Avukati – assistenza lill-vittmi ta’ vjolenza domestika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif intgħażlu l-avukati biex jassistu l-vittmi ta’ vjolenza domestika u kemm huwa ħlas tagħhom? Kemm kien il-ħlas lilhom fl-2020?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
It-tliet (3) avukati tal-għajnuna legali biex jassistu l-vittmi ta’ vjolenza domestika ġew appuntati mill-24 t’April 2020, a tenur ta’ Artikolu 89 tal-Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta. Huma jitħallsu €650 fix-xahar għax-xogħol ta’ pariri kollha li jgħatu lill-vittmi assenjati lilhom.
Peress li l-Ministru fil-ftuħ tal-Uffiċċju tal-Aġenzija għall-Għajnuna Legali qal li sar investiment ta’ €1.4 miljun, jistax ġentilment jagħti spjegazzjoni dettaljata fuq xiex intefqu dawn il-flus?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din ċ-ċifra tinkludi l- kera għall-post minn fejn tiffunzjona l-għajnuna Legali fuq medda ta’ għaxar snin, l-pagi tal-impjegati fl-Aġenzija u rimunerazzjoni tal-Avukati tal-għajnuna legali u prokuraturi legali appuntanti, għamara ġdida għall-uffiċini ġodda kif ukoll spejjeż rikorrenti essenzjali għall-funzjoni tal-Aġenzija.
Jista’ l-Ministru jgħid saritx jew fiex waslet it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li twaqqaf kumitat sabiex jaħdem fuq it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937. Uffiċjali Pubbliċi qed jipparteċipaw u jsegwu laqgħat tal-Expert Group tad-Direttiva (UE) 2019/1937 fuq livell Ewropew.
Jista’ l-Ministru jgħid x’konsultazzjonijiet saru jew qed isiru jew qed jippjana li jsiru fit-tħejjija tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur ta’ liġi tal-Unjoni? Ma’ min?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jippanja li ssir konsultazzjoni pubblika onlineu konsultazzjoni oħra mal-Malta Council for Economic and Social Development(MCESD).
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe dokument konsultattiv jew abbozz leġislattiv li jimplimenta t-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni? Fi kwalunkwe każ, jista’ l-Ministru jindika jekk il-Gvern identifikax dipartment responsabbli għal din it-traspożizzjoni, hu liema hu, u jekk inbediex jew tlestiex l-abbozzar tal-liġi li timplimenta t-traspożizzjoni?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Id-Direttorat tal-iStrateġija u Sapport fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza flimkien mal-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat se jkunu qed imexxu din it-traspożizzjoni. Minħabba li l-liġi kif proposta qiegħda fil-fażi ta’ abbozz, dan jitqies bħala dokument intern u ma jkunx għaqli li jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qrati tal-Ġustizzja – awli attrezzati għal smigħ ta’ seduti online
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm awli fil-bini tal-Qrati tal-Ġustizzja u kemm minn dawn huma mgħammra bil-faċilità għall-smigħ ta’ seduti online?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Qorti ta’ Malta hemm tliet (3) Awli li huma mgħammra bil-faċilità għall-smigħ ta’ seduti online. Hemm ukoll żewġ (2) sistemi portabbli għall-smigħ ta’ seduti online li jintużaw f’dawk l-Awli li sal-llum m’humiex mgħammra bil-faċilità għall-smigħ ta’ seduti online. L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati qegħda fil-proċess sabiex sal-aħħar ta Jannar 2021 ikun hemm ħames (5) Awli oħra mgħammra bil-faċilità għall-smigħ ta’ seduti online.
Fil-bini tal-Qorti ta’ Għawdex hemm tlett awli li tnejn minnhom huma mgħammra bil-faċilità (waħda minnhom portable) għall-smigħ ta’ seduti online.
Amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja – persuni li jħaddmu seduti online
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hemm addetta mill-amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja biex jitħaddmu l-awli fejn jistgħu jsiru seduti online, apparti l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jagħmel xogħol sfieq u dedikat?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li fil-Qorti ta Malta hemm numru ta’ Deputati Registraturi tal-Qorti li huma mħarrġa biex iħaddmu l-apparat għal seduti online. Hemm ukoll erba’ impjegati tekniċi oħra li d-dmirijiet tagħhom jinkludu li jaraw li jitħaddem l-apparat għal seduti online. Is-s-salary scale tagħhom hija kif ġej:
Deputati Registraturi: Skala bejn 6 – 12
ICT Officer: Skala 5
Senior Systems Administrator Skala 7
Principal Technical Officer Skala 9
ICT and Audiovisual Support Officer Skala 10
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu s-salary scale tal-persuna teknika addetta mill-amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja li għandu d-dmir, fost oħrajn, li jara li jitħaddem l-apparat għal seduti online?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsjia parlamentari 17998.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex isiru l-emendi fil-liġijiet rispettivi, sabiex aħwa mill-istess omm imma b'missier differenti u għalhekk kunjom differenti, bil-ġenituri miżżewġa, tkun tista' tiġi trasferita għalqa/raba’ li tkun bi qbiela tal-privat fuq il-missier filwaqt li oriġinarjament ir-raba’ kien bi qbiela fuq l-antenati min-naħa tal-omm peress li sal-lum it-trasferiment tal-qbiela tal-għalqa/raba’ ġie mċaħħad għaliex ulied l-omm li oriġinarjament il-qbiela kienet fuq in-naħa tal-antenati tagħha ma ġewx rikonoxxuti mis-sidien bħala werrieta għaliex huma ta' kunjom differenti minn tar-raġel li kien żewġ ommhom fit-tieni żwieġ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — Bordijiet - attendenza ta' membri
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17518 u jagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tiegħu matul din il-leġiżlatura?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal kull laqgħa tal-Board li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħi dejjem kien hemm quorum.
Għal daqstant inkompli nżied is-segwenti, li sa Novembru 2020:
- l- Bord ta' Rijabilitazzjoni ta' Persuni li nqabbdu bid-Droga ltaqa’ 40 darba;
- l-Bord taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni ltaqa’ 32 darba;
- t-Tribunal tal-Appelli fuq l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data ltaqa’ 46 darba;
- l-bord tal-Kummissjoni dwar l-Vjolenza Abbażi il-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika ltaqa’ 31 darba;
- l-Bord tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) ltaqa’ 27 darba;
- l-Kumitat fuq ir-Riforma tal-Prostituzzjoni ltaqa’ 5 darbiet f’din il-leġiżlatura;
- l-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta ltaqa’ 20 darba;
- l-Bord Konsultattiv dwar d-drittijiet tan-Nisa ltaqa’ 27 darba;
- l-Kumissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni ltaqat 85 darba;
- l-Kumitat Konsultattiv LGBTIQ ltaqa’ 10 darbiet;
- l-
Board to regulate grants to Voluntary Organisation in line with a National Campaign against Drugs
ltaqa darbtejn;
- l-Bord tal-
Asset Recovery Bureau
ltaqa’ 27 il-darba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti sabiex isiru avukati tal-għajnuna legali fl-aħħar sejħa li saret, kemm minnhom intgħażlu u fuq liema kriterji ntgħażlu? Min kienu l-persuni li wettqu l-għażla?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li n-numru t’applikanti għas-sejħa tal-avukati tal-għajnuna legali għall-Malta u s-sejħa għal Għawdex huma kif ġej:
Avukati għal għajnuna legali f’MaltaAvukati għajnuna legali f’Għawdex
Numru t’applikanti365
Applikazzjonijiet irtirati4-
Għaddew l-intervista325
Numru ta’ applikanti magħżula 203
Il-kriterji li bihom l-applikanti ingħataw il-punti kienu dawn li ġejjin u kull kriterju kien maqsuma f’sub-kriterji skont il-minimu u l-massimu tal-marka. Il-kriterji kienu:
Legal Aid Experience – years, Legal Aid Knowledge on questions asked, Communication skills, Organisational skills, Team work, Additional qualifications, Aptitude and motivation to work, Work Ethics.
Il-Bord tal-għażla, nominat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, kien kompost minn:
ChairpersonImħallef irtirat tal-Qrati tal-Ġustizzja
MembruDirettur għad-Dipartiment tal-Ġustizzja
MembruManiġer Anzjan fl-Aġenzija tal-Għajnuna Legali
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fix-xahar ta’ Diċembru 2020 l-Avukat Ġenerali rċeviet il-proċess verbal mill-Maġistrat Inkwirenti dwar l-Inkjesta Maġisterjali fuq il-Bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, liema inkjesta kienet inbdiet fl-2018? Jista’ jikkonferma li l-Maġistrat Inkwirenti rrakkomanda:
(a) passi kriminali għall-ħasil ta’ flus kontra l-Bank qua Bank;
(b) passi kriminali għall-ħasil ta’ flus kontra s-sidien tal-Bank;
(c) passi kriminali fuq ħasil ta’ flus kontra d-Diretturi tal-Bank u kontra l-Money Laundering Reporting Officer;
(d) li jiġi investigat l-operat tal-FIAU u tal-MFSA għal possibbli ksur ta’ liġi fl-għoti tal-liċenzja lill-Bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u kompliċità kriminali għal ħabi ta’ ksur tal-liġi kriminali da parti tal-Bank?
