Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħamiem selvaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ permessi/awtorizzazzjonijiet qed jinħarġu mill-Ministeru jew minn xi entità li taqa’ taħtu, biex ikunu jistgħu jiġu kkontrollati l-qtajja’ ta’ ħamiem selvaġġ li hawn f’diversi lokalitajiet ta’ Malta? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ kontroll qed jiġi approvat mill-istess awtoritajiet ikkonċernati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jistgħu jiġu awtorizzati derogi mid-dispożizzjonijiet ta’ L.S.549.42 fuq bażi tar-raġunijiet elenkati f’regolament 9 (1) tal-istess leġiżlazzjoni. Tali awtorizzazzjoni tista’ tingħata għal speċi partikolari u strettament taħt il-kundizzjonijiet u l-kontrolli stipulati fil-liċenzja maħruġa għall-istess skop mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi.

San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira – Applikazzjonijiet għal bini turistiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-bini ta’ lukandi, guest houses, aparthotels, u bini ieħor marbut mat-turiżmu preżentement f’San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira, maqsuma lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll kemm hu maħsub li ser jiġu pprovduti kmamar permezz ta’ dawn l-applikazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazjoni mitluba.  Dawn jirreferu għall-applikazzjonijiet fejn fid-deskrizzjoni tal-proposta provduta mill-perit tal-każ hemm il-kliem: Hotel; Aparthotel; jew Guest House.

San Pawl il-Baħar – Talbiet għal change of use ta’ garaxxijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ talbiet għal change of use li huma pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll taħt liema kategoriji differenti jinqasmu dawn it-talbiet ta’ change of use fl-istess inħawi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa nhar it-18 ta’ Novembru 2025 kien hemm 26 applikazzjoni għal bdil fl-użu pendenti - quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar - fil-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Ma teżistix sistema ta’ kategorizzazjoni għal dawn it-tip ta’ talbiet.

Ix-Xemxija u San Pawl il-Baħar – Twaqqigħ u żvilupp ta’ bini

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet għat-twaqqigħ ta’ proprjetà, u żvilupp mill-ġdid fl-inħawi tax-Xemxija u San Pawl il-Baħar? Kemm hu mitlub li jinbnew appartamenti, jew bini ieħor, f’dawn l-applikazzjonijiet? Jista’ jgħid ukoll x’inhu x-shortfall ta’ garages li jirriżultaw f’dawn l-iżviluppi, meta n-numru ta’ appartamenti jitqabbel man-numru ta’ garages/garage spaces proposti għall-istess inħawi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa nhar it-18 ta’ Novembru 2025 kien hemm 38  applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar fil-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar (li jinkludi x-Xemxija, Buġibba u l-Qawra), li jinkludu t-twaqqiħ ta’ propjetà.  L-informazzjoni mitluba, dwar numru ta’ appartamenti jew żvilupp ieħor, u bidla fil-proviżjoni ta’ parkeġġ ma tinżammx fis-sistema elettronika tal-Awtorità f’mod li tkun tista’ tinġabar.

Iż-Żebbuġ, Għawdex - Triq Għajn Mhelhel – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31557 fl-intier tagħha u jgħid kemm huma stmati li ser jiswew ix-xogħlijiet fi Triq Għajn Mhelhel (li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni), minn min se jsiru u minn liema framework contract se jsiru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet li se jsiru mill-framework agreement for the provision of general road works including the laying of asphalt for the Ministry for Gozo - CT2361/2022. Mistennija li jiġu jiswew is-somma ta’ madwar Euro 600,000 (excl VAT).

Għawdex – Immodernizzar ta’ pitkaliji, cold stores u l-biċċerija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31556 fl-intier tagħha u jelenka b’mod separat l-ispejjeż li saru matul din il-leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari sabiex il-biċċerija, il-cold stores u l-pitkaliji f’Għawdex jiġu mmodernizzati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa relatata mal-biċċerija kienet ta’ €201,173.08, filwaqt li n-nefqa għal Cold Stores kienet ta’ €29,361.85. Fir-rigward tal-Pitkalija, l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.

Rabat, Għawdex – Triq it-Tabib Anton Tabone – Problema tax-xita

Question

Peress li kull meta tagħmel ix-xita d-djar tar-residenti fi Triq it-Tabib Anton Tabone, fir-Rabat Għawdex, qed jimtlew bl-ilma u qed ikun hemm ukoll periklu kbir fit-triq, jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir fl-immedjat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fix-xhur li gejjin se jibda jigi ppreparat rapport tekniku kif ukoll it-terimini u kundizzjonijiet, biex sussegwentament toħroġ sejħa għall-offerti li tkopri r-rikostruzzjoni ta’ din it-triq.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Safety audit ta’ proġetti u toroq

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti/toroq ġewwa Għawdex li fil-preżent il-Ministeru tiegħu qed jagħmel safety audit tagħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-imsemmija audits isiru b’mod regolari minn żmien għall-ieħor fuq it-toroq; kemm dawk li jkun għaddej xogħol fuqhom, kemm dawk li tlestew u anke fuq oħrajn li l-Ministeru jħoss li hemm bżonn li jsiru xi tip ta’ studji simili qabel jiġu stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għal xi sejħa għall-offerti.

