Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #15034 Sitting 338 2020-06-02 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – lista ta’ konsulenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14863, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti kollha mingħajr ebda esklużjoni, inkluż il-konsulenti kollha li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru tiegħu inkluż tas-Segretarju Parlamentari, is-Segretarju Permanenti, id-Direttorati, il-bordijiet, il-kunsilli u l-awtoritajiet? Jista’ jagħti l-lista ta’ kull persuna li qiegħda taħt xi forma ta’ kuntratt ta’ xogħol simili bħal konsulenza, contract of service u contract for service? Għal kull wieħed minn dawn jista’ l-Ministru jgħid min huwa l-persuna, x’esperjenza u kwalifiċi relatati għandu, dwar xiex qed jagħti konsulenza, f’liema entità qed jagħti konsulenza, x’salarju, perkaċċi u kundizzjonijiet għandha dik il-persuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Gainfully Employed

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistqosija parlamentari 14881, jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-gainfully employed fl-aħħar ta' April 2020?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14881, l-aħħar informazzjoni uffiċjali ta’ persuni gainfully employed hija ta’ Novembru 2019 u għaldaqstant ic-ċifra ta’ gainfully occupied fl-aħħar ta’ April 2020 mhux disponibbli.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — persuni impjegati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14316 u jagħti lista tal-karigi/pożizzjonijiet kollha li fid-data tal-lum fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid: a. Kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi, fil-kariga/pożizzjoni rispettiva? b. X’inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi/pożizzjonijiet rispettivi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #14923 Sitting 337 2020-06-01 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skola Nazzjonali tal-Isport – assessjar għall-dħul tal-istudenti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14494 fejn il-Ministru kkonferma li għad-dħul tal-istudenti fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS), il-Gvern ma ħassx li għandu joqgħod fuq assessjar kif sar għall-istudenti l-oħra inkluż dawk fi transizzjoni għas-6th form u b’referenza għall-Konferenza Stampa tal-Ministru li fiha indika li d-deċiżjoni li xorta jsiru dawn l-eżamijiet kienet tal-Iskola Nazzjonali tal-Isports u l-istqarrija tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport li tavża li l-amministrazzjoni tal-iskola ‘m’għandha x’taqsam xejn mal-assessjar u mal-metodu ta’ kif jidħlu l-istudenti’’, jista’ l-Ministru jiċċara min ħa d-deċiżjoni li xorta jsiru l-eżamijiet? Min ta dawn il-pariri? Jista’ jgħid ukoll meta saret il-konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa qabel ġie deċiż li jsiru dawn l-eżamijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni ttieħdet b’mod konġunt bejn id-Diretturi Ġenerali tal-Edukazzjoni, l-iskola Nazzjonali tal-Isport u l-Bord tal-Għażla. Dan sar wara diskussjoni twila dwar x’possibiltajiet kien hemm li ssir għażla li tkun ġusta mal-istudenti kollha li japplikaw. Il-MEDE ser ikun qiegħed isegwi kull direzzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa dwar kif għandhom jiġu amministrati dawn l-eżamijiet, kif se jsir ukoll għall-eżamijiet kollha l-oħra, inkluż tas-SEC u l-MATSEC, li se jsiru fl-istess żmien.
Leg 13 PQ #14924 Sitting 337 2020-06-01 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti li ma humiex eleġibbli għall-benefiċċju tal-COVID-19

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14045 fejn il-Ministru informa lil din il-Kamra li qed janalizza attivament is-sitwazzjoni ta’ inġustizzja li studenti li kienu wkoll jaħdmu part-time u jħallsu l-NI bħal kull ħaddiem ieħor, ma humiex eleġibbli għall-benefiċċji tal-COVID-19 skont il-kriterji tal-gvern, jista’ l-Ministru jgħid jekk iħossx li wasalx iż-żmien ta’ soluzzjoni ġusta u ekwa u bla dewmien li wiegħed?

