Skejjel tal-Istat – Deputy Heads of School – Postijiet vakanti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Deputy Heads of Schools neqsin jew postijiet vakanti fl-iskejjel tal-Istat sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li sal-ġurnata li fiha ġiet imwieġba din il-mistoqsija parlamentari kien hemm għoxrin (20) post għal Deputati Kapijiet tal-Iskejjel li l-proċess ta' ingaġġat huwa għaddej u ġie mtawwal minħabba proċess tal-appell.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skrivani neqsin jew postijiet vakanti fl-iskejjel tal-Istat sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistaqsija parlamentari hemm wieħed u għoxrin (21) postijiet għal-skrivani fl-iskejjel tal-Istat li ħerġin is-sejħiet ghalihom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema neqsin jew postijiet vakanti għall-għalliema fl-iskejjel tal-Istat sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fis-settur Primarju m’hemm ebda klassi mingħajr għalliem. Dan għaliex il-postijiet vakanti, li sal-lum huma 9, huma kollha marbuta ma’ servizzi peripatetiċi. Dawn l-edukaturi ma għandhomx klassi permanenti tagħhom, iżda jżuru diversi skejjel matul il-ġimgħa. In-numru ta’ postijiet vakanti jinbidel kontinwament matul is-sena skolastika, skont il-ħtiġijiet tal-iskejjel, u l-Ministeru qed ikompli bil-proċessi ta’ reklutaġġ biex dawn il-postijiet jimtlew mill-aktar fis possibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm LSEs neqsin jew postijiet vakanti fl-iskejjel tal-Istat sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għan tal-Ministeru hu li jkun ta’ appoġġ lill-istudenti u huwa għalhekk li l-proċess ta’ reklutaġġ għall-LSEs u s-SLSEs jibqa’ attiv u għaddej b’mod kontinwu.
L-Edukaturi ta’ Appoġġ fit-Tagħlim (LSEs) kollha li għaddew mill-proċess tal-għażla ġew impjegati għal din is-sena skolastika. Fil-fatt il-popolazzjoni ta’ LSEs u SLSEs llum qed tħallaq it-total ta’ 3,109. Barra minn hekk fis-snin riċenti, il-kundizzjonijiet ta’ min jokkupa dawn ir-rwoli tjiebu wkoll.
Il-Ministeru jaċċetta applikazzjonijiet fuq bażi kontinwa, u jikkuntattja lill-kandidati li japplikaw għal intervista malajr kemm jista’ jkun. L-intervisti jsiru matul is-sena kollha biex il-ħtiġijiet jiġu indirizzati fil-pront, u l-istudenti jirċievu l-appoġġ meħtieġ mingħajr dewmien żejjed.
Studenti Għawdxin – Lectures – Sistemi ta’ video conferencing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex studenti Għawdxin li jattendu l-Università ta’ Malta u l-MCAST ikunu jistgħu jsegwu lectures mill-kampus rispettivi tagħhom f’Għawdex permezz ta’ sistemi ta’ video conferencing, f’dawk il-każijiet fejn, għal raġunijiet validi, ma jkunx possibbli għalihom li jattendu fiżikament Malta? Jista’ jgħid ukoll x’investiment sar f’dan il-qasam, kemm f’termini ta’ infrastruttura teknoloġika u riżorsi meħtieġa sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jekk hemmx pjanijiet għal aktar investiment sabiex jiġi ffaċilitat dan is-servizz għall-istudenti Għawdxin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li matul is-sena akkademika li għaddiet, l-MCAST għamel arranġamenti biex jakkomoda lill-istudenti Għawdxin meta, minħabba maltemp qawwi, ma setgħux jivvjaġġaw lejn Malta. Fejn kien possibbli, intużaw pjattaformi diġitali għal tagħlim mill-bogħod, għalkemm lezzjonijiet prattiċi, laboratorji u workshops baqgħu jeħtieġu preżenza fiżika. L-MCAST ser ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura teknoloġika u l-appoġġ lill-istudenti Għawdxin, filwaqt li l-Kampus t’Għawdex diġà joffri programmi f’diversi oqsma.
Infurmat li L-Università ta’ Malta investiet fir-restawr tal-Kampus t’Għawdex u fi Study Area li tibqa’ miftuħa sa filgħaxija. Bl-approvazzjoni tal-lettur u għal raġuni valida, l-istudenti jistgħu jsegwu lezzjonijiet mill-bogħod minn din iż-żona jew mid-dar meta ma jkunux jistgħu jattendu fiżikament.
Skejjel - Kampanji dwar stili ta' ħajja b'saħħitha
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux kampanji dwar stili ta' ħajja b'saħħitha fl-iskejjel?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport jippromwovi stili ta’ ħajja b’saħħithom fl-iskejjel permezz ta’ approċċ komprensiv li jintegra l-kurrikulu, il-politiki nazzjonali, il-programmi edukattivi u l-kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet. Din il-ħidma hija implimentata b’mod kontinwu matul is-sena skolastika kollha.
F’dan il-kuntest, id-Direttorati u ċ-Ċentri fi ħdan il-Ministeru jikkoordinaw u jimplimentaw inizjattivi relatati man-nutrizzjoni, il-benesseri, l-attività fiżika u stili ta’ ħajja sana, kemm permezz tal-kurrikulu kif ukoll permezz ta’ attivitajiet u riżorsi edukattivi. Fl-istess ħin, tingħata importanza lill-iżvilupp professjonali tal-edukaturi u lill-kollaborazzjoni ma’ diversi msieħba sabiex dawn il-prinċipji jiġu integrati fil-prattika edukattiva.
Il-Ministeru ser ikompli jsaħħaħ dawn l-isforzi biex jippromwovi l-benesseri u l-iżvilupp ħolistiku tal-istudenti bħala parti integrali mill-esperjenza edukattiva tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux programmi relatati mas-saħħa mentali fl-iskejjel?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fl-iskejjel tal-Istat jeżistu diversi programmi, servizzi u inizjattivi mmirati biex jippromwovu s-saħħa mentali, il-benesseri emozzjonali u l-iżvilupp soċjo-emozzjonali tal-istudenti, filwaqt li jrawmu ambjent skolastiku sigur, inklużiv u ta' appoġġ.
Fost dawn hemm is-servizzi ta' counselling, social work u professjonisti psikosoċjali, li jipprovdu appoġġ lill-istudenti u lill-familji tagħhom skont il-ħtiġijiet individwali. Barra minn hekk, permezz tas-suġġett
Personal, Social and Career Development (PSCD)
, l-istudenti jiżviluppaw ħiliet relatati mar-reżiljenza, ir-regolazzjoni tal-emozzjonijiet, ir-relazzjonijiet b'saħħithom, il-ġestjoni tal-istress u l-promozzjoni ta' saħħa mentali pożittiva.
Fuq livell ta' kulleġġi u skejjel, jiġu organizzati wkoll inizjattivi u programmi ta' sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa mentali, kif ukoll taħriġ u interventi mmirati għal gruppi differenti ta' etajiet, skont il-ħtiġijiet tal-komunità skolastika.
Infurmat ukoll li d-Direttorat għall-Wellbeing Services jipprovdi firxa ta' servizzi preventivi u ta' intervent bikri, inkluż appoġġ f'każijiet ta' diffikultajiet emozzjonali, ta' mġiba jew ta' relazzjonijiet, kif ukoll interventi relatati mal-bullying u ċ-cyberbullying. Dawn is-servizzi jitwasslu f'kollaborazzjoni mal-edukaturi, il-ġenituri u professjonisti oħra, bil-għan li jissaħħaħ il-benesseri tal-istudenti u tiġi promossa kultura ta' prevenzjoni, rispett u inklużjoni fl-iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid liema Ministeri, dipartimenti, entitajiet pubbliċi jew organizzazzjonijiet ikkollaboraw fit-twettiq tal-kampanji edukattivi, programmi ta' għarfien u inizjattivi li twettqu fl-iskejjel mill-2010 jew mill-ewwel sena li għaliha hija disponibbli d-data, sal-aktar data reċenti disponibbli?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-kampanji edukattivi, il-programmi ta' għarfien u l-inizjattivi li twettqu fl-iskejjel ġew implimentati b'kollaborazzjoni ma' diversi ministeri, dipartimenti, direttorati, entitajiet pubbliċi, istituzzjonijiet edukattivi, organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, kif ukoll ma' skejjel u partijiet interessati oħra, skont in-natura tal-inizjattiva.
Fost oħrajn kien hemm kollaborazzjoni mal-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA), il-Malta Digital Innovation Authority (MDIA), Tech.mt, Safer Internet Centre Malta, l-Università ta' Malta, il-European School Education Platform / eTwinning, NGOs u rappreżentanti tal-industrija. Dawn is-sħubijiet appoġġjaw inizjattivi relatati mal-litteriżmu diġitali, is-sigurtà online u l-użu responsabbli tat-teknoloġija fl-edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu s-suġġetti indirizzati minn kampanji edukattivi, programmi ta' għarfien u inizjattivi li twettqu fl-iskejjel mill-2010 jew mill-ewwel sena li għaliha hija disponibbli d-data, sal-aktar data reċenti disponibbli?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li mill-2010 sal-aktar data riċenti disponibbli, il-kampanji edukattivi huma, il-programmi ta' għarfien u l-inizjattivi li twettqu fl-iskejjel indirizzaw firxa wiesgħa ta' suġġetti relatati mal-benesseri, is-saħħa, is-sigurtà, iċ-ċittadinanza, l-ambjent, il-litteriżmu diġitali u ħiliet oħra essenzjali, skont il-prijoritajiet edukattivi ta' kull sena.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kampanji edukattivi, programmi ta' għarfien u inizjattivi li twettqu fl-iskejjel mill-2010 jew mill-ewwel sena li għaliha hija disponibbli d-data, sal-aktar data reċenti disponibbli?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li matul is-snin twettqu diversi kampanji edukattivi, programmi ta' għarfien u inizjattivi fl-iskejjel li indirizzaw suġġetti relatati mal-litteriżmu diġitali, iċ-ċittadinanza diġitali, is-sigurtà online, il-ħsieb komputazzjonali, il-kodifikazzjoni (coding), il-media literacy, l-użu responsabbli tat-teknoloġija u temi oħra relatati mal-edukazzjoni diġitali. Twettqu wkoll diversi kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar l-assessjar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux proċeduri, protokolli jew linji gwida fis-seħħ għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-bullying u ċ-cyberbullying fl-iskejjel? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport għandu fis-seħħ diversi proċeduri, protokolli u linji gwida li jirregolaw il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-bullying u ċ-cyberbullying fl-iskejjel. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, il-politika kontra l-bullying, il-proċeduri ta’ rappurtar u intervent, il-linji gwida għall-edukaturi u t-tmexxija tal-iskejjel, kif ukoll miżuri ta’ prevenzjoni permezz ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni u edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza diġitali u l-użu responsabbli tat-teknoloġija.
Tax Rate for Income from Sports Activities – Investigazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi investigazzjoni mill-Kummissarju għat-Taxxi Interni fuq xi tip ta’ abbuż rigward Tax Rate for Income from Sports Activities u jekk iva, fuq liema dixxiplina saret din l-investigazzjoni?
