Tibdil fil-Mappa Ġeoloġika ta’ Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti spjega għalfejn il-mappa ġeoloġika ta' Malta (Bedrock Geology of the Maltese Islands) ippublikata fl-2022 fuq is-sit www.continentalshelf.gov.mt, inbidlet minn dik tal-1993? Jista’ jispjega x'hemm differenti? Jista' jagħti spjega dwar kif u għalfejn il-parti fejn hemm iż-żona li tiġi viċin il-lokalitajiet ta' Santa Venera, Ħal Qormi u l-Ħamrun jidher li nbidlet it-tip ta’ ġebla minn Middle Globigerina fl-1993 għal dik ta' Lower Globigerina fl-2022?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-mappa tal-1993 kellha skala ta’ 1:25000 filwaqt li l-mappa tal-2022 għandha skala ta’ 1:10000. Dan ifisser li millimetru issa jirrappreżenta 10 metri u mhux 25 metru. Il-mappa ġiet aġġornata permezz ta’ tender li ngħata lill-British Geological Survey (BGS). Sitt ġeoloġi barranin u ġeologu lokali wieħed ġew ingaġġati mill-BGS għall-aġġornament tal-mappa.
Il-mapep ġeoloġiċi huma interpretazzjonijiet, dedotti minn varjetà ta' evidenza diretta u indiretta. Interpretazzjonijiet suċċessivi ġeoloġiċi ta' żona jistgħu jinbidlu hekk kif issir disponibbli evidenza ġdida, jinbidlu l-konċetti ġeoloġiċi u jintużaw metodi ġodda ta' mappjar ġeoloġiku. Il-mappa tal-2022 hija bbażata fuq l-evidenza disponibbli fiz-zmien tal-istħarriġ, riċerka xjentifika u kunċetti ġeoloġiċi aktar moderni.
Id-differenzi ewlenin bejn il-mappa tal-2022 fuq skala 1:10 000 u l-mappa tal-1993 fuq skala 1:25 000 jinkludu bidliet fil-pożizzjonijiet tal-konfini u l-istrutturi ġeoloġiċi dedotti (eż. faults) biex tittejjeb r-relazzjoni bejn il-ġeoloġija u t-topografija u biex tkun konsistenti mal-evidenza disponibbli, inklużi l-osservazzjonijiet fuq il-post, kif ukoll mal-prattiki moderni tal-immappjar ġeoloġiku. Ċerti units ġew ikklassifikati mill-ġdid (eż. l-età tal-blat) biex ikunu konsistenti mal-aħħar riċerka xjentifika.
Il-lokalitajiet imsemmija huma żviluppati u urbanizzati ħafna, b'infrastruttura jew djar li jkopru l-biċċa l-kbira tal-art f'din iż-żona, għalhekk l-espozizzjoni tal-blat hija limitata ħafna. Informazzjoni addizzjonali minn investigazzjonijiet fuq l-art u boreholes li kienet disponibbli fiż-żmien tal-istħarriġ hija wkoll skarsa.
Il-mappa ġeoloġika tal-1993 turi linja mhux kontinwa (dashed) madwar il-Middle Globigerina Limestone f'din iż-żona, li jfisser li l-estent ġie dedott minn informazzjoni limitata u mhux osservat direttament mill-ġeoloġi.
L-outcrop tal-Middle Globigerina Limestone fil-qtugħ tat-triq fin-Nofsinhar tal-Mina ta' Santa Venera huwa rqiq u mhux kontinwu. Pereżempju, huwa stmat mill-immaġini ta' Google Street View li jkun bejn wieħed u ieħor 0.2 sa 0.3 metri. Din hija irqaq mir-‘regola ta’ metru’ li hija applikata mill-BGS għall-bedrock units meta mmappjati fuq skala 1:10 000. Dan ifisser li kwalunkwe bedrock unit irqaq minn metru huma tipikament esklużi minn mapep ġeoloġiċi fuq skala 1:10 000 favur l-unit ta’ taħt. Din il-prattika tneħħi l-kumplessità ġeometrika li ma tistax tiġi rappreżentata b’mod prattiku fl-iskala tal-immappjar.
Il-mapep ġeoloġiċi jippreżentaw ġeneralizzazzjoni tal-ġeoloġija, bil-livell tad-dettall ikun xieraq għall-iskala tal-mappa. Il-mapep ġeoloġiċi huma maħsuba biex jiggwidaw, izda mhux jissostitwixxu, investigazzjoni xierqa tas-sit, inklużi studji fuq skala lokali.