Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla – Dar tal-Anzjani – Rapport mill-Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar mill-Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali rigward it-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid tad-Dar Residenzjali tal-Anzjani ta' Bormla?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma l-Onor. Interpellanta li l-Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali ma tiskrutinizzax il-kundizzjoni tal-istruttura fiżika tal-binja, inkluż l-istat tal-konkrit.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Impjegati fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati mill-Ministeru tiegħu li jmorru jiftħu u jaħdmu fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati tas-segretarjat privat huma ingaġġati u jaħdmu b’rispett sħiħ u konsistenti mal-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2012. Dawn il-linji gwida għadhom fis-seħħ u fil-preżent dawn huma aċċessibbli fil-Manual on Resourcing Policies and Procedures li jikkumplimenta l-Public Service Management Code.

Sahra minn carers

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8875, jista' l-Ministru għid x'kien in-numru ta' sigħat maħduma sahra fis-snin 2021, 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minn: a. carers Third Country Nationals (TCN) (kemm li huma mqabbdin direttament kif ukoll permezz ta' aġenzija tax-xogħol); b. carers Maltin; u ċ. carers li jiġu minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi: a. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tixtri s-servizz ta’ carer mingħand il-kuntrattur bis-sigħat li ma jinvolvux sahra. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandhiex impjegati tal-Gvern li huma Third Country Nationals (TCN). b. It-total ta’ sahra li nħadmu minn impjegati tal-Gvern b’ċittadinanza Maltija hija ta’ 20038.82 siegħa. ċ. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandhiex impjegati tal-Gvern li huma mill-pajjizi tal-Unjoni Ewropea (mhumiex b’ċittadinanza Maltija). Fil-każ tal-Anzjanita Attivà u Kura fil-Komunità s-sahra huwa: Total ta’ Sigħat 2021 Total ta’ Sigħat 2022 Total ta’ Sigħat 2023 sal-lum Total 7916.48 8892.80 3229.54 Fir-rigward ta' San Vinċenz de Paule dan ma jkollux informazzjoni dwar carers li huma Third Country Nationals u li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dwar is-support staff Maltin, dawn għandhom l-għażla li s-sigħat ‘żejda’ li jaħdmu, joħduhom Time of In-Lieu kif spjegat fit-tabella hawn taħt mis-sena 2021 sal-lum. L-ammonti għolja fl-2021 u fl-2022 kienu minħabba l-protokolli tal-pandemija tal-COVID-19. Fil-każ ta' San Vinċenz de Paule: Overtime by support staff TOIL by support staff 2021 38714 2271 2022 70316 3772 2023 23507 1230

Bormla – dar residenzjali tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-investiment li sar mill-Gvern fid-dar residenzjali tal-anzjani f’Bormla fis-snin 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti dan l-investiment u kemm kienet in-nefqa għal kull proġett?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Waqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ investimenti li saru fid-dar residenzjali tal-anzjani f’Bormla fil-perjodu msemmi, ninforma lill-Onor. Interpellanta li tali investimenti se jinżammu meta d-dar inkwistjoni tgħaddi mir-refurbishment li teħtieġ biex tilħaq l-istandards neċessarji.

Bormla – Ċentru ta’ Matul il-Jum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li jattendu kuljum fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Bormla?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ Bormla jattendu madwar 50 membru b’kollox, imqassma fuq ħamest ijiem. Minn dawn 5 biss huma mill-komunità, il-kumplament huma residenti fid-dar residenzjali ta’ Bormla. Kull ġurnata jkun hemm madwar 3 persuni mill-komunità peress li dawn ma jattendux kuljum.

Bormla – Ċentru ta’ Matul il-Jum — Għeluq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jiġri mill-anzjani li jattendu ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Bormla ġaladarba l-Gvern se jkun qed jagħlaq dan iċ-ċentru?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent l-anzjani li jattendu ċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ Bormla se jkunu rilokati f’ċentru ieħor viċin ta’ Bormla u se jkun ipprovdut t-trasport. Madanakollu l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se tkun qed tiddiskuti mal-kunsill lokali u tesplora possibbiltajiet oħra biex jinfetaħ ċentru ieħor fil-Kottonera biex jakkomoda persuni li jgħixu f’dawn l-inħawi.

