Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – Lista ta’ Direct Orders

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12175 u hekk kif mitlub mill-Ispeaker fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2023, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ direct orders mogħtija mill-Ministeru tiegħu minn Marzu 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u l-valur ta’ kull direct order?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Direct Orders mogħtija mill-Ministeru minn Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha ġiet imħejjija t-tweġiba.

Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Laqgħat fl-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn it-tieni sitt xhur tas-sena, jiġifieri minn Lulju sa Diċembru 2023?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ attendejt għal laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u mistenni nattendi għal laqgħat oħra kif imsemmja hawn taħt: Fit-18 ta’ Settembru 2023 iltqajt mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mar-Rappreżentant Għoli tal-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurta’ ġewwa New York, l-Istati Uniti. Fit-2 ta’ Ottubru 2023, iltqajt mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mar-Rappreżentant Għoli tal-Affarijiet Barranin u l-politika tas-Sigurta’ ġewwa Kyiv, l-Ukrajna. Fid-9 u l-10 ta’ Ottubru 2023, ipparteċipajt fis-sebgħa u għoxrin Kunsill Konġunt bejn il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf u l-Unjoni Ewropea, li seħħ f’Muskat, fl-Oman. Fil-11 ta’ Ottubru 2023, kelli laqgħa onlajn li sejjaħ ir-Rappreżentant Għoli tal-Affarijiet Barranin u l-politika tas-Sigurta’, wara l-iżviluppi li seħħew f’Iżrael u r-reġjun. Fid-19 ta’ Ottubru 2023, żort Vienna, l-Awstrija fejn iltqajt ma’ l-E.T. Alexander Schallenberg, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Awstrija. Fit-23 ta’ Ottubru 2023, iltqajt mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropeja, kif ukoll mar-Rappreżentant Għoli tal-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà ġewwa il-Lussemburgu. Fl-24 ta’ Ottubru 2023, attendejt għal-Laqgħat tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin Ġenerali. Fit-13 ta’ Novembru 2023, mistenni niltaqa’ mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mar-Rappreżentant Għoli tal-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà ġewwa Brussell. Fil-15 ta’ Novembru u fit-12 ta’ Diċembru ta’ din is-sena mistenni li nattendi wkoll għal-Laqgħat tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin Ġenerali. Fl-20 ta’ Novembru 2023, mistenni nipparteċipa fil-laqgħa ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana, li se sseħħ fi Brussell. Fil-21 ta’ Novembru 2023, mistenni nkun mistieden sabiex nipparteċipa fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea dwar l-Iżvilupp. Fis-27 ta’ Novembru 2023, mistenni nkun mistieden ukoll sabiex nipparteċipa fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea dwar il-Kummerċ. Fis-27 ta’ Novembru 2023, mistenni nipparteċipa fil-laqgħa ministerjali bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, li ser isseħħ f’Barċellona. Fil-11 ta’ Diċembru 2023, mistenni niltaqa’ mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mar-Rappreżentant Għoli tal-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà ġewwa Brussell.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Defibrillators

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9873, jista' l-Ministru jgħid jekk dan ifissirx li m'hemmx defibrillator fl-ambaxxati ta' Malta u fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil-Onor. Interpellanta li m’għandix iżjed xi nżid mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9873 li diġà tajt, jiġifieri li l-Ministeru għandu defibrillator wieħed (1) installat f’Palazz Spinola, San Ġiljan.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Talbiet taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt l-istess dekasteru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn it-talbiet ġew imwieġba, kemm minnhom għadhom pendenti, u kemm minn dawn it-talbiet ma ntlaqgħux? Għal kull waħda mit-talbiet li ma ntlaqgħux, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal dan, u jindika lil liema fergħa tad-dekasteru ġew preżentati t-talbiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għall-perjodu 2022 sal-lum, jien informat illi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, inkluż l-Awtoritajiet Pubbliċi kkonċernati, irċevew 15-il talba. Minn dawn, 9 intlaqgħu, 6 ma ntlaqgħux waqt li m’hemmx talbiet li għadhom qed ikunu evalwati. Fejn it-talbiet kienu rifjutati dan sar għaliex id-dokumenti mitluba huma esklużi mill-iskop tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat miegħu f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 u jgħid min huma l-konsulenti, x'remunerazzjoni għandhom u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Summit tal-Med9 — Rendikont

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11629 u jagħti rendikont sħiħ u dettaljat tan-nefqa li saret b'rabta mas-summit tal-Med9? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmi summit?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Impjegati li għandhom permess li jipparkjaw il-Belt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati li għandhom permess li jipparkjaw il-karozza privata tagħhom il-Belt u jekk humiex eżentati mis-CVA?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda impjegat tal-Ministeru m’għandu permess biex jipparkja l-karozza privata l-Belt, però l-Ministeru għandu 4 reserve parkings li huma approvati minn Transport Malta. Dawn il-karozzi huma wkoll eżentati mis-CVA.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Remunerazzoni ta’ individwi

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-individwi fi ħdan il-Ministeru tiegħu, inkluż dawk f’awtoritajiet, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, li għandhom pakkett finanzjarju ikbar mill-Ministru nnifsu? Jista’ jgħid ukoll min huma u kemm hu l-pakkett annwali, inkluż perkaċċi u bonuses?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12090.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – politika dwar is-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux politika għas-saħħa mentali biex is-saħħa mentali tiġi integrata fit-tfassil ta’ kull politika mill-istess Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-pjan li titfassal u tiġi adottata din il-politika (mental health policy)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-Ministeru, bħala parti mis-Servizz Pubbliku, huwa marbut mill-politika ċentrali fuq is-saħħa mentali. Minbarra hekk tajjeb li jingħad ukoll li fil-Ministeru tingħata importanza kbira lill-Employee Support Programme fejn uffiċjali jistgħu jirrikorru f’każ ta’ diffikultà ulterjuri.

Passaporti diplomatiċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11424 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, jista’ l-Ministru jgħid f'liema kapaċità jew abbażi ta’ liema rwoli uffiċjali, inħarġu s-641 Passaport Diplomatiku validu li hawn fiċ-ċirkolazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Passaport Diplomatiku jinħareġ lill-persuni li huma ċittadini tar-Repubblika ta’ Malta skont linji gwida ċari li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ambaxxatur/Konslu Malti għall-Ukrajna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Ambaxxatur/Konslu Malti għall-Ukrajna? Jekk iva, jista’ jgħid min hu? Jekk le, jista’ jgħid kemm ilha vakanti din il-pożizzjoni u għaliex ilha daqstant vakanti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ambaxxatur Malti għall-Ukrajna huwa l-E.T. John Debono. L-Ambaxxatur m’huwiex residenti iżda bbażat Malta. Malta għandha wkoll Konslu Onorarju ġewwa Kyiv, is-Sur Pavlo Mykolayovych Grechkivsky. Din l-informazzjoni hija anke aċċessibli fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ - https://consularplus.gov.mt/travel-advice/e02d8937-e31a-13cc-17c1-f4a9c5b3ddd6/2?lang=en

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm direct orders mogħtija mill-Ministeru tiegħu minn Marzu 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – Lista ta’ Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ direct orders mogħtija mill-Ministeru tiegħu minn Marzu 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u l-valur ta’ kull direct order?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12174 tal-istess Seduta.

Saudi Arabia — Żjara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’laqgħat li huwa kellu fis-Saudi Arabia f’Settembru li għadda, qajjimx il-materja tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem mis-Saudi Arabia, b’mod partikolari in vista tal-qtil tal-ġurnalista li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa wieħed mill-pilastri tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest ninforma lill-Onor. Interpellant li f’kull laqgħa uffiċjali li jkolli barra mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, dejjem nara li jkun inkluż punt fuq l-aġenda dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma’ dak il-pajjiż. Dan l-eżerċizzju sar ukoll għal laqgħa li qed jagħmel referenza għalija l-Onor. Interpellant.

Proprjetà mgħoddija mill-Knisja lill-Istat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdew in-negozjati bejn il-Gvern u s-Santa Sede dwar ftehim ġdid li jirregola l-proprjetà immobbli li l-Knisja Kattolika għaddiet lill-Istat Malti fl-1991? Jista’ jgħid ukoll fiex waslu dawn in-negozjati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati dwar l-emendi tal-Ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Istat tar-Repubblika ta’ Malta dwar kwistjonijiet ta’ patrimonju bdew nhar l-14 ta’ Frar 2023. Ninsab infurmat li dawn in-negozjati jinsabu fi stadju ta’ skambju ta’ ideat għal test aħħari.

Persuni ta’ nazzjonalità barranija reġistrati f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jelenka n-numru ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija li hawn reġistrati f’pajjiżna? Jista’ l-Ministru jelenka kemm-il persuna hawn f’Malta maqsuma għal kull pajjiż u kemm huma nisa u kemm huma rġiel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Persuni ta’ nazzjonalità barranija reġistrati f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ta’ nazzjonalità barranija hawn f’kull lokalità, maqsuma skont il-pajjiż tal-oriġini, u kemm huma nisa u kemm huma rġiel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Summit tal-Med9 — Rendikont

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont sħiħ u dettaljat tan-nefqa li saret b'rabta mas-summit tal-Med9? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmi summit?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Defibrillators

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fejn hemm defibrillator?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm defibrillator wieħed (1) installat f’Palazz Spinola, San Ġiljan.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Ħaddiema ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni mal-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Marzu 2022 sal-ġuranta li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma bit-tip ta' kuntratt mogħti (definit jew indefinit) u anke bl-irwol li ġew ingaġġati fih?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Entità Numru Tip ta' Kuntratt Rwol li ġew ingaġġati Trade Malta Ltd 1 Indefinit Media/PR Manager