Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-infiq fuq reklamar, marketing u relazzjonijiet pubbliċi mill-Ministeru tiegħu u minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità taħt ir-responsabbiltà tiegħu, separatament għas-sena 2025 u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jipprovdi l-informazzjoni f’tabella li tindika, għal kull nefqa, l-entità li għamlitha, l-isem tal-fornitur, il-kampanja jew is-servizz, it-tip ta’ mezz użat, id-data jew il-perjodu tas-servizz, il-metodu ta’ akkwist u l-ammont, filwaqt li jispeċifika jekk dan jinkludix il-VAT?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol, flimkien mad-dipartimenti, l-aġenziji, l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Għal dan il-għan, fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern hemm provvediment taħt il-Vot 29, Information Services, li jinkludi allokazzjoni għall-pubblikazzjoni ta' avviżi, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni, u materjal ieħor ta' komunikazzjoni permezz ta' diversi mezzi. Dawn l-estimi huma diġà ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

TCNs - Permessi ġodda ta’ residenza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3300 u jgħid kemm inħarġu permessi ġodda ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi huma dawn l-individwi u kemm inħarġu permessi ġodda ta’ residenza lil ċittadini ta’ kull pajjiż?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Marsaskala – Tal-Fajtata – Parkeġġ – Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 983 dwar ix-xogħol imwettaq minn Infrastructure Malta fil-parkeġġ tal-Fajtata, f’Marsaskala fejn intqal li “fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ u tal-proċessi li għadhom għaddejjin, ma jkunx xieraq, li f’dan l-istadju, tiġi preġudikata l-pożizzjoni legali tal-Aġenzija dwar il-materja inkwistjoni” u tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1449 fejn intqal li “fuq l-art inkwistjoni ma sar l-ebda espropju”, jista’ l-Ministru jagħti aġġornamenti fuq il-proċeduri legali msemmija?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ħal Qormi – Triq San Bastjan – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isiru x-xogħlijiet infrastrutturali fi Triq San Bastjan, Ħal Qormi, liema xogħlijiet kienu diġà ppjanati li jsiru fix-xhur li għaddew?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa Infrastructure Malta għaddejja b’diskussjonijiet mal-Enemalta rigward it-tisħiħ fid-distribution network f’Ħal Qormi, li abbażi tagħhom ser ikun hemm pjan ħolistiku ta’ xogħlijiet f’Ħal Qormi.

Infrastructure Malta – Bini ta’ ħitan

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn Infrastructure Malta qed tibni tip ta' ħitan bi blokok kbar tal-ġebel (ritratt anness), minflok b'ħitan tas-sejjieħ skont is-sengħa li jikkumplimentaw il-pajsaġġ Malti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fejn hemm għelieqi għola mil-livell tat-triq, qegħdin jitpoġġew il-blokok tal-ġebel bħala sistema tal-qlugħ għall-ħamrija (retaining wall), inkella dawn jispiċċaw kollha għal ġot-triq mal-ewwel xita. Fuq barra ta’ dawn il-blokki u ‘l fuq minnhom għad irid jitkompla l-bini tal-ħitan tas-sejjieħ. Jekk wieħed isuq it-tul kollu tat-triq fejn hemm ħitan li diġa’ tlestew, jinduna li kullimkien qed jinbnew ħitan tas-sejjieħ skont is-sengħa, li jikkumplimentaw il-pajsaġġ Malti.

BCA – Reklami u spots ta’ informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallset l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA) għal reklami jew spots ta' informazzjoni kull sena, minn kemm ilha li twaqqfet l-Awtorità fl-2021? Jista’ jgħid ukoll, skont il-każ, fuq liema media saru u kemm tħallset kull mediahouse/gazzetta/stazzjon tar-radju/stazzjon tat-televiżjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kunsilli lokali – Planning fund

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1273 u jgħid kemm hemm kunsilli lokali li jużaw il-fondi li għandhom ġewwa l-planning fund allokat għall-kunsill lokali tagħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tiġi miġbura.

Il-Kalkara – Xatt ta’ Rinella – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35571 tal-14-il Leġislatura, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fix-Xatt tar-Rinella, il-Kalkara, wara l-ħsarat ikkawżati mill-maltempata ta’ Jannar li għadda?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħlijiet fil-Bajja tar-Rinella għaddejjin bħalissa, u fil-ġimgħat li ġejjin huwa mistenni li jerġa’ jinfetaħ l-ewwel nofs tal-bajja, fejn ix-xogħlijiet kienu bdew aktar kmieni din is-sena. Malli din il-parti tkun miftuħa għall-pubbliku, huwa ppjanat li jibda x-xogħol fuq in-nofs l-ieħor tal-bajja, bil-għan li x-xogħlijiet fuq il-ħitan tal-bajja jkunu lesti għas-sajf li ġej.

Birżebbuġa – Triq iż-Żurrieq – Xogħlijiet – Ċertifikati

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq iż-Żurrieq, Birżebbuġa, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra iċ-ċertifikati ta' kwalità u/jew konformità għax-xogħlijiet li diġà saru?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Birżebbuġa – Triq iż-Żurrieq – Water culverts

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq iż-Żurrieq, Birżebbuġa, jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser isiru water culverts biex jiġi immaniġġjat l-ilma tax-xita u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti li juru l-infrastruttura li ser issir jew li ser tinbidel għal dan il-għan?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Birżebbuġa – Triq iż-Żurrieq – Xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq iż-Żurrieq, Birżebbuġa, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-project plan li juri liema huma x-xogħlijiet li saru, jew ser isiru, min huwa responsabbli għal liema xogħlijiet u t-timeline?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ħal Qormi – Triq il-Belt Valletta – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isiru x-xogħlijiet infrastrutturali fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Qormi, liema xogħlijiet kienu diġà ppjanati li jsiru fix-xhur li għaddew?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi reġgħu bdew id-diskussjonijiet relatati ma’ dawn ix-xogħlijiet flimkien mal-Kunsill Lokali u l-entitajiet ikkonċernati, sabiex tiġi stabbilita’ data eżatta ta’ meta ser jibdew dawn ix-xogħlijiet, inkluż xogħlijiet tal-Enemalta, fl-ewwel kwart tas-sena 2027.

