Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nisa f'Pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5047, tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nisa mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma l-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex – proġetti ta’ toroq

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5240 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti ta’ toroq hemm ippjanati li jsiru ġewwa Għawdex u f’liema sena mill-fond ta' Operational Programme I European Structures and Investments Funds 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 5609.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – Data Protection Officers

Question

Tista' l-Ministru tagħti l-isem u l-kunjom tad-Data Protection Officers kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza inkluż dawk l-uffiċjali f kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tagħha?

Response (DALLI, HELENA)

In-numru ta’ uffiċjali li bħalissa qed jaqdu d-dmirijiet ta’ Data Protection Officer fil-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza huwa ta’ 2. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data se jkun applikabbli fil-25 ta’ Mejju u għaldaqstant il-ministeri, dipartiment u entitajiet qed jaġġornaw il-listi skont il-provvedimenti tar-Regolament.

Strateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Domestika — twettiq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi twettaq mill-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Domestika li kienet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fl-24 ta’ Jannar 2018? Kemm persuni tressqu l-Qorti fuq reati ta’ vjolenza domestika matul din il-Leġiżlatura u sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (DALLI, HELENA)

L-istrateġija nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika kienet imnedija f’Novembru 2017 u tkopri l-perjodu li jintemm fl-aħħar tal-2020. Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa ġew implimentati punti 1.1, 1.2, 1.3 u 1.4 bis-saħħa għal-liġi dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ħa ħsieb biex jitneħħew ir-riservi li kellha Malta dwar xi artikli mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Punt 1.6 ġie mwettaq permezz ta’ kumitat interministerjali, intiż sabiex jiżgura li l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-istrateġija iwettqu xogħolhom fiż-żmien stipulat. Punt 1.7 ġie mplimentat peress li ġie mfassal u stampat il-manwal tal-proċeduri għall-entitajiet kollha. Punt 2.5 twettaq permezz ta’ taħrig għall-professjonisti differenti li jaħdmu f’dan il-qasam fosthom il-pulizija, is-social workers, l-infirmiera, it-tobba, il-guidance teachers u l-qwiebel. Ingħata wkoll taħriġ lill-ġudikatura dwar l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida u l-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Punti 3.1, 3.2 u 3.3 li jirrigwardaw il-prevenzjoni ġew implimentati permezz ta’ kampanji ta’għarfien fuq medja soċjali, radju, kif ukoll is-16-il jum ta’ attiviżmu matul ix-xahar ta’ Novembru. Finalment, punt 4.1 ġie implimentat permezz ta’ publikazzjoni ta’ ktejjeb ta’ informazzjoni mfassal mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika. Din ta’ l-aħħar fasslet ukoll materjal għall-vittmi sabiex ikunu jafu x’servizzi hawn għalihom. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat rigward it-tieni mistoqsija fuq kemm persuni tressqu l-Qorti fuq reati ta’ vjolenza domestika.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – radio advertising — nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid u telenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtha, fuq radio advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq radio advertising fil-perjodu kkonċernat.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — mobile phones imħallsa mill-Gvern

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4893 u tgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Tista’ tgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li 13-il Uffiċjal fis-Segretarjat tiegħi kellhom il-mobile telephone imħallas mill-Gvern bejn April 2013 u llum. In-nefqa globali fil-perjodu kkonċernat kien ta’ €36,380,07.

Ministeru għall-Affarijiet Eworpej u Ugwaljanza — Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4873 u ċjoè: Tista' l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li tikkonċerna s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali.

Għawdex – proġetti ta’ toroq

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5240 u tgħid xi proġetti ta’ toroq hemm ippjanati li jsiru ġewwa Għawdex mill-fond ta' Operational Programme I European Structures and Investments Funds 2014-2020 u f’liema sena?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Awtorità ta’ Ġestjoni ma għandha l-ebda applikazzjoni għal toroq ġewwa Għawdex mill-fond ta' Operational Programme I European Structures and Investments Funds 2014-2020.

