Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — sponsorships

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — investigazzjoni fuq manipulazzjoni ta’ Wikipedia page

Question

Fid-dawl tal-fatt li l-IP Address li ntuża biex fit-3 u s-6 ta' Ottubru 2019 ġiet immanipulata l-Wikipedia page tar-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tal-Ewropa Peter Omtzigt kien minn uffiċċju tal-Gvern, u li skont ir-regoli tad-Data Retention, tali informazzjoni tinżamm għal sitt xhur, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni? Jekk iva, minn liema uffiċċju saret din il-manipulazzjoni u x'passi ttieħdu? Jekk le, meta se ssir tali investigazzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Il-Fgura – tneħħija ta' arbli

Question

Jista’ l-Ministru jara li jitneħħew tliet arbli li tnejn minnhom jinsabu fi Triq il-Ġiżi, bejn Triq il-Liedna u Triq Ħaż-Żabbar, Fgura, u ieħor fi Triq il-Liedna kantuniera ma’ Triq il-Ġiżi, Fgura, li oriġinarjament saru b’mod temporanju minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni li issa ġie konkluż?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-arbli li saret referenza għalihom tneħħew mill-post indikat.

Kap. 552, Art. 61(20 — rapporti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11720 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, ir-rapporti li ngħatawlu s'issa skont l-Art. 61(2) tal-Kap. 552?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — safar, fuel u hospitality - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.

National Energy and Climate Plan 2020-2030

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11725 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-National Energy and Climate Plan 2020-2030 li ssemma fil-Budget Speech għall-2018?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-pjan jinsab fil-proċess tal-approvazzjoni.

Il-Mellieħa – Żona Xatt ta’ Santa Marija/Dawret it-Tunnara – xogħlijiet fuq sistema tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jindika fiex waslu u meta mistennija jitlestew ix-xogħlijiet relatati mas-sistema tad-drenaġġ fiż-żona magħrufa bħala x-Xatt ta’ Santa Marija/Dawret it-Tunnara fil-Mellieħa? Jista’ jindika jekk kienx hemm tibdil fuq kif u minn fejn oriġinarjament kellhom jgħaddu l-katusi fuq l-imsemmija żona?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li x-xogħol fix-Xatt ta’ Santa Marija/Dawret it-Tunnara fil-Mellieħa qabad rittmu tajjeb. Fil-fatt hemm 75% tal-proġett relatat max-xogħol tad-drenaġġ implimentat u mas-70% tal-proġett sħiħ li jinkludi ukoll ilma, pumping station u generator room lest ukoll. Minħabba imprevisti fl-implimentazzjoni bħal per eżempju l-pont li kellu jinbena mill-ġdid u imprevisti oħra, ix-xogħol ingħata estensjoni sal-aħħar ta’ Diċembru. Ma kien hemm l-ebda tibdil mir-rotta oriġinali tas-sistema tad-drenaġġ.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — nefqa fuq reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mit-3 ta’ Ġunju 2017 sa Novembru 2018 tinsab fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 7525. L-informazzjoni li tkopri l-bqija tal-perjodu mitlub hija skont is-segwenti tabella. Entita’/Dipartiment Ammont (eskl. VAT) WSC €680.17 EWA €440.26 DCS €437.64 Fir-Rigward tal-Enemalta plc u l-Enemed, l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali. Minħabba f’hekk l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpaniji.

Ministeru għall-Enerġija u Immanġġar tal-Ilma — credit cards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali fid-dekasteru tiegħu li għandhom credit card jew simili, maħruġa lilhom mill-Gvern ta’ Malta? Jista' jgħid kemm kien l-ammont minfuq fuq kull credit card fl-2018 u fl-2019?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniku uffiċjal fid-dekasteru tiegħi li għandu credit card maħruġa mill-Gvern ta’ Malta huwa s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru. L-ammont minfuq fl-2018 u fl-2019 kien hekk kif ġej: Sena 2018 - Travel - €1,374.00 - Hospitality - €496.85 Sena 2019 (S’ Ottubru) - Travel - €1,625.36 - Hospitality - Nil

