Ministeru għal Għawdex — Fondi mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li kellhom jiġu minfuqa matul l-2020, 2021 u 2022 u ma ntefqux? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Għawdex – Sejħa għall-offerti għal tindif ta’ widien
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5760 li ngħatat fis-7 ta' Frar 2022 dwar kemm u fejn tnaddfu widien f’Għawdex matul is-snin 2020, 2021 u 2022, peress li f’din it-tweġiba jingħad “li matul dawn is-snin tħejjew il-permessi neċessarji biex isir it-tindif tal-widien. Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena se jkunu qed jinħarġu s-sejħiet għall-offerti għat-tindif ta’ 12-il wied madwar Għawdex. It-tindif ta’ dawn il-widien għandhom allokat kofinanzjament tas-somma ta’ €2,316,736.00, li minnhom 80% huma ffinanzjati minn fondi Ewropej filwaqt li l-20% l-oħra huma ffinanzjati minn fondi nazzjonali”, jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġux is-sejħiet għall-offerti fl-ewwel kwart tas-sena 2022? Jekk iva, jista’ jgħid meta ħarġu u meta ġew awarded kif ukoll meta nbeda u tlesta x-xogħol kollu mitlub mis-sejħiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn is-sejħiet mistennija joħorġu lejn il-bidu tas-sena 2024.
Nadur, Għawdex – Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala – Xogħlijiet
Question
Jista' l-Minsitru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala, fin-Nadur? Jista' jgħid x’tenders ħarġu s’issa u liema minnhom ġew awarded? Jista' jgħid kemm hu l-vot għax-xogħol fuq dawn it-toroq għas-sena 2024?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ħareġ sejħa għall-offerti ‘Tender for the provision of consultancy and construction management services for the reconstruction of several arterial roads between the boundaries of Nadur and Qala’. Din it-tender ġiet awarded fit-8 ta’ Mejju 2023. Il-Ministeru talab lill-periti inkarigati sabiex sal-aħħar ta’ din is-sena jippreżentaw il-pjanti preliminari ħalli wara l-analasi nkunu nistgħu noħorġu t-tender għax-xogħolijiet tat-tali triq.
Ċirkewwa and Imġarr passenger ferry terminals — sejħa għal e-ticketing project
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar is-sejħa SPD3/2022/065, CFT Title ‘Construction, finishing works and commissioning of an e-ticketing project at Ċirkewwa and Mġarr passenger ferry terminals’ u kemm ġie awarded dan it-tender? Jista’ jgħid ukoll meta se jkunu lesti l-affarijiet mitluba minn din is-sejħa u meta se tibda topera s-sistema ta' e-ticketing?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Is-sejħa SPD3/2022/065, CFT Title ‘Construction, finishing works and commissioning of an e-ticketing project at Ċirkewwa and Mġarr passenger ferry terminals’ ġiet awarded u qedgħa fil-fażi li tinħareġ il-“commencement notice” lill-kuntrattur li rebaħ it-tender għall-valur ta’ €472,137.52. Dawn ix-xogħlijiet qed ikunu ppjanati mill-kumpanija Gozo Channel skont l-esiġenzi tas-servizz. Il-kumpanija se tikkoordina mal-kuntrattur kif meħtieġ. L-ewwel fażi tas-sistema ta’ e-ticketing diġà bdiet topera mill-24 ta’ Jannar 2023, fejn il-kumpanija bidlet is-software l-antik tat-ticketing system ma’ programm ġdid.
Iż-Żebbuġ, Għawdex — Coastal defence system at Marsalforn Bay
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'sar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, x'qiegħed isir bħalissa u x'hemm maħsub li jsir fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin dwar l-applikazzjoni PA/02106/21 ERA Reference: EA/00004/21; Project Title: Coastal defence system at Marsalforn Bay consisting of the reconstruction of Santa Marija breakwater, construction of a rubble mound berm on the Menqa site, two rubble mound groins at the valley outfall and replenishment of the beach; Location: Site at, Il-Bajja Ta' Marsalforn, Marsalforn, Żebbuġ (Gozo)?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur lesta r-rapporti kollha marbuta mal-EIA, hekk skont kif inhuma stabbiliti fit-termini ta’ referenza tal-ERA. Dan ġew mgħoddija lill-Ministeru u li issa qiegħed janalizzahom biex jekk hemm xi emendi, dawn isiru qabel l-istess rapporti jintbagħtu uffiċjalment lill-ERA.
Ministeru għal Għawdex — 'The Connecting Europe Facility 2021-2027' - Applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika sabiex isiru mill-programm ‘The Connecting Europe Facility 2021-2027’ u jgħid liema minnhom ġew aċċettati, liema ma ġewx aċċettati, kemm ingħataw flus s’issa u kemm se jingħataw flus lill-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond għal dawn il-proġetti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom qed jiġu diskussi l-possibilitajiet tal-applikazzjonijiet li għalihom jista’ japplika l-Ministeru għal Għawdex taħt dan il-Programming Fund, peress li dawn jagħlqu s-sena d-dieħla (2024).
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22727 tat-13-il Leġiżlatura, li ngħatat fis-16 ta’ Novembru 2021, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-Ġnien Ulysses Grove fix-Xewkija, Għawdex, peress li dan issemma f’diversi baġits ta’ dan il-Gvern iżda issa jidher li x-xogħol fuqu waqaf u ma reġax issemma? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħol tkompliex f’dawn l-aħħar sena u nofs, x’tip ta’ xogħol sar u meta hu maħsub li jkun lest (xahar u sena) u jibda jitgawda mill-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol mill-ħaddiema tal-Gvern fuq ir-railing ta’ barra li jagħti fuq in-naħa tal-ground, filwaqt li l-kuntrattur imqabbad biex jgħaddi d-dawl, qed jistenna l-ordni tasal minn barra. Għax-xogħolijiet l-oħra intefgħet applikazzjoni għall-fondi Ewropej taħt il-programm ‘Rural Development Programme - European Agricultural Fund for Rural Development’. Għalkemm din l-applikazzjoni għaddiet, tqiegħdet fuq reserve list għal meta jkun hemm il-fondi.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa ta' Animal Welfare Officers fis-Sezzjoni tal-Animal Welfare fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, sabiex meta jkun hemm bżonn ta’ infurzar ġewwa l-gżira ta' Għawdex ma joqogħdux jiġu uffiċjali mill-Animal Welfare ta’ Malta sabiex jagħtu l-għajnuna ġewwa Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex m’għandux rwol regolatorju iżda rwol operattiv.
Gozo Channel — Proċess ta’ aġġudikazzjoni - 'for the hire of one ropax vessel under a time charter agreement' (bimco ropaxtime)'
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni dwar l-aħħar sejħa li nħarġet mill-Ministeru għal Għawdex 'for the hire of one ropax vessel under a time charter agreement' (bimco ropaxtime)' biex jinkera r-raba’ vapur għall-Gozo Channel?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sejħa nħarġet mill-Gozo Channel Operations Ltd u mhux mill-Ministeru għal Għawdex. Il-proċess ta’ aġġudikazzjoni dwar l-aħħar sejħa biex jinkera r-raba’ vapur - 'for the hire of one ropax vessel under a time charter agreement' (bimco ropaxtime)' - ġiet magħluqa għax ħadd ma ssottometta offerta għal dan it-tender.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8727 u jgħid liema huma t-toroq (isem tat-triq u r-raħal) ġewwa Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom biex isiru matul is-snin 2022 u 2023 mill-programm 'Rural Development Programme - European Agricultural Fund for Rural Development' u jgħid liema minnhom ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati u kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond għal dawn it-toroq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex applika għall-fondi mill-programm 'Rural Development Programme - European Agricultural Fund for Rural Development' biex isiru t-toroq li hemm indikati fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex m'hemm ħadd jokkupa l-irwol ta' manager ġewwa l-Animal Welfare Gozo u x’qed isir biex dan l-irwol f’din l-entità jimtela?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-aħħar sejħa li ħarġet għal manager f’din is-sezzjoni, ma kien hemm l-ebda kandidat eliġibbli. Il-Ministeru qed iħejji sejħa oħra f’dan ir-rigward.
Animal Welfare Gozo – Servizz għal annimali miġbura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadux qed jingħata attenzjoni u servizz mediku 24/7 lill-annimali li jinġabru mill-Animal Welfare Gozo u jindika liema kliniċi qed jagħtu dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll fejn qed jinżammu dawn l-annimali wara li jiġu misjuba?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kura u s-servizz mediku li jkun hemm bżonn qed jingħata kemm mill-veterinarju residenti u kif ukoll minn veterinarju estern meta jkun hemm il-ħtieġa. L-annimali misjuba u li jingħataw il-kura jinżammu fil-kwartieri tal-istess Animal Welfare Gozo fiż-żona tal-Farm Esperimentali fix-Xewkija.
Jista’ l-Ministru jgħid f'din l-aħħar sena;
a. kemm instabu annimali midruba ġewwa Għawdex;
b. kemm minnhom ġew salvati;
c. kemm minnhom ġew addottati; u
d. kemm fondi ġew allokati għall-Unit tal-Animal Welfare Gozo?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul l-2022 instabu 1,098 annimal midrub/a jew morda jew bla sid. Sal-aħħar ta’ Ottubru 2023 instabu 1,052 annimal midrub. Filwaqt li jsir minn kollox biex l-annimali jingħataw l-aħjar kura possibbli, mhux dejjem ikun possibli li l-annimal isalva mill-ġrieħi li jkun ġarrab jew mard li jkun instab fih. Matul l-2022 ġew salvati 756 qattus u fl-2023 ġew salvati 729. Is-sezzjoni taħdem biex l-annimali jsibu familja li tilqagħhom. Matul l-2022 saru 132 adozzjoni filwaqt li sa Ottubru ta’ din is-sena saru 152 adozzjoni mill-istess sezzjoni. Numru ta’ qtates u klieb oħra marru għand santwarji oħra. Dawn kienu jammontaw għal 238 matul 2022 u 167 sal-aħħar ta’ Ottubru 2023. Fl-2023 u fl-2024, is-sezzjoni tal-Ħarsien tal-Annimali ta’ Għawdex għandha allokati 120,000 ewro għal kull sena.
Ministeru għal Għawdex — Positions of Trust - Salarji
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-valur totali tas-salarji kollha għall-persuni kollha li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtu għas-sena 2022?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20989.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12895 rigward kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat miegħu f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jipprovdi l-isem u l-kunjom tal-Konsulenti fi Skala 7?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li data personali ta’ persuni li jokkupaw karigi inqas mill-iskali ta’ management ma jingħatawx sabiex jitħaddem il-prinċipju tal-bilanċ bejn il-protezzjoni tad-data u l-interess pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema (kemm tal-Gvern, skema, kuntrattur jew b'kuntratt) li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, li jaħdmu fuq it-tindif u ż-żamma ta’ stat tajjeb tal-bajjiet ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-grad ta’ dawn il-persuni u kif inhuma mqassmin f’kull bajja li hemm f’Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 119 ħaddiem li jagħmlu xogħol ta’ tindif u li jżommu fi stat tajjeb 13-il bajja madwar Għawdex u Kemmuna. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 12872 Ministeru għal Għawdex - Ħaddiema - Tabella.pdf
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew u jkunu finalizzati x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, fir-Rabat Għawdex, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx fondi vvotati għal dan ix-xogħol u jekk iva, għal kemm jammontaw dawn il-fondi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Għasri ħareġ it-tender ‘Tender for the resurfacing of Triq Wied Sara with asphalt’ fl-24 ta’ Marzu 2020 u għalqet fit-8 ta’ Mejju 2020. Din it-tender ġiet awarded fit-30 ta’ Lulju 2020 lil Road Structures Ltd għal ammont ta’ Euro 808,820.00 (excl. VAT).
Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, minn nhar is-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru għal Għawdex u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.