Carrying capacity

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2010, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-popolazzjoni massima f'pajjiżna (f'termini numeriċi) li l-infrastruttura ta' Malta tista' ssostni u jiġi ppreżentat l-istudju li wassal għal din il-kapaċità?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 2010.

Is-Siġġiewi – Triq Blat il-Qamar – Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 988 fejn intqal li “x-xogħlijiet fi Triq Blat il-Qamar, is-Siġġiewi, huma maħsuba li jibdew hekk kif jitlesta ix-xogħol kollu ta’ twessiegħ fi Triq Bur il-Kbir u t-triq tkun aċċessibbli fuq żewġ karreġġjati” u fid-dawl li Infrastructure Malta ħabbret li Triq Bur il-Kbir ser tkun miftuħa fil-ġranet li ġejjin, jista’ l-Ministru jagħti data meta ser jibda ix-xogħol fi Triq Blat il-Qamar, liema xogħol kien diġà skedat u l-kuntrattur ġie magħżul?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Awtorità tal-Ippjanar - Applikazzjonijiet approvati - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1795 u jgħid x’inhu l-ammont ta’ fondi miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-applikazzjonijiet li ġew approvati fil-passat? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-fondi għal kull lokalità f’Malta u f’Għawdex u kemm kienu f’Diċembru 2024 u f’Diċembru 2025? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex jinbidlu l-kriterji li fuqhom il-kunsilli lokali jistgħu jaċċessaw dawn il-fondi biex bihom ikunu jistgħu jwettqu bosta xogħlijiet li sal-lum mhux permess li jwettqu skont il-kriterji ta’ użu ta’ dawn il-fondi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Awtorità tal-Ippjanar – San Pawl il-Baħar – Applikazzjonijiet pendenti għall-iżvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal żvilupp fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll kif inhuma maqsuma dawn l-applikazzjonijiet skont it-tip ta’ żvilupp li qed jiġi propost?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3027, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-238 applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, skont dak rikjest.

Awtorità tal-Ippjanar – Dħul minn skemi ta’ kontribuzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti mħallsa lill-Awtorità tal-Ippjanar taħt il-Commuted Payment Parking Scheme (CPPS), l-Urban Improvement Fund (UIF), l-Urban Development Fund (UDF), jew skemi oħra ta’ kontribuzzjoni minflok il-provvista ta’ spazji ta’ parkeġġ meħtieġa skont il-Parking Standards fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena u jinkludi: i.    in-numru ta’ spazji ta’ parkeġġ li skont l-Awtorità, kienu neqsin u li fir-rigward tagħhom saret il-kontribuzzjoni msemmija, għal kull permess approvat u għal kull sena, u f’kull waħda minn dawn il-lokalitajiet; u ii.    it-total ta’ fondi mħallsa kull sena (2020-2025), maqsuma skont dawn il-kategoriji tal-iżvilupp: a.    residenzjali; b.    lukandi u stabbilimenti tal-ikel u x-xorb; c.    kummerċjali, inklużi ħwienet u uffiċini; d.    istituzzjonijiet reliġjużi jew soċjali; u e.    industrija?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura.

Awtorità tal-Ippjanar – Units residenzjali ġodda approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ units residenzjali ġodda approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena u skont: i.    in-numru ta’ kmamar tas-sodda (kamra waħda, tnejn, tlieta, erbgħa jew aktar); u ii.   it-tip ta’ bini (djar terraced, appartamenti/flats, vilel detached/semi-detached)?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura.

Humanoid Robot - Dħul f’Malta - Parir legali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1526 u jgħid jekk intalabx jew inkisibx parir legali minn Identità, mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni, mill-Avukat tal-Istat jew minn xi awtorità oħra dwar kif għandu jiġi trattat il-każ tad-dħul f’Malta tal-humanoid robot magħruf bħala “Sophia”? Jekk iva, jista’ jgħid meta ntalab dan il-parir u minn min?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 2116.

Humanoid Robot - Dħul f’Malta - Policy/guidelines eżistenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1525 u jgħid jekk Identità, il-Pulizija tal-Immigrazzjoni jew xi awtorità oħra għandhomx policy, linji gwida jew istruzzjonijiet dwar kif għandhom jiġu trattati każijiet fejn humanoid robot, sistema ta’ intelliġenza artifiċjali jew entità mhux umana tiġi ppreżentata ma’ dokument ta’ identifikazzjoni jew vjaġġar? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġijiet li jirregolaw id-dokumenti ta' identifikazzjoni u ta' vjaġġar, fosthom l-Ordinanza dwar il-Passaporti (Kap. 61) u l-Att dwar il-Karti tal-Identità u Dokumenti Oħra ta' Identità (Kap. 258), jirrikonoxxu biss lill-persuni umani. Dawn id-dokumenti jinħarġu biss lil individwi u huma marbuta mal-identità tagħhom, stabbilita mat-twelid u kull dokument jinkorpora fih id-data bijometrika tad-detentur. Dawn jinkludu l-immaġini tal-wiċċ tal-persuna, il-marki tas-swaba' u l-firma. Ir-robots u s-sistemi ta' intelliġenza artifiċjali jaqgħu taħt leġiżlazzjoni oħra, inkluż ir-Regolament (UE) 2024/1689 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.