Skemi tal-PV

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il skema għall-installazzjonijiet tal-PVs kien hemm fl-aħħar 11-il sena? Kemm kien hemm persuni li ffirmaw kuntratt mal-awtorità responsabbli f’kull skema u x’kien it-tul ta’ żmien (duration) tal-kuntratti taħt kull skema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li f’ dawn l-aħħar 11-il sena kien hemm 7 skemi għall-installazzjonijiet tal-PVs. Dettalji tal-ammont tal-persuni li bbenefikaw jinsabu fis-segwenti tabella flimkien mat-tariffa u ż-żmien marbut ma’ kull skema. Ta’ min jgħid li l-applikanti taħt l-iskema ma ffirmaw ebda kuntratt mal-awtorità responsabbli. Il-proċedura kienet u għadha tinvolvi applikazzjoni min-naħa tal-applikant u aċċettazzjoni jew rifjut ta’ dik l-applikazzjoni wara li jkun sar proċess ta’ verifika. It-termini u l-kondizzjonijiet huma regolati mil-liġi: Regolamenti Dwar Skema ta’ Tariffi Feed-In (Elettriku Ġenerat Minn Stallazzjonijiet Fotovoltajċi Tax-Xemx) - L.S.545.27. Skema Sena Numru ta’ Benefiċjarji Tariffa 2010 PV call 2 ERDF 2011 1,630 25c għal 8 snin 2010 PV call 2 ERDF 2012 29 25c għal 8 snin 2010 PV National 2011 3 25c għal 8 snin 2011 PV ERDF 2011 72 25c għal 8 snin 2011 PV ERDF 2012 2,926 25c għal 8 snin 2011 PV ERDF 2013 22 25c għal 8 snin 2011 PV ERDF 2014 1 25c għal 8 snin 2013 PV ERDF 2013 2,143 22c għal 6 snin 2013 PV ERDF 2014 5,989 22c għal 6 snin 2013 PV ERDF 2015 311 22c għal 6 snin 2015 PV ERDF 2015 2,230 16c5 għal 6 snin 2015 PV ERDF 2016 8 16c5 għal 6 snin 2016 PV ERDF 2016 375 16c5 għal 6 snin 2016 PV ERDF 2017 2679 16c5 għal 6 snin 2016 PV ERDF 2018 1868 16c5 għal 6 snin 2016 PV ERDF 2019 913 16c5 għal 6 snin 2019 PV 2019 116 16c5 għal 6 snin Il- feed-in tariffs m’humiex stabbiliti b’xi kuntratt bejn Enemalta u l-benifiċjarju, iżda huma regolati b’legiżlazzjoni. Dawn ġew introdotti għall-ewwel darba permezz tal-Avviż Legali Numru 422 tal-2010. Din il-Leġiżlazzjoni, u għalhekk il-kundizzjonijiet li jirregolaw dawn il- feed-in tariffs , kienu fil-fatt deċiżi mill-amministrazzjoni ta’ qabel l-2013. Ir-raba’ skeda ta’ din il-leġiżlazzjoni tistabilixxi li l-elettriku esportat lejn il- grid u mibjugħ lill-Enemalta wara li jiskadi l-perjodu li għalih kienet garantita l- feed-in tariff , jitħallas bil-prezz marġinali, li huwa daqs l-ispiża addizzjonali biex tiġi prodotta unita oħra tal-elettriku mill-Enemalta għas-sena partikolari kif approvat mir-Regulatur. Il- feed-in tariff u l-perjodu li għalih kienet garantita din it-tariffa taħt dan l-Avviż Legali kienet tali li tassigura li l-investitur jirkupra l-investiment tiegħu qabel jiskadi l-perjodu garantit u ferm qabel il-ħajja tal-investiment. Numru sostanzjali ta’ dawk li wasal biex