Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kirjiet – deferral għat-taxxi

Question

Minkejja d-diversi talbiet minħabba l-COVID-19, jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-Gvern ma ipprovda l-ebda deferral għat-taxxi fuq id-dħul mill-kirjiet, li hija ta' 15% u trid tinġabar sal-aħħar ta' April 2020?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li d-diferiment ta’ ħlas tat-taxxi huwa fuq dħul minn impjieg pinċipali.

Self employed – deferral għat-taxxa

Question

Minħabba l-kriżi tal-COVID-19, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux jilqa' tali talba dwar is-self employed, u jipprovdi deferral fuq it-taxxa tad-dħul tal-2019, li għandha tinġabar sat-30 ta' Ġunju, 2020?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taxxa dovuta fuq id-dħul tul il-perjodu stipulat tal-Covid-19 għal kull taxpayer li kien in regola tista' tiġi deferred.

COVID-19 — Kera b'kuntratt vinkolanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet ta' għajnuna għal dawk il-membri tal-pubbliku li qed jikru proprjetà għal finijiet ta' residenza jew negozju, li huma marbutin b'kuntratt ta' kera vinkolanti u li għandhom diffikultà biex iħallsu l-kera minħabba l-effett ta' COVID-19? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Freeport, Freeport Terminals, Air Malta, ARMS u MFSA – CEO — paga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-paga tas-CEOs tal-Freeport u tal-Freeport Terminals, tal-Air Malta, tal-ARMS u tal-MFSA?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-paga bazi tas-CEO tal-MFSA hija ta’ €117,000 fis-sena u performance bonus sa’ 20% tal-paga. Fir-rigward tal-pagi tas-CEO tal-entitajiet l-oħrajn, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati`.

Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji — teleworking

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal teleworking minn ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u fi ħdan l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu min-nhar l-20 ta' Frar 2020 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jindika l-grad u l-kariga li jokkupa kull wieħed mill-imsemmija ħaddiema? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Direttiva 13 tisħaq li, f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ COVID-19, xogħol li jista’ jsir remotament isir hekk. Din mhix kwistjoni ta’ talbiet formali, imma ta’ arranġament biex titrazzan l-imxija msemmija.

NSO – persuni li huma reġistrati li jbatu minn diżabilità severa

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni li ġew reġistrati fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) bħala dawk li jbatu minn diżabilità severa sal-aħħar tas-sena 2019?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fuq informazzjoni miġbura mis-CRPD, sa Ottubru 2019, kien hemm 19,447 persuni rreġistrati bħala persuni b’dizabilità. Din il-figura tkopri dizabilitajiet fiziċi, marbutin mas-smigħ, mal-vista, dizabilitajiet intellettwali u dizabilitajiet psikoloġiċi. Dan l-Uffiċċju m’għandu l-ebda informazzjoni dwar is-severità tad-dizabilità ta’ dawn il-persuni.

NSO – persuni mċaħħda materjalment li huma residenti f’Għawdex

Question

B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 13700, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jagħmel studju speċifiku dwar il-persuni li huma mċaħħda materjalment u dawk imċaħħda materjalment b'mod sever li jgħixu f'Għawdex biex ikun hemm stampa aħjar ta' x’inhi s-sitwazzjoni fil-g¿ira ta' Għawdex?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qiegħed jistudja metodi kif itejjeb il-metodoloġija, b’tali mod li jkun jista’ jaqbad aktar nies li jaqgħu taħt dawn iż-żewġ kategoriji fuq bażi reġjonali.

Persuni li ġew mill-Awstralja – ħlas ta’ arretrati li ma kienux iddikjarati

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm Maltin u Għawdxin li kienu jgħixu l-Awstralja u ġew lura, intalbu jħallsu arretrati ta’ taxxa fuq flus li allegatament ma kienx ġie dikjarat f’dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jindika wkoll kemm inġabar attwalment?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 655 persuna li kienu jgħixu l-Awstralja u li ma ħallsux taxxa fuq flus li ma ddikjarawx. It-taxxa d-dikjarata kienet tammonta għal €1,241,538.

Karozzi għall-użu personali impurtati mill-Ingilterra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn karozzi impurtati għall-użu personali mill-Ingilterra mill-2017 ‘l hawn u ta’ kemm-il ċilindrata kienu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

COVID-19 MDB scheme — Banek kummerċjali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-banek kummerċjali li ser ikunu qed iħaddmu l-COVID-19 MDB Scheme, ingħataw il-mezzi u l-istrumenti kollha neċessarji biex ikunu jistgħu jħaddmu l-iskema tas-sussidji tal-interessi fuq l-imsemmija skema, hekk kif imħabbar mill-Gvern fil-ġranet li għaddew?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Bank Malti ta’ Zvilupp (MDB), qiegħed jiffinalizza l-aħħar preparamenti, b’konsultazzjoni mal-banek biex tkun tista tibda titħaddem l-iskema tas-sussidji tal-interessi fuq self garantit mill-COVID-19 MDB Scheme.