Bormla – Ċentru ta’ Matul il-Jum — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema jaħdmu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Bormla? Jista’ jgħid x’inhu r-rwol u l-grad ta’ kull persuna li taħdem f’dan iċ-Ċentru?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ Bormla hemm jaħdmu supervisor u tliet social assistants.

Djar residenzjali – persuni li qed jagħmlu mistoqsijiet lill-anzjani dwar votazzjoni fl-elezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed imorru jagħmlu assessment/interview/mistoqsijiet lill-anzjani fid-djar residenzjali sabiex jivverifikaw jekk dawn humiex kapaċi jivvotaw fl-elezzjonijiet li ġejjin? Jista’ jgħid kif qed isir dan l-assessment u ċjoè jekk hux l-anzjani kollha jridu joqogħdu għal dan l-assessment/interview/mistoqsijiet, fejn qed isir u kif qed jiġi ddeterminat jekk dawn l-anzjani humiex kapaċi jivvotaw jew le? Jista’ jgħid ukoll jekk din id-deċiżjoni tal-panel għandhiex tkun waħda unanima biex jiġi ddeterminat jekk l-anzjani humiex kapaċi jivvotaw u wkoll jekk id-deċiżjoni ta’ dan il-panel hijiex waħda finali?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tireferri għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 3044.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – entitajiet li joperaw minn binjiet bil-kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li joperaw minn binjiet li huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll liema binjiet huma, meta bdew jinkrew, kemm hi l-kirja kull sena u meta tagħlaq tali kirja?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentri ta’ matul il-jum

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ċentri ta' matul il-jum f'Malta u f'Għawdex? Kemm minn dawn iċ-ċentri qed jitmexxew b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali? Liema huma ċ-ċentri mħaddma b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali? F'kull każ, kemm hemm persuni jattendu dawn iċ-ċentri?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Malta għandna 27 Ċentru għall-Anzjanità Attiva, 4 minnhom jitmexxew mill-Kunsill Lokali; dawn huma s-Swieqi, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Għargħur u Raħal Ġdid. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandhiex ċentri ta' matul il-jum f'Għawdex. Iċ-ċentri hawn taħt imsemmija jiġu mħaddma b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali: Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, l-Imġarr (Malta), Ħad-Dingli, is-Siġġiewi, in-Naxxar, Tas-Sliema, Sta Venera, Birkirkara, l-Imsida, Ħal Qormi, Sta Luċija, Pembroke, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Birżebbuġa u Ħal Luqa. In-numru ta’ membri fiċ-ċentri għall-Anzjanità Attiva qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dementia Activity Day Centres – Servizz tas-Silver T

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tas-Silver T, issa li ġie estiż fuq livell nazzjonali, huwiex qed jingħata diġà lil dawk il-persuni li jattendu d-Dementia Activity Day Centres? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm persuni li jattendu d-Dementia Activity Day Centres li jużaw dan is-servizz u f’liema ċentri jattendu? Jekk le, jista’ jgħid jekk dan is-servizz huwiex se jibda jingħata lil kull min jixtiequ u li qed jattendi xi wieħed minn dawn iċ-ċentri?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tas-Silver-T bħalissa mhux qiegħed jintuża mid-Dementia Activity Centres minħabba raġunijiet ta’ sigurtà li huma assoċjati mal-fażijiet avvanzati tal-kundizzjoni tad-Dimensja. Bħalissa l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed taħdem biex fil-futur jibda jingħata servizz ta’ trasport maħsub apposta għal dawn iċ-ċentri.

