Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vetturi mixtrija għall-użu tal-missjonijiet diplomatiċi ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vettura nxtrat għall-użu tal-missjonijiet diplomatiċi ta’ pajjiżna tul is-snin 2019 u 2020? Jista’ jgħid jekk hemmx talbiet reġistrati għal tul din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-snin 2019 u 2020 inxtraw 10 karozzi għal użu ġewwa l-missjonijiet diplomatiċi ta’ Malta. S’issa saru talbiet sabiex jinbidlu l-karozzi uffiċjali ġewwa 3 missjonijiet oħra.

Rappreżentanzi Diplomatiċi – installazzjoni ta’ IT Equipment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm numru ta’ rappreżentanzi diplomatiċi tagħna li baqgħu ma nstallawx l-IT equipment li ġie indikat u mibgħut lilhom mill-Ministeru? Jista’ jindika liema huma dawn? Għal-liema raġuni dan l-proċess baqa’ ma sarx?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-aħħar sena il-Ministeru bagħat erbgħin vjeġġ ta’ tagħmir elettroniku jew relatat mat-teknoloġija tal-informatika lejn il rappreżentanzi diplomatiċi ta Malta. Il-maġġoranza ta’ dan it-tagħmir huwa nstallat diġà. Hemm numru ta’ tagħmir li għadu jrid jiġi installat f’rappreżentanzi bħal Moska, Toronto, Washington u New Delhi. Għalkemm f’ċertu sitwazzjonijiet il-Ministeru jista’ jinstalla b’mod remot, dan mhux dejjem possibbli minħabba ċertu kontrolli. Minħabba l-pandemija u s-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali, il-Ministeru baqa’ lura milli jibgħat l-uffiċjali tiegħu barra mill-pajjiż, fejn mhux assolutament neċessarju. Dan ma jfissirx, illi dawn ir-rappreżentanzi ma jistgħux jiffunzjonaw bħalissa.

Ambaxxati u kummissjonijiet għola ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul din is-sena u dik li ġejja hemmx il-pjan li jinfetħu ambaxxati, kummissjonijiet għolja jew konsolati ġenerali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hija l-intenzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej li jaħdem biex ikollu Ambaxxata ġewwa Brasilia fil-Brażil, f’Doha l-Qatar u Addis Ababa ġewwa l-Etjopja. Barra minn hekk il-Ministeru qed jaħdem sabiex jiftaħ Konsulat Ġenerali ġewwa Casablanca fil-Marokk. . Il-Ministeru qed jaħdem ukoll biex Malta jerġa’ jkollha Ambaxxata tiffunzjona ġewwa Tripli fil-Libja.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — persuni maħtura bħala membru ta’ bord jew entità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija maħtura mill-Ministeru bħala membru ta’ bord jew entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, liema huma dawn il-ħatriet, kemm minnhom huma nisa jew irġiel u jindika l-kariga li għaliha ġew maħtura?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi bħalissa hawn 29 persuna maħtura fuq bordijiet apparti l-Ministru li huwa wkoll chairperson fuq il-bord tal-Kunsill Maltin ta’ barra.. Dawn il-ħatriet huma; segretarju/a u membri tal Kunsill Maltin ta’ barra; Chairperson u segretarju/a tas- Sanctions Monitoring Board ; Direttur u Membri tal-OPCW; Chairpersons u membri tal- Overseas Development Fund u Cultural Diplomacy Fund; Rappreżentant tal-Gvern fuq il-bord tal-MEDAC. Minn dawn id-29 membri 18 huma rġiel u 11 huma nisa. Huma ġew maħtura kif ġej: Bord Nisa Irġiel Kunsill Maltin ta’ Barra 7 Membri 8 Membri; 1 Segretarju (apparti l-Ministru għall-Affarijiet Barranin li dejjem ikun maħtur Chairperson fuq dan l-Bord). Sanctions Monitoring Board 1 Segretarja; 6 Membri 1 Chairperson ; 9 Membri OPCW --- 4 Membri Overseas Development Aid 1 Chairperson 2 Membri Cultural Diplomacy Fund --- 1 Chairperson ; 2 Membri MEDAC 1 Rappreżentant tal-Gvern ---

Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux iktar laqgħat mal-Kunsilliera tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta mill-aħħar laqgħa fl-2019? Jekk iva, jistgħu jitqiegħdu l-minuti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena li għaddiet (2020) u din is-sena (2021) saru żewġ laqgħat mal-Kunsilliera tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu barra minn Malta. Dawn il-laqgħat saru f’forma virtwali minħabba l-pademija COVID-19 fis-16 ta’ Ottubru 2020 u fit-3 ta’ Frar 2021 rispettivament. Filwaqt li qiegħed inpoġġi kopja tal-minuti tal-ewwel laqgħa (dik li nżammet fis-16 ta’ Ottubru 2020) fuq il-Mejda tal-Kamra, il-minuti tat-tieni laqgħa tat-3 ta’ Frar 2021 ma jistgħux ikunu mpoġġija minħabba li għad iridu jiġu approvati mill-membri tal-Kunsill. Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant jista’ jitlob kopja tal-istess minuti meta dawn jiġu approvati mill-Kunsill fil-laqgħa li jmiss.

Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta — kunsilliera ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma attwalment il-Kunsilliera ġodda tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta li ħadu post dawk li rriżenjaw u x’kienet ir-raġuni tar-riżenja tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kunsilliera li rriżenjaw mill-kariga s-sena li għaddiet kienu tnejn: Is-Sur Shane Delia u s-Sa. Anita Grillo, liema Kunsilliera rre¿enjaw mill-kariga għal raġunijiet personali. Posthom ittieħed mis-Sur John Vassallo u s-Sa Georgina Bugeja rispettivament.

Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta- CMLA – Road Map

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ġie implimentat s’issa mir-Road Map tas-CMLA li l-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta vvota dwarhom u li kien hemm qbil anki mill-Ministeru dwarha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal PQ bin-numru 19523.

Ambaxxati u rappreżentanzi diplomatiċi ta’ Malta – Sistema tal-accounts ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il-darba huwiex ikun hemm assistenza da parti tal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol lid-diversi ambaxxati u rappreżentanzi diplomatiċi ta’ pajjiżna in vista tas-sistema l-ġdida tal-accounts? Jista’ f’dan jikkonferma li jidher li kien hemm uħud li ma setgħux jagħlqu l-accounts tas-sena li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill Onor. Interpellant li dan il-Ministeru qed isib l-assistenza kollha neċessarja mingħand is-sezzjoni tas-CFMS fi ħdan it-Te¿or. Nista wkoll nikkonferma illi l-Ambaxxati kollha għalqu l-accounts tas-sena li għaddiet.

Rappreżentanzi Diplomatiċi ta’ Malta – kredituri u debituri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kredituri u debituri kellhom ir-rappreżentanzi diplomatiċi ta’ pajjiżna fl-aħħar tas-sena li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Informazzjoni mitluba tinsab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Senior Counsellors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għad fadal diplomatiċi tal-karriera li huma fil-grad ta’ Senior Counsellors u għadhom ma ngħatawx pożizzjoni ta’ Ambaxxatur, Kummissarju fil-Kummissjoni Għolja jew Rappreżentant Permanenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, hawn Senior Counsellor tal-karriera wieħed li diġà kellu l-opportunità li jservi kemm bħala Ambaxxatur u anke bħala Kummissarju Għoli għal pajjiżna.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — talbiet skont il-Freedom of Information Act

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant bis-segwenti statistika: Sena Talbiet Rifjutati 2013 3 1 2014 6 1 2015 2 1 2016 3 2 2017 3 1 2018 5 2 2019 7 5 2020 10 8 2021 - -