Response (BONNICI, OWEN)

Se jkun hemm il-pronunzjamenti opportuni.
Leg 13 PQ #14925 Sitting 337 2020-06-01 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Kinder 2 – Class Support

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet il-ħidma dwar l-introduzzjoni tal-Class Support fil-Kinder 2 għas-sena skolastika li ġejja? Jista’ jgħid fiex waslet din il-ħidma preparattiva u jgħid meta se titħabbar deċiżjoni dwar dan? Lil hinn mill-capacity building li skont il-Ministru qiegħed iżomm ix-xogħol lura, l-Ministru jaf li din hija parti mill-ftehim kollettiv li ġie ffirmat sentejn ilu u għaldaqstant kellu żmien biżżejjed biex jippjana? Jista’ jgħid jekk għandux long term plan għal Class Support? Jista’ jippubblika dan il-pjan?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħidma tal-Class Support fil-Kinder 2 ilha għaddejja u għalhekk għaddej ukoll l-ingaġġar tal-LSEs minħabba li din is-sistema fejn titqiegħed LSE Class Support ma’ klassi li għandha aktar minn 14-il student/a titlob numru ta’ LSEs aktar milli hemm diġà fis-servizz. Bħala parti mit-tħejjijiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, il-Ministeru qed jitħejja għal xenarji differenti u jista' jagħti l-każ li s-sistema tal-LSE Class Support ma titħaddimx kif mistenni imma tiġi adattata skont iċ-ċirkostanzi kif diretti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Leg 13 PQ #14926 Sitting 337 2020-06-01 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Kumpaniji tal-Istampar u media – ftehim ta’ sponsorship

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14436 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kumpaniji tal-istampar u media houses li magħhom il-Ministeru għandu ftehim ta’ sponsorship? Jista’ jagħti deskrizzjoni ta’ tali ftehim?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Ministeru m'għandux tali ftehim.
Leg 13 PQ #14927 Sitting 337 2020-06-01 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Malta Racing Club – xiri ta’ ramel u diesel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-Malta Racing Club għandha problemi kbar ta’ cash flow tant li għall-affarijiet bażiċi bħal diesel u ramel għall-korsa qed ikollhom isiru barters mal-horses owners għaliex ma hemmx flus biex jitħallsu? Jekk dan mhux minnu jista’ jgħid kemm ġie jiswa r-ramel u minn għand min inxtara u meta tħallas? Jekk dan mhux minnu jista’ jgħid kemm intefaq f’diesel mit-13 ta’ Marzu sal-lum, mingħand min inxtara u meta tħallas?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

In-Naxxar — bini ta' ground ta' football fil-limiti tal-kamra tan-nar ta' Ħal Lija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14824 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-infurzar tal-Liġi u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-permess ta' żvilupp li nħareġ f'dawn l-aħħar ġimgħat biex jinbena football ground fil-limiti tan-Naxxar u li hemm f'distanza kif preskritta mil-liġi tal-kmamar tan-nar, jekk dan il-bini ta' ground hux se jippreġudika jew jipperikolax il-ħidma tal-kamra tan-nar ta' Ħal Lija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #14333 Sitting 336 2020-05-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

MCAST Għawdex — studenti

Question

B'referenza għall-MCAST f'Għawdex jgħid: a. kemm hemm studenti jattendu fl-MCAST ta' Għawdex fis-sena skolastika li waslet biex tispiċċa; b. liema korsijiet qed isegwu dawn l-istudenti; c. kemm hemm għalliema full-time u part-time fl-MCAST ta' Għawdex; d. liema korsijiet ġodda huma mistennija jiżdied fl-MCAST ta' Għawdex fis-sena skolastika li jmiss; u e. peress li l-MCAST ftit tas-snin ilu ħa l-binja ġdida li kienet l-Iskola tal-Arti f'Għajnsielem, hemm il-ħsieb li jinbena campus tal-MCAST ġdid f'Għawdex fis-snin li ġejjin? Qed isir xi tħejjijiet dan is-sens?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li r-risposti, fl-istess ordni alfabetiku tad-diversi mistoqsijiet li saru f'din l-interpellanza, huma kif ġej: a. fl-MCAST ta' Għawdex hemm 219-il student irreġistrat fuq bażi full-time (figura tat-8 ta' Mejju 2020) Fuq bażi part-time hemm 165 student b. il-korsijiet li qed isegwu dawn l-istudenti huma: i) ara d-dokument li qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra għall-breakdown tal-219-il student full-time, f'kull kors. ii) Fuq bażi part-time: Award in Inclusive Education - 4 studenti Certificate in Inclusive Education - 12-il student Higher Certificate in Inclusive Education - 19 -il student Top-Up Degree in Inclusive Education - 77 student Stone Masonry - 10 studenti Waste Collection and Transportation of Waste - 35 student EU-Funded - Farming Students - 4 studenti EU-Funded Agribusiness Students - 4 studenti c. hemm 31 lettur fuq bażi full-time, 2 LSEs fuq bażi full-time, 18-il lettur fuq bażi part-time d. kors ġdid li se jkun offrut fis-sena akkademika 2020-21 se jkun l-Advanced Diploma in Finance and Insurance. Ta' min isemmi li fis-sena akkademika 2019-20 infetħu żewġ korsijiet ġodda: l- MCAST Higher Diploma in Advanced Studies in the Early Years (MQF L5) u l- ACCA Qualification (MQF levels 6 u 7). e. s'issa m'hemmx pjanijiet f'dan ir-rigward. L-MCAST jikkunsidra l-possibiltà ta' estensjoni għall-binja eżistenti jekk ikun meħtieġ. Fl-istess ħin, l-MCAST qed jaħdem ukoll fuq binarji oħra, fosthom billi jsaħħaħ l-infrastruttura u l-apparat ta' videoconferencing (fejn sar investiment importanti ħafna) li permezz tagħhom se jkompli jżid l-opportunitajiet ta' taħriġ u tagħlim lill-istudenti Għawdxin f'Għawdex stess b'mod effettiv u ekonomikament vijabbli.
Leg 13 PQ #14868 Sitting 336 2020-05-27 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Perjodu post-Covid — Pjanijiet fl-Edukazzjoni

