Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siġar meqruda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentri 6177 u 6563 u ċjoe: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqalgħet jew tqaċċtet jew inqerdet, bil-permess u mhux, matul l-2016, l-2017 u l-2018 sa Mejju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tinkludi s-sena, is-speċi tas-siġra u jimmarka b’distinzjoni jekk kienx hemm permess jew le? Fil-każ li ma kienx hemm permess, x’passi ttieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Regolament għall-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar — pubblikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux biħsieb li jippubblika r-regolamenti għall-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar li l-konsultazzjoni pubblika dwarhom għalqet fl-1 ta' Marzu 2018? Jekk iva, meta se jiġi ppubblikat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Msaġar ġew ippubblikati fil-31 ta’ Lulju 2018​.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — miri tal-Horizon 2020

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9288 u b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9279, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali u jgħid: a) jekk dawn il-miri hux ser jintlaħqu sa ftit xhur oħra; b) kemm aħna ‘l bogħod minn dawn il-miri; u ċ) u x’qed isir mill-Ministeru tiegħu sabiex jintlaħqu l-miri t’hawn fuq? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-persentaġġ ta': a) nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni; u b) nisa fuq advisory board?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9458.

Fish Farms — input u output ta' tonn

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9238 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar x’kien l-input u l-output ta’ tonn li kull fish farm tat-tonn immaniġġja rispettivament f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena għal kull fish farm tat-tonn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-totali għas-snin 2016, 2017 u 2018. Dan minħabba li l-informazzjoni mitluba b’mod separat għal kull operatur tikkostitwixxi nformazzjoni kummerċjalment sensittiva għaliex turi l-kapacita’ individwali ta’ tkabbir. L-informazzjoni għas-snin l-oħra mhix miġbura b’mod elettroniku u tirrikjedi ħafna xogħol biex tinġabar.

Rapporti fuq qabda ta' tonn żejjed

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9116 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li kitbet id-Direttur Ġenerali sospiża rigward kemm kien in-numru ta’ tonn żejjed fil-gaġeġ li nstabu f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor.Interpellant li dawn ir-rapporti huma parti minn Inkjesta Maġisterjali li għadha għaddeja. Għaldaqstant mhux għaqli li dawn ir-rapporti jiġu ppubblikati.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Green Leaders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm, jekk hemm, Green Leaders fid-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Green Initiatives huma parti integrali mill-politika tal-Gvern. Il-miżuri favur l-ambjent ma jistriħux fuq il-persuna, iżda fuq l-inizjattivi li jieħu l-Gvern. Fost il-miżuri favur l-ambjent li ttieħdu f’dawn l-aħħar snin kien hemm: · tisħiħ tal- Green Public Procurement ; · introduzzjoni tal-Online Government, li qed iwassal biex inqas nies ikollhom għalxiex jinqalgħu minn djarhom u jużaw il-karozzi; · installazzjoni tal-pannelli; · Il-flessibilità mogħtija lill-ħaddiema fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9111, 8876, 8560 u 8720 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-servizz pubbliku kollu fil-preżent hemm 5,445 mara f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-grad ta’ Prinċipal jew ‘il fuq. Fl-2008 kien hemm 4,900. Fit-top management tas-servizz pubbliku, minn skala 1 sa skala 5, waqt li llum hemm 426 mara, fl-2008 kien hemm 195. Fir-rigward tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, illum hemm 39 mara f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-grad ta’ Prinċipal jew ogħla. Fir-rigward tal-kumpanija WasteServ (Malta) Ltd. in-numru ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet baqa’ fl-istess livelli tal-2010, filwaqt li fir-rigward tal-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi ma jistax isir tali paragun għax din l-Awtorità twaqqfet fl-2016.