Jista’ jgħid għaliex il-Gvern għadu ma għamel xejn sal-lum biex jitlob l-estradizzjoni lejn Malta ta’ dawk kollha indikati mill-Maġistrat Inkwirenti li għandhom jitressqu l-Qorti fuq money laundering?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Waqt li huwa magħruf li inkjesti maġisterjali huma kunfidenzjali fin-natura tagħhom, l-Onorevoli interpellant imissu jaf aħjar kif, bħala professjonist legali u eks-Ministru, m’għandux jidħol f’din il-materja, irrispettivament mill-fatt jekk hux inkjesta pendenti jew konkluż.
Ilkoll nafu tajjeb li parti mill-proċess ta’ saltna tad-dritt b’saħħitha hu li l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu mingħajr indħil politiku, kif jien u dan il-Gvern ninsabu determinati li nkomplu nagħmlu.
Irrid nissoleċita lill-Onorevoli interpellant biex jagħti spjega ta’ minn fejn ġab din l-informazzjoni, li fin-natura tagħha hi sigrieta skont il-Liġi. Tali informazzjoni fil-pussess tiegħu, dejjem jekk hi waħda fattwali, tista’ tippreġudika l-eventwali proċess kriminali u mandati li jistgħu jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti għall-buon amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Għaldaqstant intenni lill-Onorevoli interpellant biex jieqaf jinqeda bil-vesti tiegħu ta’ avukat ħalli jikseb xi kapital politiku. Nistenna li mġieba simili tiġi wkoll sindakata mill-organi kollha kompetenti.
Jista’ l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' uffiċjali reviżuri tal-atti nutarili fl-aħħar ħames snin, il-proċedura kif jiġu assenjati lin-nutara pubbliċi partikulari u jekk hemmx xi forma ta' rotazzjoni ta' dawn l-uffiċjali reviżuri bejn nutara differenti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li l-uffiċjali reviżuri jiġu assenjati lin-nutara pubbliċi partikolari mill-Kunsill Nutarili u għal dan il-għan jinħareġ avviż fil-Gazzetta tal-Gvern darba f’sena, normalment lejn il-bidu tas-sena. F’dawn l-aħħar ħames snin in-numru ta’ reviżuri għal kull sena kien ġeneralment qed ikun ta’ erbgħa, għalkemm kien hemm xi perjodu fejn kienu tlieta. Rigward ir-rotazzjoni tar-reviżuri din tiġi determinata mill-Kunsill Nutarili.
Hawnhekk qed nitkellmu dwar reviżuri ta’ atti
inter vivos
peress illi r-reviżjoni tat-testmenti ssir mill-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern.
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — ħaddiema li ħarġu bil-Kwarantina
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16855, jista' l-Ministru jgħid jekk il-każijiet kinux direttament fil-Ministeru jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
B’referenza għall-figuri li tajna bi tweġiba għall-PQ 16855, ninfurma lill-Onorevoli Interpellanta li ma kien hemm ħadd mill-Ministeru, imma kollha kienu mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha l-itwal kawża ġewwa l-Qorti? Meta nfetħet u għaliex qed iddum daqshekk?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li l-itwal kawża li ilha pendenti ġewwa l-Qorti, hija l-kawża bin-numru 14/1973 fl-ismijiet Angelo sive George Grech vs Joseph Grech et ipprezentata fil-9 ta’ Marzu 1973 quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fil-kompetenza superjuri tagħha u li għadha qed tinstema’ u qed tkun differita minħabba probabbli transazzjoni.
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza– nefqa fuq reklamar u marketing
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispiża ta' marketing u reklamar li ntefqet mill-2013 sal-lum, ma’ liema media houses jew production houses intefqu, bl-ammonti għal kull sena u jekk kenux reklamar fuq TV, print, stampar, internet jew radju jew stampar ta' materjal ta’ marketing?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Waqt li nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġibiet li ngħataw diġà għall-PQs 8260, 8731, 01246 u 11986, ngħarrfu li tlabt biex jinġabar il-bqija tat-tagħrif. Appena dan ikun disponibbbli, inkun nista’ npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk il-kawżi tal-Qorti kemm kriminali u kif ukoll ċivili li tneħħew mill-website tal-Qorti - ecourts - bid-dati tas-sentenzi, partijiet u ismijiet involuti, referenza tal-Qorti, raġuni għalfejn tneħħew, data ta’ meta ntalbu jitneħħew u isem min talab li jitneħħew?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2014 sal-lum kien hemm 316 (tlett mija u sittax) talba biex sentenzi jitnehhew mill-website tal-Qorti - ecourts. Meta jkun hemm talba biex sentenza ma tibqax tidher online, dan ma jfissirx li kawża titneħħa mis-sistema tal-Qorti. Infatti, il-professjoni legali xorta jibqa’ jkollha aċċess għas-sentenzi minn fuq il-Lecam. (Il-pubbliku għandu aċċess għas-servizzi mill-Arkivju).
