa; b. l-irġiel; c. it-tfal; u d. l-anzjani? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-każijiet kienu ta' vjolenza fiżika u kemm minnhom ta' vjolenza psikoloġika? Liema kienet l-età ta' dawn il-vittmi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li bejn is-sena 2010 u s-sena 2018 il-każijiet u tipi ta' Vjolenza Domestika kif irrappurtati fis-sistema tal-Pulizija, sena b'sena, kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella tinkludi wkoll l-ammont ta’ vittmi tal-vjolenza u l-etajiet tagħhom, maqsuma fil-kategoriji indikati fil-mistoqsija.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu matul l-2018 u s’issa fl-2019 sabiex fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, il-binjiet li minnhom joperaw, ikunu aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2018 u fl-ewwel kwart ta’ din is-sena ttieħdu bosta miżuri biex il-binjjiet li minnhom joperaw l-Entitajiet u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt dan il-Ministeru jkunu aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. Dettalji jinsabu fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

UAE – friżżar ta’ assi ta’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija talbux lill-awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda (UAE) sabiex iżommu ffriżati l-assi fil-kont jew kontijiet bankarji tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u dan b’konnessjoni mal-investigazzjoni dwar l-istess kumpanija anke wara li issa huwa magħruf li sid din il-kumpanija mhu ħadd ħlief wieħed mis-sidien tal-power station il-ġdida mibnija taħt id-direzzjoni politika tal-Ministru għat-Turiżmu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li dan il-każ huwa suġġett ta' Inkjesta Maġisterjali.

Pulizija – Joint Investigation Team rigward kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija talbux li jitwaqqaf Joint Investigation Team ai termini tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Model Agreement for setting up a Joint Investigation Team (JIT) (OJ C 18, 19.1.2017, p.1) u dan sabiex tissaħħaħ l-investigazzjoni dwar il-kumpanija reġistrata fid-Dubai li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li dan il-każ huwa suġġett ta' Inkjesta Maġisterjali.

Persuni akkużati li għamlu użu minn passaport ta’ ħaddieħor

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm-il persuna ġiet akkużata li għamlet użu jew ippruvat tagħmel użu minn passaport maħruġ lil persuna oħra sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ta' liema pajjiżi kienu l-passaporti li ntużaw, l-età, is-sess u n-nazzjonalità tal-persuni li ġew akkużati, kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Frar 2019 kien hemm wieħed u tmenin (81) persuna li ġiet akkużata li għamlet użu jew ippruvat tagħmel użu minn passaport maħruġ lil persuna oħra. Dettalji dwar ta’ liema pajjiżi kienu l-passaporti li ntużaw ma tinżammx, iżda dettalji dwar, l-età, is-sess u n-nazzjonalità tal-persuni li ġew akkużati kif ukoll il-piena li ngħatat mill-Qorti jinsabu fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni akkużati b’falsifikazzjoni ta’ passaporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet akkużata li ffalsifikat, biddlet jew għamlet xi tibdil f'passaport jew inkella wżat jew kellha passaport li taf li ġie ffalsifikat, mibdul jew sar tibdil fih sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid l-età, is-sess u n-nazzjonalità tal-persuni li ġew akkużati, kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2013 sal-aħħar ta’ Frar 2019 kien hemm tliet mija u ħamsa u disgħin (395) każ fejn persuni barranin instabu li għamlu użu b’passporti falsifikati, u dawn ġew skoperti fis-snin kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi wkoll l-ammont ta’ dokumenti skoperti kull sena, l-etajiet u s-sess. Dwar nazzjonalità tal-persuni misjuba jagħmlu użu ta’ dawn il-passaporti, kienu diversi u jinkludu Afgani – Albaniżi – Kongoliżi – Costa tal-Ivorju – Egizzjani – Eritrej – Ethiopiani - Iranjani – Libjani – Mali – Niger – Nigerjani – Serbi – Somali – Sudaniżi – Sirjani – Torok – Gambjani – Lebaniżi – Senegaliżi – Bosniaċi – Kolumbjani – Russi u Togoliżi fost oħrajn. Filwaqt li f’erba’ każi minn dawn il-persuni mressqa ġew liberti u fi 12-il każ ieħor is-sentenza għadha pendenti, u fil-każijiet l-oħra l-persuni mressqa kollha nstabu ħatja. Il-pieni kienu jvarjaw minn priġunerija effettiva, għal sentenzi sospiżi b’perjodi diversi u Libertà kundizzjonata.