Ħruġ ta' attachment/freeze orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b’sena. kemm inħarġu attachment/freeze orders mill-2013 ’il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont l-istituzzjoni finanzjarja li lilhom inħarġu u għal kemm kienu jammontaw l-ammonti restritti? Jista’ jgħid kemm minn dawn ġew ikkonfiskati favur il-Gvern, kemm minnhom ġew rilaxxati u kemm minnhom għadhom in vigore?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Garanziji li l-Gvern għandu Outstanding għal dejn/self

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda bid-dettalji kollha ta’ kull garanzija li l-gvern għandu outstanding għal dejn/self li qiegħed jiggarantixxi?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli nterpellant illi sal-24 t’April 2020, il-Gvern kellu ammont ta’ garanziji ta’ €1,969,839,749. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji — kuntratti mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata mill-Ministeru, aġenzija jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, sa mill-1 ta’ Marzu 2020? Jista’ jgħid lil min ingħata kull kuntratt, jindika l-iskop tiegħu, jekk ingħatax wara sejħa jew le, u l-valur tal-kuntratt?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli interpellanta biex tispeċifika għal-liema kuntratti qiegħda tirreferi.

Ministeru għal Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji – konsulenzi/kuntratti minn kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatatx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12990, jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hi kbira l-flotta tal-karozzi li min ha se jkunu parti dawn iż-żewġ karozzi

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti ż-żewġ karozzi elettriċi li hemm ordnati, il-flotta preżenti tal-karozzi tal-MITA tikkonsiti minn erba’ vannijiet u disa’ karozzi.

COVID-19 — Flus mill-multi miġbura mill-persuni li ma obdewx il-kwarantina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se jkunu utilizzati l-flus miġbura mill-multi li qed jingħataw lil dawk il-persuni li ma jobdux il-kwarantina obbligatorja jew regoli oħra maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika? Jistgħu dawn il-flus jintużaw mill-Gvern għall-pakketti finanzjarji mħabbra minnu, minflok idur għall-pagiet tal-ħaddiema tal-Gvern?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Home Equity Release for Pensioners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’pożizzjoni u x’passi ttieħdu dwar ’l hekk indikata Home Equity Release for Pensioners f’dawn l-aħħar sentejn?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara li f’Settembru tal-2019, ġew ippubblikati r-Regolamenti dwar l-Equity Release Financial Products, f’Ottubru tal-2019, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, li hija l- Awtorità kompetenti biex tissorvelja dawk l-entitajiet li qed joffru dan il-prodott lill-pensjonanti, ppublikat regoli dwar l-applikazzjoni li trid tiġi sottomessa mingħand il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji li jixtiequ jibdew joffru dan il-prodott. Dan ifisser li l-ebda istituzzjoni finanzjarja ma tista’ tibda toffri dan il-prodott jekk ma tkunx reġistrata mal-Awtorità. Apparti minn hekk, f’ Jannar ta’ din is-sena, l-Awtorità ħarġet ukoll sett ta’ regoli li jridu jkunu segwiti minn dawn l-istituzzjonijiet li qed joffru dan il-prodott fuq bażi kontinwa. Fil-ġimgħat li għaddew, l-Awtorità rċeviet applikazzjoni minn bank partikolari biex toffri dan il-prodott.

Persuni li għad iridu jirċievu one time grant

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm għad hemm persuni li għandhom jirċievu l-one time grant ta’ €35?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tat-Teżor bagħat iċ-ċekkijiet kollha fi Frar li għadda, liema ċekkijiet kienu jammontaw għal aktar minn 180,000. Li hemm hu, li fil-preżent, hemm madwar 2,300 talba, li jinkludu 1,700 cekk li fuqhom inhareg stop payment, għall-kjarifika fuq iċ-ċekk li nħareġ u li wara li jkunu ġew iċċertifikati l-fatti, l-applikanti jiġu nfurmati dwar l-eżitu tat-talba tagħhom.

NSO – persuni mċaħħda materjalment li huma residenti f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13513 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għaċ-ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni mċaħħda materjalment b'mod sever huma residenti f'Għawdex u kemm minn dawk imċaħħda materjalment huma residenti fil-gżira ta' Għawdex? Jista' jgħid kif dawn jikkumparaw mar-reġjuni l-oħra ta' Malta?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lil-Onor. Interpellant, li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, mhux f’pozizzjoni li jagħti ċifra għal persuni f’Għawdex li huma mċaħħda materjalment u dawk imċaħħda materjalment b’mod sever, peress li n-numru ta’ persuni unweighted fis-sample li jaqaw taħt dawn iż-żewġ kategoriji huwa inqas minn 20 u għalhekk statistikament il-figuri ma jkunux ta’ min jorbot fuqhom.

Fornitur ta’ Servizzi Fiduċjarji

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk s’issa f’Malta hawnx xi fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati (qualified trust service providers) a tenur tal-finijiet tar-Regolament tal-UE Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji? Jekk hawn, jista’ jgħid kemm huma u liema huma?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fornaturi ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati (qualified trust service providers), a tenur tal-finijiet tar-Regolament tal-UE Nru 910/2014, dwar l-identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji f’Malta huma tnejn: - Malta Electronic Certification Services Ltd. (propjetà ta’ Identity Malta Agency), li toffri ċertifikati kwalifikati ( qualified certificates ) għal firem eletroniċi kwalifikati ( qualified electronic signatures ) - eWitness Malta Ltd., li toffri servizzi ta’ preservazzjoni kwalifikati ( qualified preservation services ), għal firem eletroniċi kwalifikati ( qualified electronic signatures ), kif ukoll għal siġilli eletroniċi kwalifikati ( qualified electronic seals )