Bormla – Dar Residenzjali tal-Anzjani – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu għad-dar residenzjali tal-anzjani ta’ Bormla? Jista’ jgħid jekk din id-dar hijiex se tkun qed tingħalaq temporanjament sakemm isiru x-xogħlijiet fiha jew jekk hux ser tingħalaq b’mod permanenti? Fi kwalunkwe każ, jista’ jagħti aktar dettalji dwar x’ser ikun qed jiġri mill-anzjani li jirrisjedu f’din id-dar kif ukoll mill-ħaddiema kollha li jagħtu servizz f’din id-dar?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din id-dar qiegħda fi stat li mhux konformi mal-istandards dinjitużi u għoljin li l-Gvern qed jesiġi fil-preżent. Hemm bżonn li l-infrastruttura qadima (inkluż bini, elettriċità u plumbing, kif ukoll id-drenaġġ) tiġi mibdula f’faċilità kompletament ġdida u moderna, kif maqbul f’laqghat tal-Kabinett tal-Ministri. Ir-residenti ser ikunu rilokati b’mod prattiku u sigur, kif diġà ġara f’ċirkostanzi simili. Mil-lum it-Tnejn 29 ta’ Mejju, uffiċjali mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità bdew jiltaqgħu mal-anzjani u l-qraba tagħhom u ser jiġi spjegat il-proċess. Il-ħaddiema li jagħtu servizz f’din id-dar huma tal-privat.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – kuntratti ma’ influencers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtu għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali? Jekk iva, jista’ għal kull kuntratt jgħid kemm intefqu flus fi promozzjonijiet sa mill-bidu tal-ftehim?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħti m’għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali.

Carers li jagħmlu s-sahra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jgħid kif jintgħażlu l-carers biex jagħmlu sahra?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jkun hemm il-ħtieġa ta’ sahra, il-Kapijiet tad-Djar tal-Anzjani tal-Gvern kemm fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u f’San Vinċenz de Paul, jinformaw lil dawk il-carers li huma lesti li jaħdmu s-sahra biex jivverifikaw li l-carers huma disponibbli li jaħdmu dawk is-sigħat f’dik il-ġurnata meħtieġa. Kull impjegat jingħata l-istess ċans skont id-disponibbiltà li joffri biex ikun hemm trattament ugwali.

Carers impjegati direttament mal-Gvern – kors ta’ sentejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-carers Third Country Nationals (TCN) u dawk il-carers li jaħdmu permezz ta' aġenzija tax-xogħol humiex se jkollhom jagħmlu l-kors ta' sentejn li qed jiġi introdott u li hu obbligatorju għal carers impjegati direttament mal-Gvern?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 8880.

Sahra minn carers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta' sigħat maħduma sahra minn: a. carers Third Country Nationals (TCN) (kemm li huma mqabbdin direttament kif ukoll permezz ta' aġenzija tax-xogħol); b. carers Maltin; u ċ. carers li jiġu minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba għall-mistoqsija numru 8875, hu meħtieġ li jispeċifika l-perjodu.

