Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tessuti - Immaniġġjar u esportazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid il-Gvern x’miżuri qiegħed jipprepara li jdaħħal fis-seħħ qabel is-sena 2028 biex titjieb it-trasparenza fis-settur tal-immaniġġjar u l-esportazzjoni tat-tessuti, ikun prijoritizzat l-użu mill-ġdid lokalment, u jitnaqqas it-telf ta' valur mill-ekonomija ċirkolari tat-tessuti lokalment?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-emendi tad-Direttiva riveduta dwar l-Iskart (Direttiva (UE) 2025/1892) jintroduċu numru ta’ miżuri li għandhom jiġu implimentati qabel l-2028 biex tittejjeb it-trasparenza u l-governanza fis-settur tat-tessuti. Fosthom, jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar ċari dwar il-ġbir separat tat-tessuti, il-prijoritizzazzjoni tal-użu mill-ġdid lokalment fejn dan hu possibbli, u mekkaniżmi biex jiġi żgurat li tessuti użati ta’ kwalità tajba biss jiġu esportati barra mill-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, bħalissa qed jitħejjew il-provvedimenti neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva skont il-perjodu ta’ żmien stabbilit.

ERA - Trattamenti ta’ tessuti ta’ kwalità baxxa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmilx verifiki dwar id-destinazzjoni finali u t-trattamenti fi tmiem il-perjodu ta’ utilità ta’ tessuti ta’ kwalità baxxa li jiġu esportati barra mill-Unjoni Ewropea, u jekk dan isirx f’konformità mal-prinċipju tal-prossimità f’sens ambjentali u fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-iskart?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ma kien hemm l-ebda esportazzjoni ta’ skart tat-tessuti minn Malta lejn destinazzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar ħames snin. L-istanzi fejn skart tat-tessuti ntbagħat barra minn Malta f’dawn is-snin kienu kollha diretti lejn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u twettqu f’konformità mar-regolamenti dwar vjaġġi ta’ skart (shipments of waste).

Tessuti - Esportazzjoni u dħul

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa l-valur finanzjarju jew id-dħul iġġenerat mill-esportazzjoni ta’ tessuti miġbura lokalment mill-operaturi? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dan il-valur huwa stmat li jibqa' fl-ekonomija lokali?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda ma-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 34197, infurmata li l-ERA ma jkollhiex informazzjoni dwar il-valur ekonomku tat-tessuti li jiġu esportati, imma jkollha biss informazzjoni fuq kwantitajiet ta’ tessuti esportati bħala skart.

Tessuti - Kwantitajiet, Valur u Distinzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi informazzjoni dwar il-kwantitajiet u l-valur tat-tessuti miġbura f’Malta u esportati barra l-pajjiż? Tista’ tgħid ukoll jekk tinżammx distinzjoni ċara bejn tessuti esportati għall-użu mill-ġdid u dawk esportati għar-riċiklaġġ jew rimi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-settur li jiġbor direttament it-tessuti użati għall-użu mill-ġdid huwa mmexxi mis-settur privat, bħal charity shops . Jekk dawn it-tessuti użati jiġu esportati, l-ERA ma jkollhiex informazzjoni dwar il-kwantitajiet u l-valur tat-tessuti miġburin u esportati (bħala prodott). Fil-każ li t-tessuti jiġu esportati bħala skart, dawn isegwu l-proċeduri Ewropej li jirregolaw vjaġġi ta’ skart, u l-ERA tiġi infurmata. Normalment, dawn it-tessuti jiġu esportati għar-riċiklaġġ u mhux għar-rimi. L-ERA tirregola wkoll l-immaniġġjar lokali tat-tessuti tal-iskart li bħalissa jinġabru minn operatur privat (il-bins blu). It-tessuti kollha depożitati f’dawn il-bins jitqiesu bħala skart u għalhekk l-immaniġġjar tagħhom huwa regolat permezz ta’ permess maħruġ mill-ERA. Sadanittant, informata wkoll li l-ammont ta’ tessuti miġbur minn Wasteserv matul l-2025 huwa ftit inqas minn ħames tunnellati u nofs .