Saret talba waħda fit-2014. Kien hemm 21 (wieħed u għoxrin) talba fit-2017, 121 (mija u wieħed u għoxrin) talba fit-2018, 100 (mija) talba fit-2019 u 73 (tlieta u sebgħin) fit-2020.
Mit -316 (tlett mija u sittax) talba li saret, 254 (mitejn, erbġħa u ħamsin) sentenza ġew anonimizzati jew qegħdin fi stadju li jiġu anonimizzati, jiġifieri jitneħħew id-dettalji personali tal-individwi, kien hemm 56 (sitta u ħamsin) talba fejn ġew miċħuda, 2 (żewġ) talbiet kienu invalidi 3, (tlieta) irtirati u talba qed tiġi ikkunsidrata.
Fid-dawl tad-deċizjoni li ttieħdet mid-‘
Data Controllor’
biex dawn is-sentenzi ma jibqgħux jidhru
online
għall-pubbliku in ġenerali, wara li ġew meħudha nkonsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fid-dawl
tad-Data Protection Act, tad-Data Protection Directive (95/46/EC) tal-1995 u aktar riċenti tad-Data Protection Regulation (EU 2016/679) b’mod partikolari Art. 17 tal-istess, ma jkunx opportun li dawn is-sentenzi jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra sabiex jigu rispettati l-prinċipji tar-Regolamenti u Direttivi appena ċitati.
Illum hemm Kumitat adhoc kompost mill-Kap E¿ekuttiv tal-Aġenzija, Direttur Ġenerali tal-Qorti ta’ Għawdex, Reġistratur/Direttur - Qrati Ċivili, Reġistratur/Direttur – Qrati Kriminali u d-Direttur inkarigat mit-Taqsima dwar il-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-Ministeru għal-Ġustizzja, L-Ugwaljanza u l-Governanza, li jiddeċiedu t-talbiet li jsiru għat-tneħħija ta’ Data Personali.
Għawdex – żwiġijiet bir-reġistru u adozzjonijiet bejn koppji tal-istess sess
Question
Jista’ l-Ministru jelenka kemm kien hemm żwiġijiet bir-reġistru Għawdxi mill-2017 ‘l hawn maqsuma sena b’sena, bejn koppji tal-istess sess u kemm saru adozzjonjiet bejn koppji tal-istess sess fil-gżira Għawdxija?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Qorti tal-Maġistrati (Mala) — Preżentazzjoni ta’ Atti fir-Reġistru
Question
Jista' l-Ministru jispjega għala fil-25 ta' Novembru 2020 ma setgħux jiġu ppreżentati atti fir-reġistru tal-Qorti tal-Maġistrati (Malta) u x'passi qed jieħu sabiex dan l-inċident ma jirrepetiex ruħu? Ma jidhirlux li kellhom isiru arranġamenti alternattivi u immedjati mid-direzzjoni tal-Aġenzija ħalli r-reġistru jkun miftuħ il-ħin kollu kif titlob il-liġi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Inyerpellant li fil-25 ta’ Novembru 2020 kull min ried jippreżenta atti fir-Reġistru Ċivili tal-Qorti tal-Maġistrati (Malta) seta’ jagħmel dan. Fil-fatt numru ta’ atti ġew ippreżentati dak inhar. L-impjegati tal-qorti bħal kull persuna oħra jistgħu ikunu soġġetti għall-effetti tal-Covid19. Huwa minnu li f’xi ħin kien hemm parti mir-Reġistru li ma kinetx qed taħdem kif wieħed jixtieq minħabba li fil-preżent hemm ammont sostanzjali ta’ ħaddiema tar-Reġistru li jinsabu fuq kwarantina obligatorja. Nieħu din l-okkazzjoni biex nesprimi gratitudni lill-impjegati tal-qorti li nonostante l-problemi li jiffaċċjaw, qed ikomplu jaqdu dmirijiethom bl-aħjar mod li jistgħu. Nassigura lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ix-xogħol tal-qorti ikompli għaddej bl-inqas problemi possibbli.