Wasteserv – kiri ta’ storage facilities

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Storage Facility għandha l-Wasteserv mikrija mingħand il-privat ġewwa Malta u Għawdex u għal xiex qed jintużaw? Jista’ jgħid il-Wasteserv mingħand min kriet (persuna/kumpanija) u f’liema raħal u area u jekk hemmx il-permessi meħtieġa tal-awtoritajiet konċernati bħall-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)? Jekk iva, jista’ l-Ministru jpoġġi dawn il-permessi fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid kemm huma kbar l-iStorage Facilities? Jista’ jgħid ukoll b’liema forma ta’ procurement ġew mikrija? Jista’ jgħid għal kemm-il sena hi l-kirja u kemm qed tħallas kera l-Wasteserv għal kull metru kwadru, xahar b’xahar u sena b’sena?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Wasteserv għandha mikri mingħand il-privat Storage Facility wieħed fil-limiti tan-Naxxar, Malta u li dan jintuża għall-iskart li ġej minn tagħmir elettriku u elettroniku. Din il-faċilità hija mikrija mingħand V&C Contractors Ltd. u għandha permess ambjentali EP 013/18 li kopja tiegħu tinsab online fuq is-sit tal-ERA. Il-faċilità ġiet mikrija permezz ta’ negotiated procedure approvata mill-MFIN, tinsab fuq medda ta’ art tkopri 4,000 metru kwadru u ġiet mikrija għal tliet snin. Il-kirja stabbilità għal sena flimkien mas-servizzi anċillari hija ta’ €79.50/m2. Din il-kera titħallas kull tliet xhur f’ammont ta’ €79,500 (eskluża l-VAT) u €318,000 għal terminu ta’ sena.

Senior Operatives IV — ħlas

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9273 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9086, liema domanda kienet dwar Senior Operative IV, jista’ l-Prim Ministru jgħid meta ser jibdew jitħallsu dawk it-tmien persuni li jaqgħu taħt din il-kategorija li kienu mal-Gvern u ġew trasferiti u qegħdin jaħdmu mal-ELC u li kellhom jitħallsu b'lura mill-4 ta' Diċembru 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-fatt l-uffiċjali li qed jirreferi għalihom irċevew iż-żieda dovuta lilhom.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u Wasteserve – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8550 u 7876 u jagħti dettaljatament x’kienu u lil min, meta u kemm swew id-direct orders li l-Wasteserve u l-Ministeru tiegħu (separatament) taw mill-1 ta’ Ottubru 2018 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba

Areas għal tkabbir ta' siġar.

Question

Filwaqt li nagħmel referenza għall-artikolu li deher f’The Sunday Times of Malta tal-11 ta’ Settembru 2016 intitolat "Seven zones to get trees in nationwide green lung project” li kopja tiegħu qed tiġi annessa ma’ din il-mistoqsija, jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ dak kollu li effettivament sar mill-Gvern minn dak elenkat minnu f’dan l-artiklu tal-2016?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tħawwil tas-sigar indiġeni f’ dawn is-siti msemmija f’artiklu tat-Times of Malta tal-11 ta’ Settembru 2016, saru kollha u qed isiru arranġamenti biex ikompli jiżdied t-taħwil f’ dawn il-postijiet fejn hemm post u skont il-programm tax-xogħlijiet. Hawn taħt qed ngħaddi d-dettalji ta’ l-ammont li tħawwlu f’ kull sit s’issa. · Baħar iċ-Ċagħaq –718 siġar u arbuxelli indiġeni · Swatar 455 siġar u arbuxelli indiġeni · Wied Blandun –200 siġar u arbuxelli indiġeni · Verdala – 35 siġar u arbuxelli indiġeni. Dawn tħawwlu fil-parti tal-Palazz tal-Verdala. Tħawwlu wkoll il-fuq minn 3,300 ġewwa l-Buskett li l-Verdala jagħmel parti minnu wkoll. Hemm pjanat li jitkompla t-tħawwil ġewwa l-Buskett matul din is-sena wkoll. · Burmarrad – Parti mit-tħawwil sar minn proġett li kien ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja u sar b’ kollaborazzjoni mal-MTIP. Ser jitkompla jsir iktar tħawwil ġo dan il-wied bħala parti minn proġett ieħor ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja. Ix-xogħol għandu jibda din is-sena u jitlesta f’2020. · Żabbar Foss – Sar intervent ta’ tindif u tħawwil f’ partijiet ġewwa din iż-żona. Bħala parti mill-istrutturar ta’ dan is-sit, ser ikun qed jitkompla t-tħawwil ġewwa dan il-post . Dan l-intervent huwa mistenni li jitlesta kollu lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Sar ukoll xogħol ieħor ta’ taħwil ġo siti oħra: · Wied il-Kbir – 200 siġar u arbuxelli indiġeni · Wied Ħesri – 581 siġar u arbuxelli indiġeni · Wied ic-Ċawsli – 403 siġar u arbuxelli indiġeni · Wied is-Sewda – 20 siġar u arbuxelli indiġeni Bħala parti minn proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja ser ikun qed jitkompla t-taħwil ta’ siġar ġewwa Wied l-Għasel, Wied tal-Ġnejna u Wied Għomor.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — miri tal-Horizon 2020

Question

Il-miri tal-Horizon 2020 huma li: a) tal-inqas 40% tal-persuni f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni jkunu nisa; b) tal-inqas 50% tal-persuni f’ advisory groups ikunu nisa; u c) jiżdied in-numru ta’ nisa fir-riċerka u l-innovazzjoni billi jitneħħew il-forom kollha ta’ deskrizzjoni a bażi tal-ġeneru. Għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid: a) jekk dawn il-miri hux ser jintlaħqu sa ftit xhur oħra; b) kemm aħna ‘l bogħod minn dawn il-miri; u ċ) u x’qed isir mill-Ministeru tiegħu sabiex jintlaħqu l-miri t’hawn fuq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9279

Il-Fgura — Dairy Farm - moħqrija

Question

B'referenza għall-istorja imtella mit-Times on Line nhar il-Ħamis 7 ta Marzu bit-Titlu "Disturbing images depicit horrible conditions at Fgura dairy farm", jista' l-Ministru jgħid hux se jittieħdu passi kriminali kontra s-sid fuq akkużi ta' moħqrija lill-annimali? X'passi ħa d-direttur inkargat minn dan il-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex dawn l-annimali ma jibqgħux ibatu u jgħixu f'dawn il-kundizzjonijiet ta' moħqrija? Meta saret l-aħħar viżta mid-direttorat dwar dan il-farm u x'instab u dan fid-dawl li d-dipartiment konċernat kien jaf b'dawn il-kundizzjonijiet fil-farm? Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li l-aħħar spezzjoni li saret mid-Direttorat fuq dan ir-razzett kien fis-7 ta' Marzu 2019. Qabel din id-data kienu saru spezzjonijiet oħra f’Awwissu u Diċembru 2018 u kienet anke saret twissija bil-miktub biex jirranġa l-affarijiet. Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tar-Regolazzjoni Veterinarja huwa awtonomu fid-deċiżjonijiet regolamentorji li jieħu, jien infurmat li dan l-istess direttorat wara li ra u kkunsidra ċ-ċirkostanzi tal-każ u wara li kkunsidra wkoll il-fatt li l-operatur ewlieni tal-farm miet m’ilux u kif ukoll wara li kkunsidra wkoll d-diffikultajiet li sabu l-eredi, ħass li mhux il-każ li jittieħdu passi kriminali f’dan l-istadju. Jien infurmat ukoll li r-regolatur, ħareġ ordni biex fi żmien stipulat ta’ xahar kumplessivament u bħala l-aħħar opportunita’ biex ir-razzett jirregola ruħu: · Jinġieb veterinarju privat tal-fiduċja tal-eredi biex tingħata kura lil dawk l-annimali li għandhom is-slieħ u qed ibagħtu mid-deni fis-sider u fejn hemm mard ieħor. L-eredi jridu jistabbilixxu pjan tas-saħħa tar-razzett kollu flimkien mal-veterinarju u jridu jaraw kif inhuma bi ħsiebhom ikomplu (ġimgħa). · Kull materjal li jinsab fir-razzett u li jista’ jwassal biex jikkawża uġiegħ jew tbatija bla bżonn irid jiġi mneħħi immedjatament mir-razzett (xahar). · Id-demel kollu li jinsab fl-imħażen fejn qegħdin l-annimali jrid jiġi mneħħi u mnaddaf immedjatament u kuljum. · L-artijiet kollha fejn għandhom aċċess għalihom il-bhejjem iridu jiġu rranġati b’tali mod li l-bhejjem ma jiżolqux meta jkunu fuqhom. Hemm bżonn li jintuża iktar friex mal-art biex jassorbi iktar ilma u jevita li jkun jiżloq. · Irid isir pjan ta’ azzjoni dwar kif l-ammont ta’ bhejjem ser jiġi mnaqqas (mill-iktar fiss possibli).

Spezzjonijiet fuq frott u ħaxix minn pajjiżi esteri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tipi ta’ spezzjonijiet isiru fuq frott u ħaxix impurtat minn pajjiżi esteri?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li spezzjonijiet fuq frott u ħaxix impurtat minn pajjizi terzi relatat mas-saħħa tal-pjanti jsiru mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti. Dawn l-ispezzjonijiet jinkludu kontrolli fuq id-dokumenti u kontrolli fiżiċi fuq prodotti skont kif stabbilit fir-Regolament dwar il-Kwarantina tal-Pjanti (Organiżmi li jagħmlu l-ħsara) SL 433.03, kif ukoll skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea u skont il-konvenzjoni tal-IPPC (International Plant Protection Convention). Ħxejjex u frott li huma rregolati taħt il-liġijiet jew l- istandards imsemmija hawn fuq huma suġġetti għal spezzjonijiet. Waqt dawn il-kontrolli, l-ispetturi għas-saħħa tal-pjanti jivverifikaw il-kontenut taċ-ċertifikat fitosanitarju, l-identita’ tal-kunsinna, kif ukoll l-istat ta’ saħħa u l-kwalita’ ta’ din il-kunsinna. Meta dawn it-tlieta jiġu verifikati kif ukoll approvati, il-kunsinna titħalla tidħol f’pajjiżna. Kontrolli fuq id-dokumenti jinkludu l-verifika ta’ ċertifikati fitosanitarji maħruga mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż minn fejn joriġina l-prodott. Iċ-ċertifikati fitosanitarji li għandhom jakkumpanjaw kull kunsinna li tiġi minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropeja għandhom jirflettu r-rekwiżiti tal-liġi Maltija li tittrasponi d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea 29/2000. Kunsinni li ma jkunux akkumpanjati minn ċertifikati fitosantiarji jew li ma jkunux konformi, jiġu distrutti jew mibgħuta lura minn fejn oriġinaw. Spezzjonijiet fiżiċi jsiru wara li l-importatur jinnotifika l-importazzjoni u jimla l-formoli neċessarji provduti mid-Dipartiment tad-Dwana. Waqt l-ispezzjoni, spetturi jew uffiċjali awtorizzati mid-Direttorat jivverifikaw li l-kunsinna hija kif notifikata, ddikjarata u ċċertifikata fiċ-ċertifikat fitosantiarju. Barra minn hekk, jittieħdu kampjuni fuq bażi ta’ riskju jew skont l-ammonti definiti mill-liġi sabiex jiġu spezzjonati viżwalment għall-sintomi ta’ mard u fejn jinħass il-bżonn biex jiġu analizzati fil-laboratorju dijanjostiku tas-Saħħa tal-Pjanti. Konsenji li jkollhom sintomi ta’ mard tal-pjanti ta’ kwarantina jew li ma jkunux konformi mad-dokumentazzjoni, jiġu distrutti jew mibgħuta lura minn fejn oriġinaw. Jekk il-konsenja tkun konformi mar-rekwiżiti applikabbli, il-formola ta’ importazzjoni tiġi ttimbrata mill-uffiċjali tad-Direttorat u l-konsenja tiġi rilaxxata mid-Dipartiment tad-Dwana.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – nefqa fuq reklamar fil-media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz tal-media bejn l-2004 u l-2018, maqsuma xahar b’xahar u mqassam kemm skont il-mezz ta’ reklamar (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) kif ukoll il-benefiċjarju (eż. Facebook, LinkedIn, Allied, Mediatoday, eċċ)?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Veterinary nurses

Question

Billi f'pajjiżna għandna numru ta’ veterinary nurses li jaħdmu ma’ veterinarji u ħafna minnhom, għalkemm għamlu diversi korsijiet u għandhom taħriġ u esperjenza vasta, imma m'għamlux taħriġ formali mill-MCAST u billi l-maġġoranza assoluta ta’ dawn n-nurses huma mħarrġa sew f'xogħolhom bħala veterinary nurse u għandhom esperjenza vasta f'dan il-qasam, jaħsibx il-Ministru li għandha ssir liġi li tirregola dan is-settur ta’ veterinary nurses fejn issir grandfather clause li tiġbor fiha l-ħafna nurses li għalkemm m'għamlux il-kors formali għandhom diversi forom ta’ taħriġ ieħor u esperjenza vasta f'dan il-mistier tant li huma impjegati bħala veterinary nurses ma’ għadd ta’ veterinarji? Billi dan il-qasam ta’ veterinary nurses baqa’ qatt ma ġie regolat jaħsibx li b'kollaborazzjoni bejn iż-żewġt naħat tal-Kamra jista’ jsir abbozz biex dawn il-veterinary nurses jiġu regolati u possibbilment reġistrati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellat li ma hemmx għalfejn isir abozz ta’ liġi sabiex jirregola lil dan il-mistier għaliex il-funzjoni ta’ dawn l-infermiera veterinarji hija koperta fl-Att ezistenti, Kap 437 li jħares is-Servizzi Veterinarji. Il-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Kirurġi Veterinarji mwaqqaf skont l-artikolu 39 tal-Att Dwar Is-Servizzi Veterinarji (Kapitolu 437), f’artikolu 42 (1) jgħidu li dan il-Kunsill għandu: ( b ) jżomm reġistru għar-rigward ta’ dik il-professjoni u professjonijiet u snajja’ supplimentari għall-professjoni veterinarja; ( ċ ) jippreskrivi u jżomm il-livelli professjonali u etiċi għall-professjoni veterinarja u professjonijiet u snajja’ supplimentari għall-professjoni veterinarja; Sottokumitat fi ħdan dan il-Kunsill diġa beda jamgħel xogħol sabiex professjonijiet u snajja’ supplimentari għall-professjoni veterinarja jibdew jiġu regolati u rreġistrati. Il- veterinary nurses jaqgħu taħt din il-kategorija ta’ professjonijiet u snajja’ supplimentari għall-professjoni veterinarja u qegħdin jiġu inklużi fil-proċess. L-abbozz li qiegħed jiġi mfassal, filwaqt li għadu fi stadju bikri, jsegwi regolamenti diġà stabbiliti għall-professjonijiet oħrajn (fosthom dik Veterinarja) ta’ kif professjonijiet u snajja’ jiġu regolati u reġistarti. Dawn ir-regolamenti jaħsbu sabiex jirregolaw u jirreġistraw dawk l-individwi illi ma jkollhomx kwalifika iżda li jkollhom numru ta’ snin ta’ esperjenza valida sakemm dawn josservaw u jirrispettaw ċerti kriterji. Dan il-prinċipju li jinkludi persuni li jkun ilhom jaħdmu f’ċertu settur meta dan is-settur jew professjoni jiġi regolat għal ewwel darba huwa prinċipju bażi li huwa mitlub ukoll f’direttiva Ewropea li tikkonċerna is-servizzi.

Persuni li tressqu l-qorti fuq moħqrija tal-annimali

Question

Jista’ l-Minsitru jgħid, mill-2013 sal-lum, kemm tressqu nies il-qorti, sena b'sena, fuq akkużi li għandhom x'jaqsmu mal-moħqrija tal-annimali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Spezzjoni fuq klieb marbutin b’mod permanenti

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid, kemm ilha li tressqet il-liġi li ma jistgħux jinżammu klieb marbutin b'mod permanenti (chaining of the dogs), kemm-il spezzjoni saret? Meta saru dawn l-ispezzjonijiet u f’liema nħawi saru? Kemm tressqu l-qorti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Direttur Ġenerali tal-Akwakultura u s-Sajd — allegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kuntatt sar minnu jew minn xi ħadd ieħor f'isem il-Gvern Malti mal-Kummissjoni Ewropea u b'mod partikolari mal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, dwar l-allegazzjonijiet li ġew ippubblikati minn El Confidencial fir-rigward tal-persuna li sa nhar it-Tlieta 12 ta' Frar 2019 kienet tokkupa l-kariga ta' Direttur Ġenerali tal-Akwakultura u s-Sajd?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux il-każ li kellu jsir kuntatt kif riferut minnu u dan għaliex il-materja riferuta mhix kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – każijiet ta’ rqajja’ kbar, ħmieġ u ragħwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm irċeviet rapporti l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi dwar każijiet ta' rqajja’ kbar ta’ ħmieġ u ragħwa mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jagħti d-data ta' kull rapport, il-lokalità u/jew indikazzjoni tal-bajja u x'azzjoni ttieħdet dwar kull rapport?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.