The Statementing Process: Referral Guidelines for Schools
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument "The Statementing Process: Referral Guidelines for Schools"?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi The Statementing Process: Referral Guidelines for Schools huwa dokument pubbliku u jinsab fuq is-sit tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.
(Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL 6579 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn, 17 ta' Mejju 2021)
Ministeru għall-Edukazzjoni — Ingaġġ ta’ impjegati ġodda fis-settur pubbliku mill-entitajiet u awtoritajiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda fis-settur pubbliku, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, sena b'sena, mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw f’din il-leġiżlatura għall-mistoqsijiet parlamentari 12908 u 18171.
Marigold Foundation – ġabra mill-iskejjel tal-Gvern
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14738, tista’ l-Ministru tgħid, minħabba li l-flus mogħtija mill-Ministeru lill-Marigold Foundation huma fondi pubbliċi, dawn il-flus (€42,238.92) kif intnefqu mill-istess Marigold Foundation?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawn mhumiex fondi pubbliċi peress li saru attivitajiet biex inġabru dawn il-flus, liema attivitajiet kienu organizzati mill-iskejjel u l-kontribuzzjoni ġew mill-istudenti.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li ġie annullat il-proċess ta’ selezzjoni b’interview ta’ Learning Support Educators LSE1? Fejn kien wasal il-proċess? X’kienet ir-raġuni li ġie annullat il-proċess? Min kienu l-uffiċjali fil-Bord tal-Għażla u f’liema kapaċità kienu hemm? Min għażel lil dawn il-membri tal-bord? X’passi ħadet s’issa l-Ministru dwar l-allegazzjonijiet serji?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku tat id-direzzjoni li l-proċess tal-intervisti jiġi annullat u li dan il-proċess jerġa’ jinbeda mill-ġdid.
F’dak l-istadju kien għad iridu jsiru 26 intervista minn total ta’ 113.
Din id-direzzjoni ngħatat wara li waħda mill-kandidati intervistati, allegatament xerrdet dettalji tal-mistoqsijiet tal-intervista fuq
chat group.
Il-bord tal-għażla kien kompost skont Direttiva 9.
Minbarra li ġiet notifikata l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li tat id-direzzjoni tagħha, il-Ministeru ser ikun qed jieħu passi dixxiplinarji fuq każ serju bħal dan.
Skola St Thomas More Middle School – laboratorji ġodda
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta ħa jinbdew il-laboratorji ġodda fl-iskola San Tumas More Middle School, Ħal Tarxien, minħabba li hemm biss laboratorju wieħed tax-xjenza ta' daqs adegwat li jrid jinqasam bejn l-għalliema u t-tfal kollha?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li l-iskola Medja ta’ San Tumas More ta’ Ħal Tarxien, fil-preżent mhux laboratorju wieħed hemm iżda għandha tliet laboratorji tax-Xjenza. F’dan il-mument qiegħed jintuża laboratorju wieħed minħabba l-mizuri implimentati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar il-Covid 19.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi deċiżjoni min-naħa tad-Direttorati, li tfal li għandhom l-għajnuna tal-LSE fil-klassi, kemm dawk one to one kif ukoll dawk shared, ma jistgħux jirrepetu s-sena jekk ikun hemm bżonn?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx ħsieb li l-istudenti, kemm dawk one to one kif ukoll dawk shared, jirrepetu s-sena. Hemm il-ħsieb, iżda, li jkun hemm klassijiet supplimentari fis-sajf għal tfal u studenti li fallew matul din is-sena skolastika waqt li l-iskejjel kienu miftuħin għat-tfal kollha u kuljum.
Introduzzjoni ta’ Class Assistant fl-ewwel sena tal-primarja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se tiġi introdotta l-class assistant fl-ewwel sena tal-primarja fil-bidu ta' sena skolastika ġdida?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jinħadem eżerċizzju biex naraw kif tista' tiġi introdotta Class Support LSE fl-ewwel sena tal-primarja fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss.
Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-persuna lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament biex l-LSE tinżamm flimkien mat-tifel ġaladarba t-tifel avvanza ħafna?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull deċiżjoni tittieħed minn tim multi dixxiplinarju fejn il-kunsiderazzjoni ewlenija tkun l-aħjar interess u l-ġid tal-istudent.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19102 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infruzar tal-Liġi u li issa ġiet riferuta lilha u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 11140, tista’ l-Ministru tgħid x’sentenzi ngħataw lil dawk l-1283 ġenitur li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola mingħajr raġuni valida?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni dejjem mexa mal-proċess mistenni minnu. Il-Ministeru, id f’id mal-iskola, ma’ professjonisti oħra mid-Direttorati għall-Edukazzjoni u anke ma’ servizzi barra d-direttorati, ikomplu jsegwu dawk l-istudenti li huma assenti mill-iskola fuq bażi regolari u mingħajr raġuni valida.
Tista' l-Ministru tgħid min huma l-Presidenti tal-Kunsilli tal-Iskejjel ta' Għawdex kollu? Tista' jgħid f'kull każ, il-persuna li qed isservi bħala President tal-Kunsill Skolastiku ġietx nominata mill-Ministru wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-lokalità u jekk hi nnominatx lill-persuna nominata mill-Kunsill inkella nnominat lil dik il-persuna li dehrilha hi? F'każ li l-Ministru ma mxietx mal-parir tal-kunsill lokali, tista' tagħti r-raġuni għaliex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. interpellant li filwaqt li l-Kunsilli għandhom il-fakultà li jinnominaw, l-għażla finali hija f’idejn il-Ministru.
L-ittri tal-ħatra sejrin jintbagħtu fil-jiem li ġejjin.
B’referenza għall-artiklu intitolat Lost in time: education reform -The Teaching and Allied Professions Act has remained on paper (kif jidher anness ma’ din il-mistoqsija parlamentari) miktub mill-Professur Sandro Caruana eks Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta u l-mistoqsijiet parlamentari 20556 u 20728, tista’ tgħid fiex waslet ir-evalwazzjoni li tkellmet dwarha l-Ministru dwar il-proċess tar-riforma edukattiva? It-tweġiba tal-ministru li qed issir rievalwazzjoni minħabba direttiva tal-UE, ifisser li meta tressqet il-liġi ftit snin ilu ma kinetx saret evalwazzjoni u dan seta wassalna għal infringements? Tista’ tgħid eżatt għal-liema direttiva Ewropea qed tirreferi u fejn eżatt il-liġi proposta mill-Gvern tista’ toħloq ksur tad-direttiva Ewropea? Kemm se ddum biex tintemm l-evalwazzjoni?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jiena infurmata li kienet saret konsultazzjoni wiesgħa lura fis-snin meta beda jiġi diskuss l-Abbozz li wassal għal din il-Liġi.
Id-dħul tad-Direttiva 2018/958 tal-Kummissjoni Ewropeja tirreferi għal dak li hu msejjaħ “Proportionality Test”. Bħalissa qed issir evalvazzjoni biex jiġi żgurat li l-Liġi hi konformi ma’ dan il-“Proportionality Test”.
F’dan ir-rigward qed isiru diskussjonijiet mal-Kummissjoni tal-U.E.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' għalliema full-time fl-Università fis-sena akkademika f’dawn l-aħħar sentejn? Kemm minn dawn huma assenjati b'doveri fil-Junior College fuq bażi full-time jew part-time?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li t-tagħrif dwar in-numru ta' akkademiċi fuq bażi full-time fl-Università ta' Malta f’dawn l-aħħar sentejn akkademiċi hu kif se nsemmi:
Sena akkademika 2019/2020 - 857 li minnhom 170 ipprestaw is-servizzi tagħhom ġewwa l-Ġan Franġisk Abela Junior College.
Sena akkademika 2020/2021 - 870 li minnhom 168 qegħdin jipprestaw is-servizzi tagħhom ġewwa l-Ġan Franġisk Abela Junior College.
Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar it-tender: 'Tender for Mechanical, Electrical and Finishing Works Using Environmentally Friendly Products for the Primary and Middle School Complex at Victoria Gozo' (CT2289/2020) li għalqet fl-20 ta' Ottubru 2020 u tgħid fiex wasal il-proċess biex din l-imsemmija tender tiġi awarded?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-evalwazzjoni tat-tender 'Tender for Mechanical, Electrical and Finishing Works Using Environmentally Friendly Products for the Primary and Middle School Complex at Victoria Gozo' (CT2289/2020) hija magħluqa u r-riżultat jiġi ppublikat skont il-proċessi ta' verifika tal-Kuntratti.
Ministeru għall-Edukazzjoni — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20480 u tgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bordijiet, li jirregolaw l-entitajiet governattivi indikati fl-emendi fl-Att VII tal-2015, attwalment kollha għandhom membru li hu/i persuna b’diżabilità, għajr wieħed. F’dan il-każ, mhux isir użu mill-pożizzjoni ta’ membru li żdiedet bl-emendi fil-Liġi sakemm tinstab persuna idonea li tkun tista’ tokkupa r-rwol.
Inżid li l-Liġi msemmija ma tobbligax li l-membru b’diżabilità jkun fuq bord bħala “rappreżentant għall-persuni b’diżabilità”, kif qed jindika l-istess interpellant.
Ma’ dan irid jingħad ukoll li hemm għadd ta’ bordijiet, kumitati, fora u forom oħrajn ta’ tmexxija li għandhom fi ħdanhom membri li huma persuni b’diżabilità, avolja ma jaqgħux taħt l-emendi fl-Att imsemmi aktar ’il fuq.
Tista’ l-Ministru tindika x’qiegħed isir f’pajjiżna dwar il-problema tal-illitteriżmu? Kemm huwa kkalkulat li hija r-rata ta’ illitteriżmu fost il-poplu Malti u Għawdxi?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19101.
B’referenza għall-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li qed iwasslu lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jibdel il-Learning Support Educator regolarment, minkejja li fil-konklużjoni tal-istess rapport, qed jirrakkomanda li l-Learning Support Educator ma tinbidilx? Tista' tgħid ukoll x'se tagħmel biex din ir-rakkomandazzjoni u rakkomandazzjonijiet oħra fir-rapport, jiġu segwiti ħalli l-persuna msemmiha tkun tista’ timxi ’l quddiem fl-edukazzjoni tagħha?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma l-Onor. Interpellant li għal ġid tal-istudenti statemented, LSE tinbidel kull sena ħlief f’eċċezzjonijiet bħal fejn ikun hemm xi kundizzjoni medika severa. Dan dejjem isir fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-professjonisti fis-settur li għandu d-Dipartiment tal-Edukazzjoni, li jkunu wkoll evalwaw rapporti li jista’ jkun hemm magħmula minn psikologi. Dan l-assessjar isir b’mod regolari biex jindirizza l-bżonnijiet tat-tfal li jinbidlu huma u jikbru.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm familji f’Malta u f’Għawdex li jagħmlu użu mis-servizzi taċ-Childcare Centres? Kemm hemm tfal jattendu fiċ-Childcare Centres? Kemm minn dawn it-tfal għandhom sena jew inqas u kemm għandhom minn sena sa tliet snin?
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – servizz/għajnuna mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' servizz/għajnuna qed jagħti d-Dipartiment tal-Edukazzjoni lill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Kemm hemm għalliema jgħallmu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għar-Riċerka, Tagħlim tul il-Ħajja u l-Impjegabiltà joffri s-servizzi tiegħu ta’ Tagħlim tul il-Ħajja b’kollaborazzjoni mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin lir-residenti t’hemmhekk. Bħalissa, in-numru ta’ għalliema impjegati biex jgħallmu fil-Faċilità huwa ta’ sitta.