jagħlqilhom il-perjodu garantit, ġew allokati tariffa bejn l-2010-2011 peress li din kienet garantita għal 8 snin. Huwa għalhekk mhux minnu dak li qed jingħad li l-Gvern preżenti jew l-Enemalta qegħdin jisirqu lil xi benefiċjarju li nstalla pannelli tax-xemx. Il-Ministeru bħalissa għaddej b’kampanja fuq il-midja lokali dwar dan. It-tariffa li qed jirċievu dawn il-benifiċjarji hija dik skont il-leġislazzjoni applikabbli fiż-żmien li ġew allokati l- feed-in tariffs u li kienet mgħarrfa lilhom waqt il-proċess tal-applikazzjoni. Tajjeb ngħidu wkoll li din il-Leġislazzjoni tassigura “ return on investment ” tajjeb għal kull min investa fil-pannelli. Liġijiet sussegwenti adottaw metodoloġija simili, filwaqt li wara l-2013 ingħatat il-possibilita li wieħed japplika għal feed-in tariff garantita għal 20 sena, sakemm ma jkunx irċieva xi għajnuna oħra. Kien għalhekk li dan il-Gvern offra aktar alternattivi lill-investituri tal-pannelli tax-xemx. Barra minn hekk, sa mill-2010, il-benefiċjarji ngħataw l-għażla bejn dik li jbiegħu l-elettriku kollu ġġenerat lill-Enemalta bil-prezz applikabbli, jew jikkonsmaw l-elettriku ġġenerat f’ħin reali, u jesportaw lejn il- grid dak iġġenerat żejjed. Konxju tal-iżviluppi teknoloġiċi f’dan is-settur f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern qed jara kif jistgħu jiġu mgħejjuna teknoloġiji ġodda, bħal batteriji integrati ma‘ sistemi fotovoltajċi biex jiġi massimizzat l-użu ta’ enerġija minn dawk id-djar li jkunu investew f’sistemi fotovoltajċi u b’hekk ikunu inċentivati aktar investimenti f’dan il-qasam.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet se jkunu qed isiru matul is-sena 2020 jew qegħdin isiru bħalissa ġewwa Għawdex mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha mibdijin, pendenti u ppjanati għas-sena d-dieħla ġewwa Għawdex huwa skont kif ġej: Xogħlijiet mibdijin - Bdil ta’ servizzi tal-ilma fi Triq Munxar ġewwa l-Munxar - Xogħol ġewwa is-sit ta’ Ħondoq fuq ir-RO il-ġdid - Xogħol fil- borehole ġewwa s-sit tal-MMU - Bdil ta’ servizzi tal-ilma u drenaġġ ġewwa Pjazza San Franġisk. Dan huwa proġett tal-Ministeru għall-Għawdex. Dalwaqt ser jinbeda xogħol ta’ bdil ta’ servizzi ta’ drenaġġ u ilma flimkien mal-Kunsilli u l-Ministeru għall-Għawdex fil-lokalitajiet ta: - Triq Sannat, Sannat - Triq Mġarr, Nadur - Triq Sant Antin, Għajnsielem - Menqa, Marsalforn Xogħlijiet proposti għas-sena 2020 - Tkomplija tar-RO ta’ Ħondoq - Bdil ta’ servizzi ta’ drenaġġ u ilma f’diversi lokalitajiet - Jitkompla x-xogħol fi triq ġewwa l-Għarb u San Lawrenz - Manutenzjoni ta’ kmamar ta’ diversi boreholes - Estensjonijiet tas-sistema ta’ New Water – ilma msaffi għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’.

Għawdex — Ta' Sannat – WSC – street art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li street art li saret mill-WSC, fejn fost affarijiet oħrajn kien hemm inkorporat fija speċi ta' funtana li kienet tinsab in-naħa ta' barra tal-bini tal-WSC li jinsab ġewwa Triq ta' Sannat fix-Xewkija Għawdex u li saret matul il-ġimgħat tas-Sajf 2019 , u li kienet bdiet titgawda mill-pubbliku, fl-aħħar ġranet ta' Settembru din l-istreet art flimkien ma’ speċi ta funtana inkorporata magħha, ma baqgħetx hemm iżda minflokha intefgħu ammont konsiderevoli ta' bricks tal-konkos u li issa dawn tneħħew u ma baqa xejn minn dak kollu li kien hemm qabel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li bħalissa qed issir manutenzjoni preventiva fil-post imsemmi.

Għasri Għawdex – Triq il-Fanal – xogħol f’għalqa mill-Water Services Corporation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ġranet, x'tip ta' xogħol kien qed isir mill-ħaddiema tal-Water Services Corporation ġewwa għalqa fi Triq il-Fanal ġewwa l-Għasri Għawdex u min ta l-awtorizzazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li waqt li l-Kunsill kien għaddej bi proġett ta’ kisi bit-tarmak ta’ Triq it-Tamar, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bidlet il-katusi tad-drenaġġ li mit-triq jgħaddu għal ġo l-għalqa imsemmija, fejn jingħaqdu mal-mina. Awtoriżazzjoni għall-aċċess ingħatat minn sid l-għalqa.

ARMS — Flus Miġbura minn Kontijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11656 u jgħid il-kumpanija ARMS kemm ġabret flus (somma totali) mill-kontijiet mill-2013 sal-ġurnata li titwieġeb din id-domanda maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid kemm għaddiet flus l-ARMS lil Water Services Corporation u lil EneMalta rispettivament sena b’sena (u sal-ġurnata li titwieġeb din id-domanda)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija skont is-segwenti tabella. Date Collections Transfers to Enemalta Transfers to Water Services Corporation Total Transfers 2011 € 386,633,259.50 € 325,866,739.90 € 56,970,804.53 € 382,837,544.43 2012 € 445,876,074.13 € 394,529,411.98 € 54,073,931.99 € 448,603,343.97 2013 € 424,260,394.15 € 359,971,632.22 € 69,365,924.89 € 429,337,557.11 2014 € 426,679,588.47 € 358,019,027.00 € 63,486,941.99 € 421,505,968.99 2015 € 435,453,729.63 € 373,158,182.85 € 66,277,919.15 € 439,436,102.00 2016 € 367,067,175.41 € 304,434,667.37 € 63,954,549.92 € 368,389,217.29 2017 € 396,702,711.98 € 328,888,802.82 € 65,498,827.26 € 394,387,630.08 2018 € 387,690,089.45 € 323,091,206.20 € 66,064,640.76 € 389,155,846.96 2019 till October € 321,622,821.91 € 260,988,307.28 € 57,271,351.47 € 318,259,658.75 Total € 2,759,476,511.00 € 2,308,551,825.74 € 451,920,155.44 € 2,760,471,981.18 Ta’ min wieħed jinnota li l-ammont ta’ flus li d-debituri kellhom jagħtu lill-ARMS fl-aħħar tas-sena 2014 kien ta’ €150 miljun. Sinifikanti ukoll fit-tnaqqis tal-flus miġbura mill-ARMS kien it-tnaqqis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’aktar minn 25% fl-2014.

ERL — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid id-deċiżjoni rigward ħaddiema tal-Engineering Resource Limited (ERL) u jekk għandhomx jingħataw il-permess li jkompli jaħdmu mal-istess kumpanija wara l-età ta’ 63 sena, hijiex kundizzjonata miċ-ċirkolari no. 09/2018 maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċirkolari numru 09/2018?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali deċiżjoni hija skont iċ-Ċirkolari OPM Nru 09/2018 u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta — faċilitajiet li saru data hubs