Tagħlim tal-Malti lil barranin

Question

Ninnota b’sodisfazzjon li l-barranin li jgħixu Malta qed jingħatalhom l-opportunità li jitgħallmu l-Malti fejn dan jgħinhom fl-inklużjoni, għaldaqstant tista’ l-Ministru tgħid għalfejn ġiet imposta r-regola li trid tkun ilek Malta ħames snin biex tkun intitolat għal dan it-tagħlim? Tista’ tgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan jinbidel?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ma ġietx imposta ebda regola dwar tul ta’ żmien f’Malta sabiex imigrant ikun eliġibbli għall-klassijiet tal-Malti. Għall-kuntrarju il-barranin f’Malta qed ikunu mħajjra jaċċedu għall-dawn il-lezzjonijiet kmieni mal-wasla tagħhom f’Malta. Ir-regola tal-ħames snin tapplika biss fir-rigward tat-talba għal residenza permanenti wara li jkunu milħuqa r-rekwiżiti tal-integrazzjoni u rekwiżiti oħra.

EAFRD – Għajnuna tal-Bidu għall-bdiewa Żgħażagħ — applications

Question

May the Minister responsible for EU Funding under the European Agricultural Fund for Rural Development (EAFRD) kindly indicate: - the total number of applications received under measure 6.1 – Għajnuna tal-Bidu għall-bdiewa Żgħażagħ; - how many of the applications received under measure 6.1 – Għajnuna tal-Bidu għall-bdiewa Żgħażagħ were submitted more than 12 months ago and how many applications were submitted within these last 12 months; and - how many of the applications under measure 6.1 have been decided, and how many of them are still pending and how many pending applications under the same measure were received over 12 months ago?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li n-numru t’applikazzjonijiet minn bdiewa żgħażagħ taħt il-Miżura 6.1 huwa ta’ 23. L-applikazzjonijiet kollha daħlu f’inqas minn 12 -il xahar ilu u dawn għadhom fil-proċess tal-għażla.

EAFRD – Appoġġ għall-Investiment f’Ażjendi Agrikoli — applications

Question

May the Minister responsible for EU Funding under the European Agricultural Fund for Rural Development (EAFRD) kindly indicate: - the total number of applications received under measure 4.1 – Appoġġ għall-Investiment f’Ażjendi Agrikoli and how many of the applications received under measure 4.1 – Appoġġ għall-Investiment f’Azjendi Agrikoli were submitted more than 12 months ago and how many applications were submitted within these last 12 months; and - how many of the applications under measure 4.1 have been decided, and how many of them are still pending. How many pending applications under the same measure were received over 12 months ago? In the case of applications submitted over 12 months ago, will the beneficiaries be allowed to claim for investments carried out between the time that the application was submitted and the time that the application was decided?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li t-total ta’ applikazzjonijiet li rċeviet l-Awtorità ta’ Ġestjoni taħt il-Miżura 4.1 minn meta varat l-iskema huwa ta’ 109. 28 minn dawn l-applikazzjonijiet intlaqgħu iktar minn 12 il-xahar ilu filwaqt li 81 ġew sottomessi fl-aħħar 12 – il xahar. Minn dawn 53 applikazzjoni qegħdin fl-evalwazzjoni u dawk eleġibbli wasslu sabiex jingħataw l-approvazzjoni. Wara qbil mal-Kummissjoni Ewropea fil-ġranet li għaddew in-nefqa hija eliġibbli wkoll jekk tkun ġiet minfuqa wara li tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni lill-Awtorità ta’ Ġestjoni u mhux biss wara li l-applikazzjoni għall-appoġġ tkun ġiet approvata mill-awtorità kompetenti. Ir-rimbors tal-fondi mill-Aġenzija tal-Pagamenti ssir dejjem wara u f’każ li l-applikazzjoni tkun approvata.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – talba għall-fondi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5529 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid jekk hux qed issir talba għall-fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex isir rinovar tal-Forti Rikażli? Xi kemm huwa stmat li hemm bżonn fondi biex din il-fortizza tiġi rinovata?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ma hemm ebda applikazzjoni għand l-Awtorità ta’ Ġestjoni għall-investiment tal-Forti Rikażli.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — newspaper advertising - nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid u telenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtha, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-perjodu kkonċernat.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — spejjeż ta' media events

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4864, tista' l-Ministru tagħti d-dettalji mitluba fil-mistoqsija oriġinali u tgħid: a) kemm kienet l-ispiża ta' kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta' dawn l-attivitajiet; u b) min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — safar

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4872 u ċjoè: Tista' l-Ministru tgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Ministeru tagħha fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31689 fit-XII il-leġiżlatura għall-perjodu 2014-2016. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar safar relatat mal-Ministru għas-snin 2013, 2017 u 2018.

