Legislature:
Category:
Reset
Active:

Marsaskala - Tal-Fajtata - Parkeġġ - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 984 u ċjoè: B’referenza għax-xogħol imwettaq minn Infrastructure Malta fil-parkeġġ tal-Fajtata, f’Marsaskala, li pjanta dwarha qed tingħata separatament, jista’ l-Ministru jagħti dettalji f’tabella dwar liema żona/art ġiet esproprjata, meta nbeda u ġie tterminat l-proċess, u d-data ta’ liema Gazzetta tal-Gvern ħarġet it-talba?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq l-art inkwistjoni ma sar l-ebda espropju.

Artijiet meħuda mill-Gvern - Kumpens

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-area, il-valur ta' kumpens dovut u l-lokalità tal-artijiet li ġew meħuda mill-Gvern mill-1990 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u li għadhom ma ġewx ikkumpensati b'mod sħiħ? Għal kull każ, jista' jagħti d-data meta ser jingħata l-kumpens dovut u l-ammont tal-kumpens?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li data ta’ dan it-tip ma tistax tingħata għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-informazzjoni. Minbarra dan, fil-maġġoranza tal-każi, il-valur ta’ tali kumpens jiġi stabbilit fiż-żmien li jkun se jsir il-ħlas, għax ikun skont deċiżjoni tal-Qorti jew għax ikun marbut ma’ akkwisti li jkun neċessarju li jingħalqu bil-ħlas u b’kuntratt ta’xiri.

Fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms – Għarfien – Miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms u sabiex il-familji eleġibbli jkunu infurmati dwar l-għajnuna disponibbli u l-mod kif jistgħu japplikaw għalih?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li qed jittieħdu diversi miżuri sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms u sabiex il-familji eleġibbli jkunu infurmati dwar l-għajnuna disponibbli. Dawn jinkludu t-tixrid ta’ informazzjoni permezz tal-websajt u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Ministeru u tal-entitajiet kkonċernati, kif ukoll permezz ta’ ħidma ta’ informazzjoni u gwida mogħtija direttament lill-pubbliku. Barra minn hekk, qed isiru inizjattivi ta’ outreach permezz tal-parteċipazzjoni fi programmi televiżivi, f’ċentri tal-anzjani, mal-kunsilli lokali u fi ħdan diversi għaqdiet volontarji (NGOs), bil-għan li jinxtered aktar tagħrif fost il-pubbliku inġenerali dwar din l-iskema, il-benefiċċji tagħha u l-kriterji ta’ eliġibbiltà. Il-familji li jistgħu jkunu eleġibbli qed jiġu mgħarrfa wkoll dwar il-proċess tal-applikazzjoni sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-għajnuna disponibbli. Fejn meħtieġ, qed tingħata assistenza matul il-proċess tal-applikazzjoni biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-fond.

L-Imtarfa – Ġnien is-Sinjura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tas-sitwazzjoni fi Ġnien is-Sinjura fl-Imtarfa, kemm mill-aspett ta’ problemi strutturali fil-pedamenti kif ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe moviment naturali tal-art? Jista’ l-Ministru jassigura li m'hemm l-ebda periklu la għall-pubbliku u lanqas għar-residenti tal-madwar?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

L-Awtorità tal-Artijiet – Konċessjonijiet f’Golden Bay

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-konċessjonijiet mill-Awtorità tal-Artijiet għall-kiri ta' deckchairs u umbrelel fir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fir-Ramla tal-Mixquqa hemm konċessjoni waħda għall-kiri ta’ deckchairs u umbrelel. Id-dokument innifsu mhuwiex qiegħed jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif mitlub, minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-att dwar il-protezzjoni tad-data.

L-Awtorità tal-Artijiet – Konċessjonijiet fil-Bajja tal-Armier

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-konċessjonijiet mill-Awtorità tal-Artijiet għall-kiri ta' deckchairs u umbrelel fil-Bajja tal-Armier?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fil-bajja tal-Armier hemm 6 konċessjonijiet mill-Awtorità tal-Artijiet għall-kiri ta' deckchairs u umbrelel. Id-dokumenti nfushom mhumiex qegħdin jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif mitlub, minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-att dwar il-protezzjoni tad-data.

Ħal Qormi – Triq il-Kbira – Akkwist tal-proprjetà u l-ġnien tat-Tabib Maempel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux lest jevalwa l-possibbiltà li jakkwista l-proprjetà storika magħrufa bħala tat-Tabib Maempel fi Triq il-Kbira, f'Ħal Qormi, inkluż il-ġnien storiku tagħha, sabiex din tiġi restawrata u mħarsa għall-ġid komuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qed iwettaq proġetti ta’ ġonna u spazji miftuħa f’siti li setgħu jiġu żviluppati, inkluż proprjetajiet li ġew akkwistati mill-Gvern. Għaddej ukoll restawr estensiv ta’ proprjetajiet tal-Gvern sabiex dawn jintużaw mill-pubbliku, il-kunsilli lokali jew għaqdiet mhux governattivi. Il-Gvern qed isegwi l-iżviluppi relatati mal-applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp li tikkonċerna din il-proprjetà privata u bħalissa mhux involut f’diskussjonijiet dwar l-akkwist tagħha.

Fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms – Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment tal-Gvern fil-fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms minn meta tnieda u jagħti rendikont maqsum sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms – Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms ġiet sottomessa minn meta tnieda, kemm minnhom ġew approvati, miċħuda jew għadhom pendenti u kemm-il familja bbenefikat minnu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn meta tnediet l-Iskema SensAbility, l-Awtorità tad-Djar irċeviet 153 applikazzjoni. Minn dawn 128 applikazzjoni ġew approvati filwaqt li applikazzjoni waħda ġiet meqjusa bħala invalida. Kien hemm total ta’ 21 applikazzjoni li ġew irtirati u hemm 3 applikazzjonijiet pendenti. It-total ta’ familji li bbenefikaw mill-iskema sal-ġurnata li fiha qiegħda titwieġeb il-mistoqsija parlamentari jammonta għal 117.

Fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms – Allokazzjoni finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju tal-proċess tingħata l-allokazzjoni finanzjarja għall-fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms u ċjoè; qabel, waqt jew wara li jsir ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

L-allokazzjoni finanzjarja relatata mal-fond għall-ħolqien ta’ sensory rooms tiġi approvata wara li jkunu tlestew ix-xogħlijiet, sakemm dawn ikunu twettqu skont il-kundizzjonijiet u l-kriterji tal-iskema.

Fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms – Applikazzjoni – Proċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-proċess sabiex wieħed japplika għall-fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms u x’inhu ż-żmien medju sabiex applikazzjoni tiġi pproċessata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li sabiex wieħed japplika għall-fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms hemm bżonn li tiġi sottomessa applikazzjoni taħt il-kappa tal-iskema tad-Diżabiltà.  Il-fondi li jingħataw għall-apparat sabiex tiġi konvertita kamra bħala sensory room huwa €6,000 u l-approvazzjoni tal-applikazzjoni tieħu ftit ġranet dment li l-applikazzjoni tkun kompluta bid-dokumenti meħtieġa.  Il-fondi jitħallsu wara li l-applikanti jissottomettu l-irċevuti fiskali tal-apparat mixtri jew installat.

Fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-fond relatat mal-ħolqien ta’ sensory rooms? Jista’ jgħid ukoll: i.    meta twaqqaf dan il-fond; ii.   min huwa eleġibbli għalih; iii.   x’għajnuna finanzjarja tingħata; u iv.   x’tip ta’ spejjeż jew tagħmir huma koperti minn dan il-fond?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema SensAbility ġiet ippubblikata fl- 1 ta’ Novembru 2019.  Eleġibbli għal din l-iskema huma applikanti jew membru tal-familja b'diżabbiltà li jesperjenzaw sfidi sensorji u li fid-data tal-applikazzjoni : ·       huwa s-sid, ·       il-kerrej konoxxut, ·       l-enfitewta perpetwu jew temporanju, ·       ma jippossjediex titolu fuq il-post iżda qiegħed jgħix fih bil-permess ta’ sid id-dar li fuqha qed issir it-talba għall-għajnuna mogħtija taħt din l-iskema. L-għajnuna finanzjara taħt din l-Iskema tammonta għal €6,000.  Barra minn hekk, għajnuna finanzjarja se tingħata għall-bdil ta’ madum tal-art biex jinkludi l-ebda disinn u ripetizzjoni ta’ disinn fil-madum u bdil ta’ twieqi/bibien.  Aktar tagħrif jista jinkiseb minn https://housingauthority.gov.mt/scheme/sensability-scheme/ Il-lista ta’ tagħmir qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Blokka tal-Gvern – Rampa ta’ aċċess

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talba pendenti għall-installazzjoni ta' rampa ta' aċċess fir-rigward tal-blokka tal-Gvern li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar l-istadju li fih tinsab din it-talba?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li hemm talba pendenti għall-installazzjoni ta’ rampa ta’ aċċess għal din il-blokka, li bħalissa qed tiġi evalwata. Wara stħarriġ li sar mit-tekniċi tal-Awtorità tad-Djar, ġie kkonstatat li rampa konformi mal-linji gwida tal-“Access for All” ma tistax titwaħħal fl-ispazju disponibbli. Għaldaqstant, saret talba lis-CRPD sabiex tipprovdi gwida dwar kif għandu jitmexxa dan il-każ.

Raħal Ġdid – Triq Nazzarenu – Xelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li wieħed mill-akbar xelters f’Raħal Ġdid, li jinsab fi Triq Nazzarenu u li kien diġà ġie skopert sentejn ilu, jiġi riabilitat u magħmul aċċessibbli għall-pubbliku f’jiem stabbiliti? Jekk iva, jista’ jgħid ukoll jekk hemmx żmien stabbilit sabiex dan isir?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lil Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru.998.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali – KPIs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx stabbiliti indikaturi ta' prestazzjoni (KPIs) sabiex jitkejjel l-impatt tal-użu ta' sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu, u jekk iva, jelenkahom u jindika kif qed jitkejlu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 704.

Blokok tal-Gvern – Rampa ta’ aċċess fid-daħla/ħruġ – Installazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess li persuna b'diżabilità, residenti fi blokka tal-Gvern, għandha ssegwi sabiex tressaq talba għall-installazzjoni ta' rampa ta' aċċess fid-daħla jew il-ħruġ tal-blokka fejn tirrisjedi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fil-proġetti ġodda għall-installazzjoni ta’ lifts fi blokok tal-Gvern, l-installazzjoni ta’ rampi ta’ aċċess qed tiġi kkunsidrata bħala parti integrali mill-proġett. Fejn ma jkunx hemm proġett għall-installazzjoni ta’ lift, persuna b’diffikultaijiet ta’ mobilità, tista’ tikkuntattja lis-Servizz tal- Customer Care tal-Awtorità tad-Djar u tressaq talba għall-rampa. Fit-talba għandhom jiġu pprovduti: - l-isem u d-dettalji tal-persuna fil-bżonn; - numru tat telefon, indirizz ta’ posta elettronika tal-applikant u - l-indirizz sħiħ tal-blokka kkonċernata.