Tqassim tal-Prodott Gross Domestiku – għajnuna barranija li Malta tat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-għajnuna barranija li Malta tat f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm din kienet bħala perċentwali tal-Prodott Gross Domestiku? Jista' jagħti lista ta' kif l-għajnuna barranija tqasmet sena b'sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ammonti ta’ għajnuna barranija li Malta tat bejn l-2015 u l-2019, inkluż il-perċentwali tal-Prodott Gross Domestiku, kif mitlub. L-istatistika għas-sena 2020 tkun għadha qed tinġabar bħal dan iż-żmien u, għaldaqstant, mhux qiegħda inkluża fit-tabella. Madankollu, din tkun disponibbli aktar tard. Dawn il-figuri huma approvati mill-OECD u jinsabu ippubblikati fuq il-websajt tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — tenders/direct orders lill-kumpanija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18200, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu tawx tender jew direct order lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sissa? Jekk iva, jista' jagħti l-informazzjoni sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ma ta l-ebda tender jew Direct Order lill-kumpanija li qed jirreferi għaliha.

Talbiet biex ajruplani statali jew militari jinżlu f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba rċieva d-Direttorat tal-Protokoll sabiex ajruplani militari jew statali jinżlu f’pajjiżna u kemm-il darba saret talba sabiex jidħlu fl-ispazju tal-arja tagħna tul l-2020?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li tul l-2020 id-Direttorat tal-Protokoll irċieva 122 talba sabiex ajruplani militari jew statali jinżlu Malta. Id-Direttorat irċieva wkoll 297 talba sabiex ajruplani militari jew statali jidħlu fl-ispazju tal-ajru ta’ Malta.

Talbiet biex bastimenti statali jew militari jidħlu f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba rċieva d-Direttorat tal-Protokoll sabiex bastimenti militari jew statali jidħlu f’pajjiżna fl-2020?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-Direttorat tal-Protokoll rċieva sitta u għoxrin (26) talba sabiex bastimenti militari jew statali jidħlu f’pajjiżna fl-2020.

Ambaxxaturi għar-Rispett tad-Drittijiet tal-Bniedem

Question

Jista' l-Ministru jispjega x’inhi r-raġuni li ma nħatarx ambaxxatur għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fost l-ambaxxaturi tematiċi li nħatru dan l-aħħar? Jidhirlux li dan in-nuqqas juri nuqqas ta' impenn ta' Malta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u jikkunsidrax li jaħtar wieħed fil-futur qarib?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta f’Geneva hija ‘ffukata propju fuq il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid- dinja. Barra minn dan l-Ambaxxataturi ta pajjizna isegwu u jahdmu għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-missjonijiet taghhom. Dan juri li l-impenn ta Malta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem huwa aktar mifrux.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — konsulenti maħtura

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18918, jista' l-Ministru jindika l-ismijiet tal-konsulenti li ġew maħtura mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Ministeru tal-Affarijiet Barranin ħatar ħames konsulenti li għadhom fil-kariga li huma: Is-Sur Karl Bugeja; Dr Charmaine Christiano Grech; Is-Sur Maurice Grupetta; is-Sur John Schembri u is-Sur Carmel Zammit. Iż-żewġ konsulenti li kellhom il-kuntratt terminat fil-2020 huma s-Sur Victor Camilleri u s-Sur Joshua Zammit.

Korp Diplomatiku – ftehim kollettiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ftehim kollettiv li ġie ffirmat mal-Korp Diplomatiku fis-sena 2019 huwiex jiġi implimentat fis-sħiħ jew le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi l-ftehim kollettiv li ġie iffirmat mal-Korp Diplomatiku fl-2019 qed jiġi implementat fis-sħiħ.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – Second Secretary

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sejħa riċenti għall-pożizzjoni ta’ Second Secretary fi ħdan il-Ministeru hiex differenti minn dawk preċedenti u jekk iva f’liema partijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi l-uniċi partijiet li huma differenti f’din is-sejħa meta mqabbla ma dawk preċedenti huma fit-Termini u Kundizzjonijiet, u fir-Rekwiżiti tal-Eliġibbilita’