Question

B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma nhar il-5 ta' Diċembru 2017 bit-titlu ‘Il-Ministru Joe Mizzi jiltaqa’ ma’ Streamcast Technologies Inc.’ (PR172795 li hija aċċessibbli fl-indirizz https://www.gov.mt/en/Government/DOI/Press%20Releases/Pages/2017/December/05/pr172795.aspx) u li kopja tagħha qed tingħata separatament, jista' l-Ministru jgħid: a. Sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa tal-kumpanija Enemalta p.l.c. u/jew tal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma u tal-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sabiex il-faċilitajiet li jinsabu taħt l-art tal-kumpanija Enemalta p.l.c. fil-Marsa jiġu kkonvertiti f’ data hub kif ukoll kwalunkwe nefqa oħra relatata nklużi konsulenzi, ekwipaġġ tekniku, fibre-optic cables eċċ; b. Sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il kumpaniji oħra apparti dik li tissemma fl-istqarrija, bdew jikru u/jew iffirmaw ftehim sabiex jibdew joperaw mid- data hub li jinsab taħt l-art fil-faċilitajiet tal-kumpanija Enemalta p.l.c. fil-Marsa; c. B'referenza għall-kumpanija estera li hija msemmija fl-istqarrija, jekk fil-fatt hijiex il-kumpanija fil-grupp li għandha l-istess isem li ffirmat ftehim mal-kumpanija Enemalta p.l.c. u/jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu; d. B'referenza għall-kumpanija estera li hija msemmija fl-istqarrija u/jew l-kumpanija fl-istess grupp li ffirmat l-ftehim mal-kumpanija Enemalta p.l.c., kemm kien l-investiment totali ta’ din il-kumpanija sal-lum; e. B'referenza għall-kumpanija estera li hija msemmija fl-istqarrija, kemm ħallset kera s’issa u jekk din il-kumpanija estera għandhiex arretrati u/jew dejn mal-kumpanija Enemalta p.l.c. u/jew mal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma u mal-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu; u f. B'referenza għall-kumpanija estera li hija msemmija fl-istqarrija, x'tip ta' due diligence sar dwar din il-kumpanija u dwar is-sidien tagħha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Novembru tas-sena 2017, bil-kollaborazzjoni tal-Malta Enterprise, Enemalta plc. iffirmat Memorandum of Understanding ma Streamcast Technologies Inc. għall-iżvilupp ta’ data centre globali f’Malta. Sussegwentament ġie ffirmat ftehim ma sussidjarja lokali bl-isem ta’ Streamcast Limited li ra l-iżvilupp tal-ewwel fażi tal-proġett li kien imniedi f’April tas-sena 2018. Minħabba li l-iżvilupp ta’ dan in-negozju għadu fil-bidu tiegħu, l-Enemalta qed timxi b’kawtela u s’issa dan huwa l-unika klijent li qed jopera mis-sit tal-Enemalta fil-Marsa. Kif kien diġa rrapurtat fil-media lokali l-investiment inizjali li għamlet il-kumpanija kien ta’ madwar 5 miljun ewro u l-proċedura ta’ due diligence li normalment issir mill-Malta Enterprise saret ukoll f’dan il-każ. Kull informazzjoni oħra mitluba hija meqjusa bħala kummerċjalment sensittiva.

Ministeru għall-Enerġija u Immanġġar tal-Ilma — servizz ta' kumpanija għal microtargeting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu użatx is-servizzi tad-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal microtargeting mill-2013 sal-lum? Jekk iva, meta u għalxiex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-ebda entita’ ma għamlet użu mis-servizzi ta’ din il-kumpanija għal microtargeting mill-2013 sal-lum.

Enemalta – vapuri fil-Port il-Kbir — enerġija elettrika shore to ship

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11269, jista' l-Ministru jgħid min huma t-terzi partijiet li eventwalment se jkunu qed jipprovdi enerġija elettrika shore-to-ship lill-vapuri li jidħlu u jankraw fil-Port il-Kbir?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

ARMS – flus miġbura minn kontijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-kumpanija ARMS kemm ġabret flus (somma totali) mill-kontijiet mill-2013 sal-ġurnata li titwieġeb din id-domanda maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid kemm għaddiet flus l-ARMS lil Water Services Corporation u lil EneMalta rispettivament sena b’sena (u sal-ġurnata li titwieġeb din id-domanda)?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Flus mgħoddija minn Enemalta lill-Electrogas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għaddiet flus (somma totali) l-Enemalta lill-kumpanija Electrogas mill-bidu tal-Kuntratt sal-ġurnata li titwieġeb din d-domanda maqsuma sena b’sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għall-kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.