Aġenziji tax-xogħol — xogħol ta' carer

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti biex tagħmel xogħol bħala carer permezz ta' aġenziji tax-xogħol?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn huma r-rekwiżiti biex persuna tkun eliġibbli biex taħdem bħala Carer fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, permezz ta’ aġenzija tax-xogħol: Il-Carer irid jippreżenta dawn: A. Għoti ta’ waħda mill-kwalifiki tal-MCAST li ġejjin: · BTEC Diploma in Health and Social Care jew ekwivalenti - MQF Level 3 (jew ekwivalenti) · BTEC Extended Diploma in Health and Social Care (Health Studies) jew ekwivalenti - MQF Level 4 · BTEC Extended Diploma in Health and Social Care (Social Care) jew ekwivalenti - MQF Level 4 · BTEC Higher National Diploma in Health and Social Care (Practice) jew ekwivalenti – MQF Level 5 · Bachelor of Science (Honours) in Health and Social Care (Practice) jew ekwivalenti – MQF Level 6 Jew B. Prova oriġinali tat-tlestija b’suċċess ta’ wieħed mill-korsijiet tal-ETC/JobsPlus li ġejjin: • Programm ta’ taħriġ għall-appoġġ ta’ ħaddiema li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità b’minimu ta’ sitt (6) xhur esperjenza fil-qasam, u fil-Livell 4 tal-MQF. • Kwalifiki bażiċi għall-Persunal tal-Kura tad-Djar b’minimu ta’ sitt (6) xhur esperjenza fil-qasam, u fil-Livell 3 tal-MQF. Jew C. Kors ta’ Assistent għall-Kura, organizzat mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità fi ħdan il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva. Jew D. Kwalifika fil-Kura minn istituzzjoni rreġistrata/liċenzjata. Il-kwalifika jeħtieġ li tkun marbuta b’mod uffiċjali f’livell minimu MQF 3. Ċertifikat ta’ ħaddiem tal-kura fil-Livell 2 mogħti minn istituzzjoni ta’ taħriġ irreġistrata/liċenzjata jista’ jiġi aċċettat bil-kundizzjoni li jiġi ppreżentat ċertifikat ta’ taħriġ għall-ħaddiema tal-kura tal-Livell 3 fi żmien tmintax-il (18) xahar mill-bidu tal-impjieg. Il-Carer għandha tippreżenta ċ-ċertifikati ta’ Moving and Handling, Food Handling and Basic Life Support. Ċertifikat ta’ Kondotta tal-Pulizija Valida maħruġ fl-aħħar xahrejn (2) għall-carers Maltin kollha jew ċertifikat ittimbrat mill-Ambaxxata/Konsulat u ċertifikat validu ta’ Kondotta tal-Pulizija maħruġ fl-aħħar xahrejn (2) għall-carers li huma barranin kif applikabbli għandu jiġi pprovdut ukoll lill-Care Home. Il-carer għandha tipproduċi ċertifikat ta’ Attendenza għall-Induction Programme jew Induction Course specialising in Dementia (skont fejn il-carer tkun sejra taħdem).

Home Help – persuni li qed jingħataw dan is-servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jingħataw is-servizz tal-Home Help f'Malta u f’Għawdex? Kif inhuma mqassmin dawn is-servizzi, lokalità lokalità?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 6,164 persuna li qed jingħataw is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar f’Malta. F’Għawdex dan is-servizz jingħata mill-Ministeru ta’ Għawdex. Għal-lokalitajiet u kif is-servizz hu mqassam nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar tal-anzjani — servizz ta' tobba stand by

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8227 dwar servizz ta' tobba stand by fid-djar tal-anzjani, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-djar tal-anzjani privati fejn hemm sodod mixtrija u li l-kuntratt tagħhom jitlob li jkun hemm servizz ta' tabib il-ġimgħa kollha bejn it-8.00a.m. u l-5.00p.m.? Liema huma dawk id-djar tal-anzjani privati fejn hemm sodod mixtrija u li m’għandhomx dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Linji Gwida Standard Soċjali Regolatorji, standard numru 3 tgħid li ‘Il-provditur tas-servizz għandu jassigura li d-dar ta’ kura residenzjali għandha jkollha kopertura medika billi jaħtar tabib mediku li jkun lest joffri l-assistenza professjonali tiegħu kull meta jkun meħtieġ.’ Dan ifisser li f’kull dar irid ikun hemm servizz ta’ tabib irrispettivament mill-kuntratt.

Residenza San Vinċenz de Paul – taħriġ lill-carers

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8588, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-taħriġ li ġie elenkat jingħatax ukoll lill-carers li jaħdmu mal-kuntrattur? Jekk le, jista’ jgħid jekk jingħatax xi forma ta’ taħriġ lill-carers li jaħdmu mal-kuntrattur? Jista’ jgħid fiex jikkonsisti dan it-taħriġ?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva dan it-taħriġ jingħata wkoll lill-carers tal-kuntrattur u jikkonsisti f’taħriġ bażiku ta’ kompetenzi meħtieġa biex carer ikun jista’ jassisti lil anzjani fil-ħtiġijiet ta’ kuljum u taħriġ ieħor, kemm bħala refresher course u anke courses speċjalizzati ta’ kura għal residenti bid-dimensja.