Individwu – Allegazzjonijiet – Rapport lill-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux informazzjoni dwar rapport li allegatament tressaq lill-Pulizija b’rabta mal-allegazzjonijiet tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk iva, jista’ jindika meta tressaq ir-rapport, liema awtorità ġiet infurmata u jekk il-Ministeru tiegħu rċeviex xi komunikazzjoni uffiċjali dwar il-każ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 3475.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) bdietx investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar allegat indħil politiku u pressjoni esterna fuq it-tim nazzjonali tal-waterpolo? Jekk iva, jista’ jgħid f’liema data bdiet, min qed imexxiha, x’inhu t-terminu mistenni għall-konklużjoni tagħha u jekk hux se jiġi ppubblikat rapport finali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 3475.
Individwu – Allegazzjonijiet – Investigazzjoni indipendenti
Question
Fid-dawl tas-serjetà tal-allegazzjonijiet li saru mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, dwar allegat indħil politiku, pressjoni fuq uffiċjali sportivi u żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni kunfidenzjali, jista’ l-Ministru jgħid jekk ħax xi passi sabiex issir investigazzjoni indipendenti dwar dawn l-allegazzjonijiet u jekk le, huwa lest li jieħu l-passi meħtieġa sabiex tinbeda tali investigazzjoni? Jekk m’huwiex lest li jieħu dawn il-passi, jista’ jgħid għaliex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 3475.
Fid-dawl tal-allegazzjonijiet li saru pubbliċi dwar persuni b’influwenza politika li allegatament ippruvaw jagħmlu ħsara lit-tim nazzjonali tal-waterpolo, jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx min huma l-persuni li għalihom kien qed jirreferi l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jekk xi wieħed minn dawn il-persuni jokkupax kariga pubblika?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 3475.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie infurmat, minn min u x’azzjoni ħa dwar l-allegazzjonijiet li għamel l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar allegat indħil politiku fl-isport Malti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-Onorevoli Interpellant għandu jagħmel l-almu tiegħu biex ma jdaħħalx il-politika partiġjana fl-isport. Qed nirreferi kemm għall-mistoqsija parlamentari, kif ukoll għall-istqarrija li ħareġ l-Onorevoli Membru nhar it-18 ta' Ottubru 2026. F'din l-istqarrija, fost l-oħrajn, intqal: "Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jistaqsi lill-Gvern: Min huma l-politiċi li għalihom irrefera Ćirović?" L-istess stqarrija kompliet tistaqsi: "Kien hemm xi ndħil politiku fil-każi li semma dan il-kowċ u fil-mod kif l-informazzjoni waslet għand il-media?"
Ironikament, l-għada stess, l-istess min għamel l-istorja fil-midja tal-Partit Nazzjonalista ddikjarat li ma kinitx qed tirreferi għal ministri jew għal politiċi eletti. Jekk l-Onorevoli Membru jixtieq kopja ta' dawn id-dikjarazzjonijiet, inkun aktar minn dispost li ngħaddihomlu jew inqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra. Huwa ta' dispjaċir li l-Onorevoli Membru għaġġel jagħmel tiegħu dak li ntqal mill-midja tal-partit tiegħu stess, verżjoni li wara nbidlet u li minnha mbagħad tneħħiet ir-referenza għall-politiċi.
Rigward l-istejjer li jidhru fil-midja, għalkemm għandi l-ħsibijiet tiegħi dwarhom, nispera li l-Onorevoli Membru ma jistenniex li l-Ministru jew il-Gvern jinvestigaw lill-ġurnalisti u jobbligawhom jiżvelaw is-sorsi tagħhom.
L-isport akkwatiku, flimkien mal-isport kollu, se jibqa' jsib l-appoġġ sħiħ tiegħi, tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport u tal-Gvern Malti. Fl-istess waqt, jekk l-awtoritajiet investigattivi jħossu l-ħtieġa li jinvestigaw, ma għandhomx bżonn il-permess tal-Ministru biex jagħmlu dan. L-Onorevoli Membru jaf tajjeb li dawn l-awtoritajiet jaħdmu b'mod awtonomu mill-Ministru u l-Ministru mhux involut f'dawn l-investigazzjonijiet. Finalment, tajjeb li l-Onorevoli membru jagħraf l-awtonomija tal-Assoċjazzjonijiet sportivi inkluż tal-Aquatic Sports Association li fiha għandi kull rispett u fiduċja.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1613 dwar pannelli solari installati fuq skejjel u binjiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni b'mod separat għal kull binja u jgħid ukoll meta saret l-installazzjoni għal kull waħda?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 1613.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika annwali li turi n-numru ta' każijiet ta' cyberbullying irrapportati fl-iskejjel mill-ewwel sena li għaliha hija disponibbli d-data, sal-aktar data reċenti disponibbli? Jista' jgħid ukoll jekk din l-istatistika tinkludix biss skejjel tal-Istat jew ukoll skejjel tal-Knisja u skejjel Indipendenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Hawn taħt hija t-tabella bin-numru ta’ każijiet ta’ Cyberbullying li daħlu għand is-servizz ta’ kontra l-Ibbuljar bejn is-sena 2020 u s-sena 2025. Dan in-numru jirrifletti r-rapporti li daħlu għand is-servizz. Każijiet oħrajn jista’ jkun li ġew rapurtati dirett lill-pulizija jew ġew indirizzati mill-iskola partikolari. Mis-sena 2022 ‘l hawn rapporti mill-iskejjel tal-knisja ma baqgħux jidħlu għand is-servizz tal-istat imma għand servizzi mwaqqfa mis-Segretarjat tal-iskejjel tal-knisja stess. Fir-rigward tal-iskejjel indipendenti l-każijiet kienu ta’ natura differenti u mhux ta’ cyberbullying.
Cyberbullying
Sena
Każijiet rapurtati
Stat / Knisja / Indipendenti
2020
37
Stat / Knisja / Indipendenti
2021
30
Stat / Indipendenti
2022
16
Stat
2023
25
Stat
2024
23
Stat
2025
37
Stat
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika annwali li turi n-numru ta' każijiet ta' bullying irrapportati fl-iskejjel mill-2010, jew mill-ewwel sena li għaliha hija disponibbli d-data, sal-aktar data reċenti disponibbli? Jista' jgħid ukoll jekk din l-istatistika tinkludix biss skejjel tal-Istat jew ukoll skejjel tal-Knisja u skejjel Indipendenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Hawn taħt hija t-tabella bin-numru ta’ każijiet li daħlu għand is-servizz ta’ kontra l-Ibbuljar bejn is-sena 2012 u s-sena 2025. Dan in-numru jirrifletti r-rapporti li daħlu għand is-servizz. Każijiet oħrajn jista’ jkun li ġew rapurtati dirett lill-pulizija jew ġew indirizzati mill-iskola partikolari. Mis-sena 2022 ‘l hawn rapporti mill-iskejjel tal-knisja ma baqgħux jidħlu għand is-servizz tal-istat imma għand servizzi mwaqqfa mis-Segretarjat tal-iskejjel tal-knisja stess.
Sena
Każijiet rapurtati
Stat / Knisja / Indipendenti
2012
223
Stat / Knisja / Indipendenti
2013
254
Stat / Knisja / Indipendenti
2014
280
Stat / Knisja / Indipendenti
2015
290
Stat / Knisja / Indipendenti
2016
390
Stat / Knisja / Indipendenti
2017
468
Stat / Knisja / Indipendenti
2018
566
Stat / Knisja / Indipendenti
2019
527
Stat / Knisja / Indipendenti
2020
247
Stat / Knisja / Indipendenti
2021
366
Stat / Knisja / Indipendenti
2022
501
Stat / Indipendenti
2023
499
Stat / Indipendenti
2024
531
Stat / Indipendenti
2025
627
Stat / Indipendenti