Proposti tal-Kummissjoni Ewropea — taxxa korporattiva ġdida

Question

Peress li ftit jiem ilu l-Kummissjoni Ewropea ħabret il-proposta tagħha dwar il-Baġit Ewropew għas-snin 2021-2027 u l-Kummissjoni Ewropea tixtieq li l-Unjoni Ewropea tiġbor il-flus minn skema ta' taxxa korporattiva ġdida mis-sistema ta' skambju ta’ emissjonijiet u kif ukoll mill-plastik mormi, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern Malti jaqbilx ma' dawn il-proposti hekk msejjħa ir-riżorsi proprji (own resources)?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Istqarrija li ħareġ il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza fit-2 ta’ Mejju 2018, li fiha l-Gvern iddikjara li qed jistudja s-sinifikat tal-proposti, filwaqt li tenna l-pożizzjoni tiegħu dwar materji ta’ taxxi. Din il-pożizzjoni kienet ukoll spjegata fin-non-paper tal-Gvern li jiena qgħedt fuq il-mejda tal-Kamra fl-20 ta’ Marzu 2018.

Nisa f'Pożizzjoni ta' Teħid ta' Deċiżjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4853 u tgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaħdmu fis-settur pubbliku bħalissa? Kemm kien hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet qabel l-10 ta’ Marzu 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tkun aktar speċifika fir-rigward tal-gradi jew skali mitluba għall-mistoqsija konċernata.

Programm ta’ finanzjament mal-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid, issa li bdew id-diskussjonijiet dwar il-programm ta' finanzjament li jmiss mal-Unjoni Ewropea, jekk il-Gvern skattax dak li hemm fid-Dikjarazzjoni fuq Għawdex li hemm mat-trattat ta' adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni u ċjoè jekk Malta talbitx li l-Kummissjoni tirraporta lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' Għawdex u b'mod speċjali dwar id-differenzi fil-livelli ta' żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Għawdex u Malta? Tista' tgħid meta sar dan min-naħa tal-Gvern Malti u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba li saret min-naħa ta' Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Il-Gvern għadu ma skattax dan il-mekkaniżmu. Infakkar li l-proposti għall-Politika ta’ Koeżjoni għad iridu joħorġu lejn l-aħħar ta’ Mejju, wara li fit-2 ta’ Mejju għadhom kemm ħarġu biss il-proposti tal-qafas ġenerali tal-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea. Infakkar ukoll li l-aħħar darba li ġie skattat dan il-mekkaniżmu sar diversi xhur wara li ħarġu l-proposti għall-qafas ġenerali u għall-Politika ta’ Koeżjoni.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — production costs għal TV advertising - nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid u telenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtha, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-figuri mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 2304 kienu jinkludu l-production costs kif ukoll in-nefqa fuq tv advertising. Il-figuri kienu ta’ €23,312.68 minn Fondi Nazzjonali u €57,913.60 minn Fondi Ewropej.

Għajnuna MEUSAC – organizzazzjonijiet f’Għawdex li gawdew mill-fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

B'referenza għar-risposta tagħha għall-mistoqsija parlamentari 4603, fejn ġiet mistoqsija tgħid min huma s-70 organizzazzjoni f’Għawdex li mill-2008 ibbenefikaw ’il fuq minn €6.2 miljun f'fondi tal-Unjoni Ewropea permezz tal-għajnuna tal-MEUSAC kif ukoll tgħid minn kemm ibbenefikat kull organizzazzjoni u għal liema proġett u mil-liema programm, tista’ l-Ministru tgħid kif din l-informazzjoni hija waħda ta' natura fiduċjarja meta fil-fatt dawn huma fondi pubbliċi u l-pubbliku għandu kull dritt li jkun jaf kif qed jintużaw, kif inhuma fondi pubbliċi dak li qed tuża l-MEUSAC biex tagħti l-għajnuna tagħha lil dawn l-organizzazzjonijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Il-MEUSAC ma qassam ebda fondi lil dawn l-organizzazzjonijiet. Il-MEUSAC assistihom fil-proċess ta’ applikazzjoni għal proġetti finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea.