Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu l-complement tal-paramedicals tal-ambulanzi li jaqgħa bħala pre-hospital? Kif inhuma maqsuma bħala organizzazzjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Emergency Ambulance Responders bħalissa huwa dak ta’ 63 u 7 Team Leaders. L-EARs jagħmlu parti mill-istruttura tad-Dipartiment tal-Emerġenza. Ninfurmah ukoll illi fid-dipartiment tal-Kura Primarja hemm 14 infermiera mħarrġa fil-Prehospital Care sabiex jassistu l-ambulanzi li jkunu fuq standby maċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid u tal-Mosta.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li għamlu użu mis-servizz Dar Kenn Għal Saħħtek minn mindu twaqqfet? Kemm ingħataw fondi mill-Ministeru/Gvern biex dan is-servizz ikun jista’ jkompli jiffunzjona?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ visti sa mill-ftuħ ta’ Dar Kenn Għal Saħħtek iġifieri minn Mejju tal-2014 sa Awwissu tal-2018 kien ta’ 10, 715. Mill-2014 sal-2018 ingħataw €2,325,459 f’fondi mill-Ministeru sabiex dan is-servizz ikun jista’ jkompli jiffunzjona.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm-il darba l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, żar Dubai mill-2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza, u r-raġuni għal kull żjara? Kemm kienet l-ispiża kollha għal kull żjara?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija separatament minnu, mill-2013 sal lum attenda konferenza (Arab Health 2018 Exhibition) f’Dubai f’Jannar ta’ din is-sena u kien akkumpanjat mic-Chief Biomedical Engineer. In-nefqa kienet ta’ €2,467.
Ministeru għas-Saħħa – Konsulenti ngaġġati – ismijiet u ħlasijiet
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka l-ismijiet u l-ħlasijiet rispettivi ta’ kull konsulent ingaġġat minn kull entità li għaliha hu responsabbli?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm 275 konsulenti klinici li jagħtu servizzi mediċi fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa u li huma Professuri u Speċjalisti mpjegati mal-Ministeru għas-Saħħa. Minn Marzu ta’ din is-sena sal lum, fi ftit xhur, kien hemm żieda ta’ 17 il-konsulent. Tajjeb li nfakkru li fl-2013 kien hemm 207 konsulenti mpjegati mad-Dipartiment għas-Saħħa.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslet l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar l-IVF u jekk bdewx isiru proċeduri fl-Isptar Mater Dei skont il-provvedimenti l-ġodda tal-liġi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li fid-19 ta' Ġunju ġie approvat l-Att li jemenda l-Att għall-Protezzjoni tal-Embrijun', skond Artiklu 4 ġie mhejji Protokoll mill-Awtorita’ għall-Protezzjoni tal-Embrijun għall-Approvazzjoni ta' Fertilizzazzjoni Addizjonali.
Dan il-Protokoll ġie mressaq għad-diskussjoni quddiem il-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa u ġie approvat unanimament fit-13 ta' Settembru 2018.
Tlestew ukoll il-formoli meħtieġa mill-Awtorità għas-Servizzi ġodda li ser jiġu mplimentati.
F' Mater Dei iċ-ċiklu li jmiss li ser jibda fil-25 t'Ottubru u se jkun qed joffri l-IVF's bil-providementi l-ġodda.
Ħal Kirkop – effetti tal-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa ġdid
Question
Wara kważi xahar mill-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kien l-effett tal-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru fuq is-servizzi offruti liċ-ċittadini tal-inħawi u anke fuq ċentri tas-saħħa oħra fejn kienu jinqdew qabel dawn in-nies? X’inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru għall-kura fil-komunità għas-snin li ġejjin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop infetaħ għal-Pubbliku fis-17 ta’ Settembru 2018. Fl-ewwel tlett ġimgħat attendew total ta’ 1,826 pazjent; dawn tnaqqsu mill-lista ta’ pazjenti li sa ftit ilu kienu jirrikorru fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.
