Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Siġġiewi – Proġett ta’ Għar Lapsi – Spiża

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 829 u tagħti dettalji tal-ispiża tal-proġett ta’ Għar Lapsi, fis-Siġġiewi, wara l-maltempata Harry u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Bill of Quantities ta’ dan il-proġett?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-mument l-informazzjoni li qiegħed jitlob ma tistax tingħata minħabba li l-proġett għaddej. Kif diġà spjegajtlu, fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 828, dan il-proġett, huwa maqsum fi tlett fażijiet. L-ewwel fażi tinkludi t-tiswija tar-rampa u l-bini ta’ turġien, kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ jetty għall-għawwiema. Malli tkun konkluża din il-fażi, il-proġett se jgħaddi għall-bini mill-ġdid tal-iskall għall-bajja u t-tqegħid ta’ blat tal-qawwi (li ser jittella’ mill-istess bajja) sabiex joffri protezzjoni mill-mewġ lil dan l-iskall. L-aħħar fażi se tikkonsisti f’interventi ta’ konsolidament tal-irdum u li tinkludi ħidma ma’ konsulenti ġeotekniċi, li qed iħejju fid-dettall diversi interventi u pjanti meħtieġa għall-konsolidament ta’ dan l-irdum, sabiex tittejjeb s-sigurtà tan-nies li jiffrekwentaw din il-bajja. Infurmata li bħalma jiġri dejjem, ikunu segwiti l-proċeduri applikabbli li joħorġu mir-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku. Il-Gvern jibqa’ impenjat li jwettaq dawn l-interventi bl-ogħla standards ta’ sigurtà u kwalità.

Ħaż-Żabbar – Misraħ San Ġakbu – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jibdew u sa meta se jitlestew ix-xogħlijiet f’Misraħ San Ġakbu, f'Ħaż-Żabbar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tindika għal liema xogħlijiet qed issir referenza sabiex tkun tista’ tingħata t-tweġiba mitluba.

Gżejjer ta’ San Pawl – Statwa ta’ San Pawl – Floodlight

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-istatwa ta’ San Pawl fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl, tiġi ‘floodlit’ bħalma kienet għal diversi snin fil-passat?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi qed tikkoordina t-tiswijiet meħtieġa fuq is-sistema fotovoltajka sabiex l-istatwa ta’ San Pawl fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl terġa’ tixgħel kif dejjem għamlet tul dawn l-aħħar snin. Il-ħsarat irrapurtati fuq is-sistema tad-dawl huma estensivi.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Tista’ tgħid ukoll liema sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari se tkun qed tingħata f’seduta oħra.

San Pawl il-Baħar – Servizzi ta' tindif

Question

Fid-dawl tal-ftehim u l-investiment li kienu tħabbru fis-snin preċedenti sabiex jissaħħu s-servizzi ta’ tindif fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru tgħid: i.    jekk il-Gvern għadux iqis l-indafa f’din il-lokalità bħala prijorità; ii.    jekk dawn l-investimenti u s-servizzi f’din il-lokalità tkomplewx, u jekk le, għal liema raġuni twaqqfu jew tnaqqsu; u iii.    x’miżuri konkreti bi ħsiebha tieħu sabiex tiżgura li r-residenti ta’ San Pawl il-Baħar jingħataw livell adegwat ta’ indafa matul is-sena kollha, b’mod partikolari matul ix-xhur tas-sajf?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-indafa f’kull lokalità hija importanti. Infurmata li f’din il-lokalità partikolari, d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni allokat vetturi speċifiċi li huma ddedikati esklussivament sabiex jiġi żgurat servizz effiċjenti u kontinwu. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li s-servizzi ta’ tindif fuq il-bajjiet u l-promenade jiġu pprovduti matul is-sena kollha. Matul il-perjodu tas-sajf, jiġu introdotti kontenituri għas-separazzjoni tal-iskart fuq il-bajjiet b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), filwaqt li tiżdied ukoll il-frekwenza tal-ġbir u t-tbattil tal-kontenituri fuq il-bajjiet u l-promenades. Barra minn hekk, meta jkun meħtieġ, isiru wkoll xogħlijiet ta’ ħasil tat-toroq, kif ukoll tal-kontenituri tal-iskart.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Ġunju 2026?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ir-Rabat, Malta – Kunsill Lokali – Dipartiment tat-Tindif u l-Manutenzjoni – Servizzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba l-Kunsill Lokali tar-Rabat, Malta ngħata servizzi mid-Dipartiment tat-Tindif u l-Manutenzjoni matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Fl-1 ta’ Ottubru 2024 ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Kunsill Lokali tar-Rabat, Malta, u d-Dipartiment għat-Tindif u l-Manutenzjoni sabiex dan tal-aħħar jipprovdi servizz ta’ tindif tat-toroq tal-lokal. Fil-preżent, id-Diviżjoni tipprovdi erbatax -il ħaddiem biex jipprovdu servizz ta’ tindif fil-lokal. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tieħu ħsieb tipprovdi servizzi ta’ tindif waqt avvenimenti fil-lokal, primarjament il-festi.

