Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xgħajra – Triq ix-Xatt (Żona tal-Milord) — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru jew huma previsti li jsiru fi Triq ix-Xatt, fix-Xgħajra, fil-parti magħrufa aħjar bħala Tal-Milord?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Estensjoni ta’ konċessjoni enfitewtika

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim iffirmat bejn il-Gvern Malti u s-Sovereign Military Order of Malta (SMOM) għal estensjoni tal-konċessjoni enfitewtika tal-binja ta' St John’s Cavalier biex din tintuża bħala l-ambaxxata tal-istess Ordni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda ftehim għadu ma ġie iffirmat bejn il-Gvern Malti u s-Sovereign Military Order of Malta (SMOM) għal estensjoni tal-konċessjoni enfitewtika tal-binja ta' St John’s Cavalier.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — rata ta’ pagi lill-ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet ir-rata tal-paga fis-siegħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol imħallsa lill-ħaddiema kollha (elenkati skont ix-xogħol jew kif ġew ippubblikati l-offerti) li huma impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u jipprovdu servizz għall-Ministeru u l-awtoritajiet kollha, entitajiet tal-Gvern u kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 10188 tas-Seduta 139.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet – Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders u kemm kien l-ammont totali tal-valur tagħhom, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul l-2022, xahar b'xahar?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — persuni li għandhom car allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom car allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba numru 9592, ninformah li hemm seba’ persuni mal-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u tmien persuni mas-Segretarju Parlamentari li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti mill-kuntratt tagħhom, għax huma parti jew jaħdmu mas-Segretarjat.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Rwol ta' Individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individw, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, huwiex membru fuq bord li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru/Segretarju Parlamentari? Jekk iva, liema hu l-bord, x’inhu r-rwol ta’ dan l-individwu, x’inhuma l-kwalifiki li għandu biex ikun fuq il-bord imsemmi u kemm qed jitħallas fis-sena biex ikun fuq dan il-bord?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu, li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, mhuwiex membru fuq bord li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru/Segretarju Parlamentari.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari jgħid jekk l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, huwiex membru fuq bord li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru/Segretarju Parlamentari? Jekk iva, liema hu l-bord, x’inhu r-rwol ta’ dan l-individwu, x’inhuma l-kwalifiki li għandu biex ikun fuq il-bord imsemmi u kemm qed jitħallas fis-sena biex ikun fuq dan il-bord?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 9805.

Setturi ġodda fl-ekonomija

Question

Fid-dawl dak li qal il-Ministru tal-Finanzi dwar il-politika ekonomika tal-Gvern u ż-żieda fil-popolazzjoni, jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex jattira setturi ġodda fl-ekonomija tagħna matul is-snin li ġejjin? Jista' jindika liema huma dawn is-setturi l-ġodda?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-viżjoni ekonomika għal dawn l-għaxar snin ġiet imnedija f’Ġunju tal-2021. Din l-istrateġija; Malta’s Economical vision 2021-2023; A future proof Malta, tista’ titniżżel mis-sit tal-MIMCOL.

Industry verticals

Question

Fid-dawl ta’ dak li qal il-Ministru tal-Finanzi dwar il-politika ekonomika tal-Gvern u ż-żieda fil-popolazzjoni, jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex jinvesti f’industry verticals eżistenti? Jista' jindika x’tip ta’ investiment se jkun qed isir?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10283.

Għar Lapsi — pavimentar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti istruzzjoni lil Infrastructure Malta biex tneħħi t-tarmak li tpoġġa fin-niżla ta’ Għar Lapsi u minflok tagħmel pavimentar addattat għall-ambjent bħalma wieħed jistenna?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet – entitajiet li joperaw minn binjiet bil-kera

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8910 u jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li joperaw minn binjiet li huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll liema binjiet huma, meta bdew jinkrew, kemm hi l-kirja kull sena u meta tagħlaq tali kirja?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 9450.

Iffirmar ta’ kuntratt ta’ bejgħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat il-kuntratt ta’ bejgħ konness ma’ Tender Nru 8 li ħarġet l-Awtorità tal-Artijiet aktar kmieni din is-sena, u f’każ li ġie ffirmat jgħid id-data meta ġie ffirmat, bejn min, u jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

B’referenza għall- PQ 10254, il-Ministru jinforma lill-Onor. Interpellant illi l-imsemmi Tender Nru 8 tal-2023 kien ġie diskuss darbtejn fil-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet fid-dati 13/09/22 u 10/01/23, f’liema okkażjonijiet, bħala membru ta’ l-istess Bord, l-Onor. Interpellant kienet ivvutat favur dan it-tender, u dan kif diga spjegat ampjament fil-Kamra tad-Deputati. Rigward il-kuntratt, dan ġie nsinwat fl-20 ta Gunju 2023 u jiġi ppublikat fir-reġistru pubbliku bħal kull kuntratt ieħor ta` trasferiment tal-propjetà.

INDIS Malta – dipartiment għaż-żamma ta’ żoni industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fi ħdan l-INDIS Malta ġiex imwaqqaf dipartiment jew taqsima ġdida speċifikament immirata biex tieħu ħsieb il-ħarsien, manutenzjoni u s-sigurtà f’żoni industrijali? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm impjegati assenjati fi ħdan dan id-dipartiment jew taqsima, l-irwoli speċifiċi tagħhom, min hu/hi l-Kap ta’ dan id-dipartiment jew taqsima, u jagħti lista ta’ fejn huma reġistrati li joqogħdu l-impjegati f’dan id-dipartment jew taqsima, inklużi dawk li qed imexxu dan id-dipartiment jew taqsima?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żamma ta’ żoni industrijali li hi nkarigata minnhom INDIS hi parti integrali mill-funzjoni u l-operat tagħha sa minn meta twaqqfet fl-2004. L-Estates Facilities and Management Unit li jaqa’ taħt ir-responsabbilta ta’ Chief Business Developer hu l-Unit li jiddedika l-ħidma tiegħu, fost ħidma oħra, għaż-żamma ta’ dawn iż-żoni.

Kottonera — ftuħ ta' mina

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10120 fejn il-Ministru wieġeb biex nagħmel din il-mistoqsija lilll-Ministru kkonċernat, peress li jien informat li tali proprjetà hija responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, jista' l-Ministru jgħid jekk tali talba tistax tiġi milqugħa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tiġġestixxi l-użu tal-Art u ma tiddeċidix fuq dan it-tip ta’ proġetti. Naħseb għandha terġa' tiġi riferita lill-Ministru kkonċernat.

Artijiet li ġew meħuda mill-Gvern

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9360 tad-19 ta' Ġunju 2023, jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex ma jistax iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-area, il-valur ta' kumpens dovut u l-lokalità ta' artijiet li ġew meħuda mill-Gvern mill-1990 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u li għadhom ma ġewx ikkumpensati b'mod sħiħ u jgħid x'inhu l-book value li l-Gvern qiegħed juża għal finijiet tal-kontijiet pubbliċi u ċjoè l-ammont li potenzjalment il-Gvern se jkun qed iħallas?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandi xejn xi nżid mal-PQ 9360.

Ftehim dwar l-art fejn inbniet il-Lukanda Jerma

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9980 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull ftehim li l-Gvern Malti kien għamel ma’ investituri barranin bejn l-1970 u l-1990 dwar l-art fejn inbniet il-Lukanda Jerma?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Indis Malta — Deputy Chief Executive Officer - kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa l-individwu li ngħata l-kariga ta’ Deputy Chief Executive Officer fi ħdan INDIS Malta b’pakkett finanzjarju li jammonta għal €101,000? Jista’ jikkonferma jekk dan l-istess individwu jokkupax ukoll xi karigi oħra fi ħdan l-istess Ministeru, aġenziji, kumpaniji jew fondazzjonijiet li jaqgħu taħtu u jgħid x’inhi r-remunerazzjoni li qed jieħu f’dawn l-irwoli?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li d-Deputy Chief Executive Officer ta’ INDIS Malta hu s-Sur Francois Piccione. Is-Sur Piccione għandu MBA mill-Universita’ ta’ Derby u hu wkoll iggradwat mill-Universita’ ta’ Malta fix-Xjenza, Business u Computing. Huwa wkoll iċċertifikat fil-Project Management. Id-Deputy CEO ta’ INDIS Malta għandu pakkett finanzjarju li jibda minn Eur 72,500 u jista’ attwalment jitla’ sa massimu ta’ Eur 97,975, dipendenti fuq il-performance tieghu. Is-Sur Piccione temporanjament iservi wkoll bħala Chairperson tal-Malta Crafts Foundation, għal liema pożizzjoni hu ma jirċievi l-ebda forma ta’ renumerazzjoni jew benefiċċju ieħor addizzjonali.

Sidien ta’ art

Question

B’referenza għall-porzjon ta’ art indikata bl-aħmar fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament, jista’ l-Ministru jispeċifika min huma s-sidien ta' din l-art (inkluż jekk hemmx proprjetà tal-Gvern) u jgħid liema porzjon ta’ art hija proprjetà tas-sidien rispettivi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.