Korp tal-Pulizija – rapporti ta’ każijiet ta’ telf ta’ passaporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati każijiet ta' telf ta' passaporti lill-Korp tal-Pulizija sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ta' liema pajjiżi kienu l-passaporti li ġew irrapurtati bħala mitlufa, kemm-il passaport instab u kemm-il passaport baqa' mitluf?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li skont is-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, fil-perjodu ta’ bejn is-sena 2013 u t-28 ta’ Frar tal-2019 l-ammont ta’ passaporti li ġew irrapurtati mitlufa u dawk misjuba, kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Mis-sistema ma jistgħux jiġu elenkati d-dettalji ta' liema pajjiżi kienu l-passaporti li ġew irrapurtati bħala mitlufa għax din l-informazzjoni ma tinżammx taħt forma elettronika.

Korp tal-Pulizija – passaporti mitlufa

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm ġew ikkonsenjati passaporti li kienu mitlufa lill-Korp tal-Pulizija sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ta' liema pajjiżi kienu l-passaporti li ġew ikkonsenjati lill-Korp tal-Pulizija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika ta’ kemm ġew ikkonsenjati passaporti li kienu mitlufa lill-Korp tal-Pulizija kif mitlub mill-Onor. Interpellant, u dan anke fid-dawl li dawn setgħu nstabu u ma ġewx ikkonsenjati lilhom, ġew ikkonsenjati lil awtoritajiet oħra, u raġunijiet oħra.

Korp tal-Pulizija — membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? Jista' jgħid ukoll ir-rank/grad ta' dawn in-nisa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi sal-20 ta’ Marzu 2019, fil-Korp tal-Pulizija kien hemm elfejn, mitejn u tlieta u sittin (2,263) membru. Fosthom elf, seba’ mija u tmienja u disgħin (1,798) huma rġiel u erba’ mija u ħamsa u sittin (465) huma nisa fir-rankijiet li jidhru fit-tabella t’hawn taħt: Assistant Commissioner 1 Superintendent 4 Inspectors 27 2nd Class Sergeant Major 2 Women Police Sergeants 94 Women Police Constables 306 Reserve Police Constables 31 Total 465

Sptar Monte Karmeli — Forensic Unit - spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża totali kuljum ta’ kull pazjent li jinsab fil-Forensic Unit tal-Isptar Monte Karmeli?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull pazjent li hemm ġewwa l-Forensic Unit tal-Isptar Monte Karmeli hu stmat li jiġi jiswa madwar €115 kuljum.

Kummissarju tal-Pulizija — kummenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija preżenti ngħata promozzjoni u nħatar kummissarju meta kiteb kliem ta’ natura politika fuq il-Facebook tiegħu, filwaqt li suldat li kkritika lill-gvern fuq xatba u għadda kumment kontra l-gvern, tkeċċa minn suldat? Jaħsibx li dan huwa attakk kontra l-libertà tal-espressjoni li fizzjal tal-Korp tal-Pulizija kiteb favur il-gvern u membru tal-AFM tkeċċa għax għadda rimarki simili imma li setgħu jiġu interpretati li huma kontra l-Gvern? Ma jaħsibx li dan huwa każ ċar ta’ diskriminazzjoni politika?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rimarki li għadda l-membru tal-AFM, bl-ebda mod ma kienu interpretati li huma kontra l-Gvern.

Secondment ta’ Membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew reinstated

Question

In vista tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9457, jista’ l-Ministru jgħid fejn ġew seconded is-26 Membru tal-Korp?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi s-sitta u għoxrin (26) Membru tal-Korp imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9457 ġew seconded kif jidher hawn taħt : Missjonijiet tal-UE 6 ID Malta 2 Malta Police Association 2 Police Unions 2 Mal-Aġenzija tal-UE 2 MEDE 2 CPD 2 OPM (Security coord Int. Events) 1 CEO (Police) 1 St Jeanne Antide Foundation 1 MTI 1 Malta Freeport 1 JHA UE 1 MECW 1 MGOZ 1

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – nefqa fuq reklamar fil-media

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8730 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz tal-media bejn l-2004 u l-2018, maqsuma xahar b’xahar u mqassam kemm skont il-mezz ta’ reklamar (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) kif ukoll il-benefiċjarju (eż. Facebook, LinkedIn, Allied, Mediatoday, eċċ)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, billi r-responsabbiltajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru preżenti huma differenti minn kif kienu bejn l-2004 u Jannar 2018 mhix possibbli li din ir-risposta tingħata. Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Korp tal-Pulizija – Independent Police Complaints Board

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9407 jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Independent Police Complaints Board, meta ġew appuntati u kemm huwa twil il-mandat tal-ħatra tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Il-membri tal-Independent Police Complaints Board, kienu maħtura permezz ta’ notifika fil-‘Gazzetta tal-Gvern’ numru 19787 paġna 5873 tas-26 ta’ Mejju 2017, skont l-Artikolu 35 tal-Att dwar il-Pulizija (Kap 164) għal perjodu ta’ tliet snin b’seħħ mit-12 ta’ Mejju 2017.