Ir-Rabat, Malta – Qtugħ tal-ħaxix ħażin – Tenders

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu tenders għall-qtugħ tal-ħaxix ħażin fir-Rabat, Malta, matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li l-Kunsill Lokali r-Rabat Malta ma ħariġx tenders għall-qtugħ ta' ħaxix ħażin matul dawn l-aħħar tlett snin.

Ħaż-Żabbar – Triq San Leonardu – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm sewa x-xogħol li sar fi Triq San Leonardu, f’Ħaż-Żabbar, u kemm sewa x-xogħol biex it-triq terġa’ tiġi fi stat tajjeb?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Organizzazzjonijiet mhux governattivi – Ġbir tal-iskart – Riformi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx riformi ppjanati dwar il-ġbir tal-iskart minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, inkluż santwarji u għaqdiet li jieħdu ħsieb l-annimali, u jekk iva, x’inhuma dawn ir-riformi u meta mistennija jidħlu fis-seħħ?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Fil-preżent id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni m’għandha fis-seħħ l-ebda arranġament biex jinġabar b’mod sistematiku l-iskart minn xi organizzazzjoni mhux governattivi u ma kellna l-ebda diskussjoni f’dan ir-rigward.

Ħal Safi - Ċentru Parrokkjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett relatat maċ-Ċentru Parrokkjali, f’Ħal Safi? Tista’ tgħid ukoll: i.    x’inhuma x-xogħlijiet li saru s'issa u kemm ġew jiswew; ii.    x’inhuma x-xogħlijiet li għadhom iridu jsiru u kemm huwa proġettat li ser jiġu jiswew; u iii.    meta huwa ppjanat li l-proġett ikun lest kompletament?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Is-Siġġiewi – Proġett ta’ Għar Lapsi – Spiża

Question

Tista’ l-Ministru tagħti dettalji tal-ispiża tal-proġett ta’ Għar Lapsi, fis-Siġġiewi, wara l-maltempata Harry u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Bill of Quantities ta’ dan il-proġett?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Is-Siġġiewi – Proġett ta’ Għar Lapsi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti dettalji tal-fażijiet u timeframes tal-proġett ta’ Għar Lapsi, fis-Siġġiewi, wara l-maltempata Harry u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti, kemm ta' disinn u kemm strutturali, ta’ dan il-proġett?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett għar-riġenerazzjoni ta’ Għar Lapsi huwa maqsum fi tliet fażijiet. Dawn il-fażijiet huma indikati fuq il-pjanta ‘Għar Lapsi – Phases of Work’ li kopja tagħha qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ewwel fażi tinkludi t-tiswija tar-rampa u l-bini ta’ turġien, kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ jetty għall-għawwiema. Ix-xogħlijiet qed isiru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, li bħalissa bdew jagħtu l-aħħar saff ta’ konkos tul ir-rampa u jibnu taraġ li jagħti aċċess għall-bajja. It-tieni fażi tinkludi l-bini mill-ġdid tal-iskall għall-bajja magħrufa bħala Għar Miżun, kif ukoll it-tqegħid ta’ blat tal-qawwi (li ser jittella’ mill-istess bajja) sabiex joffri protezzjoni mill-mewġ lil dan l-iskall. Ix-xogħlijiet fuq din il-fażi mistennija jibdew f’nofs Lulju u jieħdu erbgħa u tletin ġimgħa. It-tielet fażi tikkonsisti f’interventi ta’ konsolidament tal-irdum, li parti kbira minnu ġġarraf kemm waqt kif ukoll wara l-maltempata Harry. Fir-rigward ta’ din il-fażi, id-Dipartiment qed jaħdem ma’ konsulenti ġeotekniċi, li qed iħejju fid-dettall diversi interventi u pjanti meħtieġa għall-konsolidament ta’ dan l-irdum, sabiex tittejjeb s-sigurtà tan-nies li jiffrekwentaw din il-bajja. Hekk kif dawn il-pjanti jkunu lesti, jinbeda l-proċess ta’ xiri għax-xogħlijiet meħtieġa. Qiegħda nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relatati mal-ewwel u mat-tieni fażi tal-proġett.

Birżebbuġa - Kappella tas-Sagra Familja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett relatat mal-Kappella tas-Sagra Familja, f’Birżebbuġa u meta huwa ppjanat li jkun lest kompletament?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li wara li l-kuntratt għal dan il-proġett ingħata, x-xogħlijiet huma maqsuma f’fażijiet u mistennija li jieħdu numru ta’ ġimgħat. Il-proġett huwa mistenni jitlesta sa Ġunju 2027.

Persuni li ma kinux ċittadini Maltin - Proprjetajiet mixtrija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il proprjetà f’Malta u f’Għawdex inxtrat minn persuni li ma kinux ċittadini Maltin fil-mument li sar il-kuntratt matul l-2024?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill- Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Ħaddiema ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tagħha minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li tlabt sabiex l-informazzjoni tinġabar.

Baħar iċ-Ċagħaq – Caravans li qed jokkupaw il-kosta

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'azzjoni ser tittieħed dwar il-caravans li qegħdin jokkupaw il-kosta ta' Baħar iċ-Ċagħaq, uħud b'mod permanenti, tant li saħansitra qed jinkrew b'mod kummerċjali, b'abbuż sħiħ tar-regolamenti?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.