Smart meters - Sistemi tal-ARMS u WSC - Waqfien

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-sistemi tal-ARMS u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jindunawx b’mod awtomatiku u mmedjat jekk smart meter jieqaf jaħdem jew jieqaf jirreġistra l-konsum?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 34195, ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinduna f’każ li l-apparat li jitwaħħal mal-meter tal-ilma jieqaf jitrasmetti jew ikun hemm nuqqas ta’ konsum reġistrat.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika - Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.    ammont totali tal-infiq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Ħal Tarxien – Triq Karlu Maratta - Tappieri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12446, u peress li kif jidher mir-ritratti annessi kien hemm tappieri li ġew magħluqa u siġillati bil-konkos fi Triq Karlu Maratta f’Ħal Tarxien, tista' l-Ministru tgħid għaliex dan sar u fejn kien pjanat li jiskula l-ilma tax-xita, hekk kif iż-żona llum il-ġurnata qed iżżomm ħafna ilma kuntrarju għal li kien jiġri qabel?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-infrastruttura li qed issir referenza għaliha ma tappartjenix lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-intervent allegat lanqas ma sar mill-Korporazzjoni.

Segretarjat għall-Indafa Pubblika – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Ottubru 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31678.

Fast Charging Points

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn fast charging points f’Malta u f’Għawdex, f’liema lokalitajiet jinsabu, u f’liema sena ġew installati u kkummissjonati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Installazzjoni - Charging Points u Charging Pillars

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew installati charging points u charging pillars f’Malta u f’Għawdex mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Nefqa - Organizzazzjoni tal-Attivitajiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33119, tista’ l-Ministru tispjega r-raġuni għaliex in-nefqa fuq l-organizzazzjoni tal-attivitajiet organizzati minn Project Green telgħet minn €12,824 fis-sena 2024 għal €180,528 fis-sena 2025 – li tammonta għal żieda ta’ aktar minn 1,300%? Tista’ tgħid ukoll x’kienet ir-raġuni għal din id-deċiżjoni, x'kienet in-natura ta' dawn l-attivitajiet addizzjonali li ġġustifikaw din iż-żieda fl-ispejjeż f'sena waħda biss u tispjega l-għan aħħari li qed tipprova tilħaq Project Green permezz ta’ din in-nefqa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Fl-2025, Project Green implimentat programm usa’ ta’ attivitajiet immirati lejn il-familji u l-komunità inġenerali. Dan il-programm kien maħsub biex jinkoraġġixxi l-użu attiv tal-parks pubbliċi u biex dawn l-ispazji jsiru ambjenti ħajjin li jintużaw b’mod regolari minn sezzjonijiet differenti tas-soċjetà. Madankollu, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ispiża tal-2025 tinkludi wkoll spejjeż ta’ attivitajiet li saru fl-2024 u li tħallsu fl-2025.

Attivitajiet - Attendenza

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33119, tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ kemm kienet l-attendenza għal kull waħda minn dawn il-41 attività organizzati minn Project Green li saret referenza għalihom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34055.

Nefqa PR u Marketing - Aġenziji, Awtoritajiet u Entitajiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tan-nefqa fil-marketing u PR fir-rigward tal-aġenziji, awtoritajiet u l-entitajiet l-oħra kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

L-Iklin - Triq G. Abos (parti ta’ fuq), Triq in-Namur, Triq San Mikiel, Triq Locano u Triq il-Klin - Dawl fit-toroq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi problema li minħabba fiha m’hemmx dawl fit-toroq fi Triq G. Abos (parti ta’ fuq); Triq in-Namur; Triq San Mikiel; Triq Locano u Triq il-Klin fl-Iklin? Tista’ wkoll tagħti ħjiel tax-xogħol li qed isir biex din is-sitwazzjoni tkun riżolta u meta tista’ tkun riżolta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ħsara inkwistjoni kienet ikkawżata mill-maltempata ‘Harry’ u l-Enemalta diġà għamlet it-tiswijiet meħtieġa.