Madwar 27,000 resident fl-inħawi ta’ Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, l-Imqabba, l-Qrendi, Ħal Safi, Ħal Luqa, Ħal Far u Ħal Farruġ issa bdew jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal-Kirkop minflok dak tal-Furjana. Għaldaqstant, huwa kkalkulat li x-xogħol fiċ-Ċentru tal-Furjana naqas b’madwar 20%.
Il-Pjan hu li nkomplu nsaħħu u nikkonsolidaw l-operat tal-kura primarja, inżiedu l-effettivita’ u l-effiċjenza filwaqt li nersqu aktar lejn il-komunità bil-għan li l-
Primary Health Care
issir l-għażla awtomatika ta’ kuntatt għal-klijenti tagħna. Għaldaqstant, ser nissuktaw:
1. Bl-introduzzjoni ta' servizzi ġodda sabiex il-pazjenti jiġu ttrattati fil-komunità ta’ fejn jgħixu jew jaħdmu, biex ma jkollhomx għalfejn jirrikorru għall-kura sekondarja fl-isptar;
2. Bit-tisħiħ tas-servizzi eżistenti biex ikompli jingħata u jitjieb l-aċċess għal-kura tal-għola kwalità ta’ possibbli.
Fix-xhur li ġejjin ser jibda x-xogħol ta’ immodernizzar fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira. Dan iċ-Ċentru ser jiġi tansformat f’Ċentru tal-għola livell u, għall-ewwel darba, ser ikun aċċessibbli minn kulhadd permezz tal-installar tal-lift. Ser jiżdiedu ukoll is-servizzi, bħal dak tal-fiżjoterapija, li bħalissa il-klijenti ta’ dan iċ-Ċentru jridu jmorru f’Ċentri ohra biex jinqdew. Qedgħin fil-proċess ukoll tal-iżvilupp ta’ Ċentru tas-Saħħa ieħor tal-ogħla kwalità li ser ikun inawgurat f’Għawdex fl-2019. Fix-xhur li ġejjin ser jibda ukoll ix-xogħol fuq iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa f’Raħal Ġdid kif ukoll ser tinħareġ sejħa għall-espressjoni sabiex jitnieda Ċentru Reġjonali ieħor fit-Tramuntana ta’ Malta. Barra minn hekk, ser inkomplu ukoll bix-xogħol ta’ immodernizzar tal-bereġ biex inwessgħulhom l-użu tagħhom fil-komunitajiet għall-benefiċċju tal-klijenti tagħna.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 32312 tat-Tnax-il Leġislatura bid-data tat-23 ta’ Marzu, 2017, jista’ d-Deputat Prim Ministru jinforma lill-Kamra fejn wasal il-proċess sabiex jinħolqu standards għad-Djar Residenzjali u Hostels u meta dawn l-istandards sejrin jiġu implimentati?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir grupp ta’ ħidma sabiex jiġu drafted l-istandards għad-Djar Residenzjali u Hostels sabiex ikunu konformi ma’ l-istrateġija l-ġdida dwar is-saħħa mentali.
Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali fil-komunità – kura u servizzi
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1970 bid-data tat-23 ta’ Ottubru 2017, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinfurmana x’konklużjonijiet ħarġu mid-diskussjonijiet li kienu għaddejjin biex jiżdiedu l-kura u s-servizzi lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali fil-komunità?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir ix-xogħol sabiex tinħareġ espressjoni ta` interess sabiex tkun tista’ tinstab binja alternattiva għal klinika u Ċentru ta` Matul il-Jum tal-Furjana li tkun adekwata u aċċessibli. Aktar il-quddiem ser tkun qed tinħareġ sejħa simili għal binja oħra fit-tramuntana ta` Malta biex niżviluppaw servizz ġdid ta` klinika u Ċentru ta` Matul il-Jum. Barra minn hekk fix-xhur li ġejjin ser tiġi varata policy għall-konsultazzjoni dwar kif NGOs fil-qasam tal-kura fil-komunita’ jkunu jistgħu jaħdmu f’sinerġija mal-Gvern.
Persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali – servizz ta’ outpatients fl-Isptar Mater Dei jew fil-komunità
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6607, jista’ d-Deputat Prim Ministru jindika kemm huwa n-numru ta’ klijenti li huma out-patients fl-Isptar Mater Dei f’kull waħda mil-lokalitajiet imsemmija fir-risposta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba minnu.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet, hawn taħt imsemmija, u li qed jgħixu fil-komunità:
· Ansjetà
· Bipolar Disorder
· Skiżofrenja
· Dipressjoni
· Eating Disorders
· OCD
· ADD u ADHD
· Addiction?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġewwa iċ-ċentri ta’ matul il-jum hemm 1,377 persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jbatu minn ansjetà, 275 Bipolar Disease, 485 Skizofrenja, 1625 b’dipressjoni, 42 eating disorders, 184 OCD, 77 ADD u ADHD u 79 li għandhom addiction.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2819 bid-data tas-6 ta’ Diċembru, 2017, jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid illum kemm mit-13,558 persuna li huma out-patients u li qed jgħixu fil-komunità, qed jirċievu s-servizz tal-Programm ta’ Ħbiberija? X’għandha tagħmel persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali sabiex tibda tirċievi dan is-servizz?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant fl-2018, ġew riferuti 54 persuna. Dan huwa programm ta’ Ħbiberija offrut b’mod volontarju fil-komunità lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali. Dan is-servizz jindirizza persuni li għandhom diffikultà biex jissoċjalizzaw jew għandhom nuqqas ta’ sapport bħal ħbieb jew familjari fil-post fejn jgħixu. Il-voluntiera joffru madwar siegħa jew tnejn fil-ġimgħa fejn jiltaqu ma persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u jieħdu sehem f’attiviitjiet li jistgħu jkunu ta’ nteress u ta’ bżonn: bħal joħorġu jieħdu kafè, jaqraw xi ktieb, jaraw xi film, jakkumpanjaw lil persuna f’xi post li tkun tixtieq tmur eċċ. Biex persuna li għandha nuqqas ta’ saħħa mentali taċċedi għal dan is-servizz trid tiġi referuta mit-Tim Psikjatriku li huwa responsabbli għal kura tiegħu/tagħha. Dan jista’ jsir kemm mill-isptar kif ukoll mill-komunità.
Operazzjoni tal-katarretti, ortopedija u radjoloġija – lista ta’ stennija
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont lil din il-Kamra ta' f’liema stat jinsabu l-listi ta' stennija għall-operazzjoni tal-katarretti, ortopedija, u għal servizzi konnessi ma' radjoloġija u kardjoloġija u kif dawn il-listi jikkomparaw ma' dawk li kien hemm fl-2013?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ pazjenti li qegħdin jistennew għall-operazzjoni tal-katarretti, interventi prinċipali tal-ortopedija, u għal servizzi konnessi ma' radjoloġija u kardjoloġija jinsab fit-tabella hawn taħt ikkumparat mas-sena 2013.
Lista ta’ stennija
Dipartiment
Interventi
2018
2013
Ophthalmic
Cataract
1952
3344
Orthopedics
Total hip replacement
191
345
Total knee replacement
924
1835
Cardiology
Angiograms
26
227
Percutaneous Coronary Intervention
4
39
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn is-servizzi tal-Pharmacy of Your Choice (POYC) f'Għawdex ma għadhomx jingħataw minn ġewwa l-binja li kienet iffinanzjata mill-Ministeru għal Għawdex u li kellha tkun iċ-Child Development Centre f’Tal-Ibraġġ ħdejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex iżda beda jingħata minn binja li ġiet mikrija fi Triq l-Arċisqof Pietru Pace fir-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid mingħand min ġiet mikrija din il-binja u kemm qed titħallas kera tagħha fis-sena? Kemm kienet l-ispiża biex ġiet irranġata din il-binja biex tintuża għal dan l-iskop?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizzi tal-Pharmacy Of Your Choice (POYC) f’Għawdex qed jingħataw minn uffiċċju sabiex il-klijenti tal-POYC ikunu jistaw jinqdew min lok aktar aċċessibli u addattat għall-bżonnijiet tal-klijenti kif ukoll tal-ħaddiema. L-ispiża biex tranġat din il-binja sal-ġurnata sal-aħħar tal-lulju kienet €33,903,13.
Child Development Centre – xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid x'tip ta’ xogħol infrastrutturali nbeda f’dawn l-aħħar ġimgħat ġewwa l-binja li kienet iffinanzjata mill-Ministeru għal Għawdex u li kellha tkun Child Development Centre f’Tal-Ibraġġ ħdejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Saru l-applikazzjonijiet meħtieġa mal-Awtorità tal-Ippjanar? Ħarġu l-permessi kollha meħtieġa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti u l-permessi approvati? Minn min qed isir ix-xogħol? Ħarġet tender għal dan ix-xogħol li qed isir? Meta ħarġet it-tender, fejn ħarġet u kemm damet miftuħa? Minn min qed ikun iffinanzjat dan ix-xogħol? Għal liema raġuni qed isir dan ix-xogħol?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġewwa l-bini msemmi, beda’ xogħol ta’ renovar intenzjonat biex jakkomoda klassijiet tal-anotomija għal Barts Medical School. L-applikazzjoniet neċessarji għax-xogħol ta’ renovar ġew sottomessi lill-awtoritajiet ikkonċernati u x-xogħlijiet li saru s’issa ma jeħtiġilhomx permess mill-Awtorita tal-Ippjanar. Ix-xogħlijiet qed jsiru minn kuntrattur li tqabbad minn Steward Malta u qed jiġi iffinanzjat minn l-istess Steward Malta.
B’referenza għall-investigazzjonijiet li saru fis-sena 2017 ta’ CT Scan, MRI u PAT Scan, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm tiġih tiswa lill-Gvern kull CT scan, MRI u PAT scan? Jista’ jgħid kemm kienu dawk li twettqu l-MDH, GGH u fil-privat bħala PPP? Jekk xi wieħed minn dawn l-investigazzjonijiet ingħatat lill-privat, x’kienet ir-raġuni? Kemm hu l-prezz imħallas mill-Gvern meta jingħata lill-privat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalma jaf tajjeb hu l-ispejjeż mitluba minnu huma ta’ natura kummerċjali.
Matul l-2017 fis-servizz tal-Gvern saru 23,307
MRI’s
li minnhom 64 saru fil-privat,
CT Scans
saru 37,837 u ma kien hemm l-ebda
CT Scan
li sar fil-privat, filwaqt li
PET Scans
saru 1,731 li minnhom 47 saru fil-privat.
Ninfurmah ukoll illi fl-2012 fl-aħħar sena ta’ amministrazjoni nazzjonalista, f’sena sħiħa kienu saru biss 8,580
MRI’s,
CT Scans
21,882 u
PET Scan
1.
Peress li l-età taħt it-18-il sena hi meqjusa bħala minuri iżda dan ma jfissirx li din il-kategorija ma jistgħux jingħataw drittijiet ċivili li jkabbar youth empowerment, minkejja li l-ġenitur jibqa’ obbligat iħares l-interessi ta’ uliedu, kif ġara fil-każ ta’ konsulta medika u fl-età tal-kunsens għas-sess, u peress li meta sar l-abbozz dwar id-donazzjoni tal-organi, ċelloli u tessuti, l-età kienet ġiet stabbilita għal 18-il sena (sperma u ova ġew esklużi), jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk meta niġu għal donatur tal-sperma jew ova hemmx ħsieb li l-wild, għandux ikun jaf li hu ġie ikkonċepit f’dan il-mod qabel l-età ta’ 18-il sena? Jista’ jgħid jekk sarx studju?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Artiklu 7 tal- Att li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, Kap. 524 jispeċifika li “d-dokumenti mediċi li jistgħu jaffettwaw is-saħħa tal-wild u l-identità tad-donatur jew tal-persuni li minnhom ikun oriġina embrijun adottat għandhom ikunu aċċessibbli għall-wild konċepit miċ-ċelloli germ line tal-imsemmi donatur jew meta l-wild jgħalaq it-tmintax-il sena jew, bil-kunsens tal-Awtorità, f’xi stadju qabel f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn il-ħajja jew is-saħħa tal-wild li twieled minn dawk iċ-ċelloli germ line qiegħda fil-periklu”.
L-eta’ ta’ 18 il-sena hija mfassla fuq l-eta’ ta’ addozzjoni.
Ninfurmah ukoll li l-ġenituri prospettivi huma liberi li jinfurmaw lill-wild li twieled minn proċeduri medikament assistiti bl-użu ta’ donatur. Hija l-identità tad-donatur li tingħata lill-wild ta’ 18 il-sena jekk hu jfittex li jsir jafha mingħand l-Awtorità.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hija kkalkulata li tiswa sodda għal kull lejl fl-Isptar Mater Dei?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa ta’ kull sodda għal kull lejl fl-Isptar Mater Dei, dik li hija Low Dependency tvarja bejn €163 u €347 u għal High Dependency tvarja bejn €283 u €1,291.
Ir-Rabat Għawdex – Poliklinika – konsultazzjoni għar-rilokazzjoni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’tip ta’ konsultazzjoni saret, ma’ min saret u meta saret dwar ir-rilokazzjoni għall-post ieħor tal-poliklinika tar-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex issir din ir-rilokazzjoni u jekk iva meta saret u meta ħarġu l-permessi meħtieġa? Jista' jagħti n-numru ta' din l-applikazzjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li flimkien mal-Ministeru Ta’ Għawdex qed isir xogħol sabiex il-popular Għawdxi jkollu Ċentru tas-Saħħa ġdid u modern fir-Rabat. Dan wara illi ċ-ċentru eżistenti sar żgħir wisq għal ħtiġijiet tal-pazjenti Għawdxin.
Fil fatt hu ppjanat illi jiżdiedu sew is-servizzi li ser jingħataw miċ-ċentru l-ġdid.
Waiting List fil-kirurġija u fil-mediċina – waiting list
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jinforma lill-Kamra kemm preżentement hi l-waiting list għal appuntament ġdid għal kull speċjalità fil-Kirurġija u fil-Mediċina?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li għandhom appuntamenti ġodda bbukjati fl-outpatients fid-dipartimenti tal-Mediċina fl-isptar Mater Dei sal-aħħar ta’ Settembru tal-2018 huwa 10,061 u għal dak tal-Kirurġija huwa 8,773.
Pazjenti Maltin li għażlu li jieħdu kura barra minn Malta
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jinforma lill-Kamra jekk kienx kemm pazjenti Maltin u residenti f’Malta, li għażlu minn rajhom li jieħdu kura jew jagħmlu operazzjoni ġewwa pajjiż Ewropew ieħor minħabba li l-waiting lists lokali kienu itwal milli tippermetti l-Unjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv, jista jinforma għal liema intervent marru u kemm kienet l-ispiża għall-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Unjoni Ewropea ma tispeċifikax politika retta fuq waiting times. Madanakollu iċ-Charter tal-Pazjenti ta’ Malta jitlob li jinbeda t-trattament/intervent immexxi minn speċjalista f’perjodu ta’ żmien kif stipulat, sakemm wieħed ma jagħżilx li jistenna aktar jew jiġi deċiż klinikament li għandu jistenna aktar:
F’każ urġenti – il-kura/intervent iridu jinbdew f’perjodu massimu ta’ 12-il ġimgħa.
F’każ mhux urġenti – il-kura/intervent iridu jinbdew fi żmien 18-il xahar għal kundizzjoni li x’aktarx ma tiddeterjorax malajr u li m’għandiex il-potenzjal immedjat li ssir emerġenza.
Fuq dawn il-kriterji kien hemm pazjenta waħda li marret għal kura barra minn Malta minħabba dewmin fil-kura ta’ radjuterapija ikkaġunat minn relokazzjoni tad-dipartiment tal-onkoloġija għall-isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. L-ispiża kienet: €18,037.82.