Question

B’referenza għall-mistqosija parlamentari 14050 fejn il-Ministru indika li kien għad ma kellux pjan għall-edukazzjoni għal perjodu post covid, jista’ l-Ministru jgħid sa meta se jkun qed jissottemeti pjan dwar kif se jimxi s-settur edukattiv mis-sena skolastika li jmiss?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħa bosta deċiżjonijiet biex jindirizza s-sitwazzjoni preżenti u dik eventwali. Infakkar li f'Marzu, l-Ministeru ħadem mal-awtoritajiet edukattivi kollha biex ħabbar pjan miċ-childcare services sal-Università ta' Malta u l-MCAST. Dan il-pjan ħolistiku ffoka fuq il-loġistika, l-eżamijiet u d-dħul tal-istudenti fil-vjaġġ edukattiv tagħhom għas-sena skolastika li jmiss. Il-Ministeru ħa ħsieb ukoll iwaqqaf Working Group responsabbli mit-tagħlim online u mill-kurrikulu. Dipartiment ieħor ħa ħsieb is-servizzi psiko-soċjali u ta' sapport, waqt li Dipartiment ieħor ħa ħsieb il-loġistika fit-tqassim tal-lunches, tal-aċċess għall-internet u l-kompjuters lil tfal u studenti vulnerabbli. Għaddejja wkoll ħidma fuq livell Ministerjali fuq tħejjijiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi miċ-childcare sal-Università, inkluż programmi bħal SkolaSajf u l-programmi għall-adulti. Qed tkun kordinata konsultazzjoni wiesgħa mal-imsieħba u l-unjins kollha involuti biex inkunu mħejjija għal xenarji possibbli differenti.
Leg 13 PQ #14869 Sitting 336 2020-05-27 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Rabat Għawdex – bini ta’ skola

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14053, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jidħlu l-ewwel studenti fl-iskola l-ġdida tar-Rabat Għawdex imħabbra snin ilu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada li l-mira hi li l-iskola tilqa' l-ewwel studenti tagħha fis-sena skolastika 2022-2023.
Leg 13 PQ #14870 Sitting 336 2020-05-27 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Imsida – bini ta’ skola

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14052, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jidħlu l-ewwel student fl-iskola l-ġdida tal-Imsida mħabbra snin ilu? Jista’ jgħid sa meta se tkun lesta l-aġġudikazzjoni tat-tenders li għalqu fil-5 ta’ Mejju 2020?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proċess t'aġġudikazzjoni tal-bini tal-iskola għaddej b'ritmu mgħaġġel u mistenni li jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin. Infurmat ukoll mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada li l-mira hi li l-iskola tilqa' l-ewwel studenti tagħha fis-sena skolastika 2022-2023.