San Pawl il-Baħar – Sistema tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tindika kif is-sitwazzjoni tad-drenaġġ fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar mistennija tiġi indirizzata fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni matul is-sena kollha (esklużi t-turisti u dawk il-persuni li jkunu fil-lokalità biss matul ix-xhur tas-sajf) hija stmata li tlaħħaq 50,000 ruħ u mistennija tkompli tikber? Meta ġew imqiegħda fil-post il-pompi li hemm fil-lokalità bħalissa, u meta ġew upgraded l-aħħar? Tista’ tgħid ukoll jekk hux mistennija li jitqiegħdu iktar pompi tad-drenaġġ fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma twettaq monitoraġġ kontinwu tal-pompli li hemm eżistensti u dawn jinbidlu jew jiżdiedu skont l-esiġenzi.  Infurmata li preżentament m’hemmx bżonn ta’ installazzjoni ta’ pompi ġodda. Infakkar li fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, il-Korporazzjoni għaddejja bi proġett estensiv u ambizzjuz b’investiment ta’ madwar €7 miljun, fejn permezz ta’ teknoloġija moderna ta’ microtunnelling se tkun qed tiddevja d-drenaġġ mill-qalba tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar lejn il-periferiji.

Melita Gardens u Kennedy Grove - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tindika meta huwa mistenni li jibdew ix-xogħlijiet fuq l-inħawi ta’ Kennedy Grove, kemm f’Kennedy Grove nnifsu, kif ukoll fl-inħawi tal-Melita Gardens? Peress li ħafna mill-equipment li hemm fuq is-sit għandu bżonn ta’ manutenzjoni serja, tista’ tgħid jekk inħarġux tenders biex isiru x-xogħlijiet neċessarji u meta nħarġu dawn it-tenders? Jekk le, tista’ tgħid min hu mistenni li jwettaq ix-xogħol li hemm bżonn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32059, inżid ninfurmaha li l-proċess tas-sejħa ġie appellat u jinsab fi stadju ta’ kunsiderazzjoni min-naħa tal-Public Contracts Review Board (PCRB) fi ħdan id-Dipartiment tal-Kuntratti.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Health and Safety Officers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tagħha u jekk iva, kemm?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikwest mil-liġi. Madanakollu għarfien rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.

L-Iklin – Qtugħ ta’ dawl frekwenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed jikkawża l-qtugħ ta’ dawl frekwenti fi Triq il-Wied u f’partijiet oħra tal-Iklin, peress li kien hemm minn tal-inqas tmien okkażjonijiet ta’ qtugħ ta’ dawl, li sitta minnhom ma kenux ippjanati, bejn is-27 ta’ Novembru 2025 u t-2 ta’ Frar 2026? Tista’ tgħid ukoll x’miżuri qed jittieħdu biex din is-sitwazzjoni ma tibqax tirrepeti ruħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li f’partijiet mil-lokalità msemmija, matul il-perjodu indikat fil-mistoqsija, l-qtugħ fil-provvista kien minħabba ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien, jew sospensjonijiet tas-servizz pjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.

Il-Fgura u Ħal Tarxien – Triq San Tumas u Triq Dun Karm Sant – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol li qed isir fi Triq Dun Karm Sant, Ħal Tarxien, u fi Triq San Tumas, il-Fgura, huwiex qed isir minn x’entità li taqa’ taħtha? Jekk iva, tista’ tgħid fiex jikkonsisti dan ix-xogħol, kemm hu mistenni li se jiġi jiswa, u meta hu mistenni li jitlesta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.