Ta’ Xħajma, Għawdex – Proġett tas-solar flowers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-irwol tal-Ministeru tiegħu fil-proġett tas-‘solar flowers’ li tpoġġew f’Ta Xħajma, Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-rwol tal-Ministeru kien li jipprovdi l-ispazju fejn jitwaħħlu s-solar flowers u l-aċċess għall-konnessjoni mal-grid.

Ix-Xewkija Għawdex - Korsa taż-Żwiemel Ta’ Xħajma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol neċessarju fil-Korsa taż-Żwiemel f’Ta’ Xħajma sabiex parti minnha tkun tista’ tintuża mill-atleti Għawdxin li jipprattikaw f’dan il-post? Jista’ jgħid ukoll x’sar sal-lum u x’baqa’ xi jsir?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onerevoli interpellant li matul is-sena d-dieħla, il-Gvern mistenni jibda l-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ sit u l-ħidma fuq l-athletic track bil-għan li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura sportiva ġewwa Għawdex.

In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31030 u 31407 fl-intier tagħhom u jgħid meta nbeda x-xogħol fuq Triq l-Emigranti, fin-Nadur? Jista’ jgħid ukoll kemm fiha tul din it-triq, meta ser jitlesta minn kollox (xahar u sena) ix-xogħol f’din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill Onor interpellant li x-xogħol se jitkompla mill-kuntrattur inkarigat fil-gimgħat li ġejjin wara li WSC lestew x-xogħlijiet tagħhom.

CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26919 u ċjoè: B’referenza għas-sejħa CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru mill-1 ta’ Novembru 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, liema xogħlijiet tlestew minn kollox, fejn saru permezz ta’ din is-sejħa u kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

CT3003/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF ULYSSES GROVE IN XEWKIJA, GOZO WITH A REDUCED ENVIRONMENTAL IMPACT – Proċess ta’ aġġudikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sejħa “CT3003/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF ULYSSES GROVE IN XEWKIJA, GOZO WITH A REDUCED ENVIRONMENTAL IMPACT” li għalqet fit-12 ta’ Ġunju 2025, u jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni u meta hu maħsub li jiġi konkluż?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender li qed issir referenza għalih, bħalissa jinsab fi stadju ta’ aġġudikazzjoni.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħata mill-Ministeru tiegħu fuq ix-xogħol tar-riġenerazzjoni tat-Terminal taċ-Ċirkewwa u għal kull każ, lil min ingħata, x’kien l-ammont u liema xogħol kien ikopri?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppublikata perjodikament fuq il-Gazzetta tal-Gvern.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħata mill-Ministeru tiegħu għal xogħol fit-Terminal ġewwa l-Port tal-Imġarr Għawdex, fil-Parkeġġ ta’ taħt l-art u fil-Marshalling Area, u għal kull każ jgħid lil min ingħataw, x’kien l-ammont u liema xogħol kien ikopri?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppublikata perjodikament fuq il-Gazzetta tal-Gvern.

Għawdex, Triq l-Imġarr, - Inċidenti tat-traffiku – Miżuri

Question

Fid-dawl tal-inċidenti, anki serji, li seħħew f’dawn l-aħħar xhur, ġimgħat u anki f’dawn l-aħħar ġranet fi Triq l-Imġarr li mill-Port tal-Imġarr twassal sar-Rabat Għawdex, u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ traffic calming measures qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu fl-immedjat sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv f’dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi – Appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm appelli pendenti biex jinstemgħu quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi (PCRB) u kemm ilu pendenti biex jinstema’ kull wieħed minnhom? Jista’ jgħid ukoll b’liema ordni dawn jinstemgħu quddiem il-PCRB?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Proġett tal-Victoria Park – Parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser ikunu jistgħu jipparkjaw karozzi fil-parkeġġ il-kbir preżenti ta’ ħdejn Villa Rundle, issa li ġie mħabbar li s-sena d-dieħla ser jinbeda x-xogħol fuq il-proġett tal-Victoria Park?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bil-proġetti tal-Victoria Parks u ta’ Pjazza Assedju l-Kbir, il-parkeġġ fiċ-centru tar-Rabat se jammonta għal tal-inqas 600 parkeġġ. Dan filwaqt li l- l-livell terran se jinbidel fi spazji miftuħa ħodor għal familji.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.