COVID-19 — Għaqdiet Mhux Governattivi – ħaddiema li se jibbenefikaw minn pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14398 u jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu ma’ Għaqdiet Mhux Governattivi (u ma' liema għaqdiet jaħdmu) li se jkunu qed jibbenefikaw mill-hekk imsejjaħ pakkett finanzjarju li l-Gvern ħabbar b'rabta mal-imxija tal-COVID-19? Fl-istess risposta, jista' jgħid kemm kien l-ammont fi flus li dawn l-istess għaqdiet ser ikunu qed jingħataw mill-Gvern?

Response (BONNICI, OWEN)

Nistieden lill-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.
Leg 13 PQ #14745 Sitting 335 2020-05-26 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti li kienu assenti mill-iskola mingħajr raġuni – multa lill-ġenituri

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14147, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ġenituri li weħlu multa talli ma bagħtux lil uliedhom l-iskola mingħajr raġunijiet validi fis-snin 2016 – 2017; 2017 – 2018 u 2018 – 2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar kemm ġenituri ġew immultati mhijiex fil-pussess tas-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel. Nirreferi wkoll lill-Onor. interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 13085.
Leg 13 PQ #14862 Sitting 335 2020-05-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ftuħ ta' skejjel wara l-għeluq minħabba l-Covid-19 — working group

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-working group li qed ifassal il-qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel wara l-għeluq minħabba l-Covid-19?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Ministeru qiegħed jitħejja għall-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi li jinkludu miċ-childcare services sal-Università u l-MCAST. Il-pjan qed jitfassal ukoll għal programmi edukattivi bħalma huma SkolaSajf u t-tagħlim għall-adulti. Il-Ministeru fassal qafas fuq ħames xenarji probabbli li għalihom qed jittieħdu l-prekawzjonijiet fuq ħames livelli. Dan il-proċess, li nbeda fix-xahar t'April, qed jinbena b'mod konsultattiv ma' msieħba fis-settur, inkluż ma' unjins.
Leg 13 PQ #14863 Sitting 335 2020-05-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – lista ta’ konsulenti

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14253, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-persuni kollha li huma konsulenti fil-Ministeru tiegħu, x’tip ta’ konsulenza qed jagħtu u x’salarji u perkaċċi għandhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #14864 Sitting 335 2020-05-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Bordijiet - lista ta' persuni appuntati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li huma appuntati fuq diversi bordijiet fi ħdan il-Ministeru tiegħu kif ukoll jgħid xi kwalifiki għandom għal dik il-kariga u x’remunerazzjoni qed jieħu għal dik il-kariga kull wieħed u waħda minnhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #14865 Sitting 335 2020-05-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Statementing Moderating Panel — applikazzjonijiet pendenti u applikazzjonijiet li nstemgħu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti u kemm applikazzjonijiet nstemgħu quddiem l-Istatemening moderating panel bejn it-13 ta' Marzu u llum? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn kienu applikazzjonijiet ta' bniet, subien u l-etajiet tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bordijiet tal-Istatementing Panel kienu u għadhom qegħdin jimxu id f'id mad-direzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19 u dan biex la jipperikolaw saħħet il-ġenituri/tuturi u tfal u lanqas saħħithom stess. Minn wara li ġie mħabbar li ċertu miżuri ser jiġu rilassati, bdew isiru komunikazzjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jiġi maqbul proċess dettaljat u sikur, u li jippermetti li l-Bordjiet jerġgħu jibdew jiltaqgħu. Bejn it-13 ta' Marzu u t-22 ta’ Mejju, l-iStatementing Board irċieva 34 applikazzjoni.
Leg 13 PQ #14866 Sitting 335 2020-05-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti assenti fit-tagħlim li qed jingħata online

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14254 fejn il-Ministru nforma li l-informazzjoni dwar kemm studenti kienu assenti fit-tagħlim li qed jinagħta online fix-xahrejn li l-iskejjel kienu magħluqin, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-data mitluba nġabritx u jekk iva, jista’ jippubblikaha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bejn is-6 u t-13 ta' Mejju 2020 sar stħarriġ mal-edukaturi kollha mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bi qbil mal-Grupp ta’ Ħidma, b’rappreżentanti mis-Setturi tal-Iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti u mill-Malta Union of Teachers. F'dan l-istħarriġ ħadu sehem 1910 edukaturi u fih saret mistoqsija wkoll lill-edukaturi dwar kemm l-istudenti qed jieħdu sehem b’mod regolari fit-tagħlim online. Bħalissa qed tiġi analizzata d-data miġbura sabiex jiġi preżentat rapport lill-Grupp ta’ Ħidma.