Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani — Lista ta’ stennija f’residenza tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fi djarhom jistennew post f’residenza tal-anzjani sal-aħħar ta’ Settembru 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li hemm erbatax-il anzjan (14) li qed jistennew post f’ San Vinċenz de Paul u elf erba’ mija u wieħed-il-anzjan (1,401) fi djarhom li qegħdin jistennew post f’residenza tal-anzjani sal-aħħar ta’ Settembru 2024 minn naħa tal-Anjanitá Attiva u Kura fil-Komunità.

Operazzjoni Partial Knee Replacement – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti jistennew operazzjoni ta’ partial knee replacement sal-aħħar ta’ Settembru 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ngħataw aktar fondi sabiex minn Lulju ’l hawn bdew isiru extra sessions għall-knee u hip replacements. Apparti dawk li normalment isiru fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’ Għawdex, extra sessions qed isiru kull nhar ta’ Ħamis u kull nhar ta’ Ħadd fi sptar privat u darba fil-ġimgħa extra fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. B’hekk il-91 pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti, kif ukoll persuni oħra li jinħtieġu dawn l-operazzjonijiet, il-perjodu ta’ stennija dejjem ikompli jonqos.

Sptar Mater Dei – Operazzjoni Barjatrika – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti jistennew operazzjoni barjatrika fl-Isptar Mater Dei sal-aħħar ta’ Settembru 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li 52 pazjent ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Ikun hemm diversi raġunijiet għala l-perjodu ta’ stennija ikun itwal minn dak stipulat. Nassigura lill-Onor. Interpellant li kull fejn ikun hemm każ urġenti, din l-operazzjoni ssir fl-iqsar żmien possibbli.

Sptar Mater Dei – NPICU — inkubaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inkubatur hemm fl-NPICU fl-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid jekk dan l-ammont ilaħħaqx mad-domanda?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fis-sala tat-trabi li għandhom bżonn kura intensiva (NPICU) għandna 27 inkubatur. Bħalissa qed naraw aktar trabi li għandhom bżonn kura intensiva u qed jintużaw kważi kollha.

Persuni li għandhom il-marda tad-dijabete

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete fil-pajjiż? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni taħt l-età li għandhom din il-kundizzjoni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li b’kollox hawn total ta’ 46,395 persuna li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete fil-pajjiż. Minnhom 189 huma persuni taħt l-14-il sena.

Persuni b’diżabilità — Residenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn jistgħu jgħixu persuni li jkollhom xi tip ta' diżabilità bħal down syndrome iżda li ma jkunux anzjani? Jista' jgħid ukoll il-proċess li għandu jintuża minn dawn il-persuni jew il-familjari tiegħu/tagħha sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal waħda minn dawn ir-residenzi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22026.

Avviż Legali Nru 105 tal-2024 — Tibdil fil-prezzijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19352, jista’ l-Ministru jiċċara jekk kienx hemm tibdil fil-prezzijiet kif ħarġu fl-Avviż Legali Nru 105 tal-2024 li rrefera għalih fl-istess tweġiba?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm tibdil minn l-Avviż Legali Nru 105 tal-2024 li ġie ppublikat f’April 2024.

Direttorat tas-Saħħa Ambjentali — Ħaddiema

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19355 u 19356, jista’ l-Ministru jiċċara jekk hemmx ħsieb li l-ħaddiema tas-Sanità u d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali jibdew ikunu taħt ir-reponsabbilità tal-Ministeru tal-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19355.

Sptar Mater Dei — Hospital Activity Report - 2022

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14549, 14900, 15493, 16643, 17301, 17717, 18153, 18463, 18739 u 19357 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Hospital Activity Report għall-Isptar Mater Dei għas-sena 2022?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19905.

Ministeru għas-Saħħa — Kuntratt ta’ xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19358, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Segretarju Permanenti preċedenti tal-Ministeru tas-Saħħa kienx approva l-kuntratt mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-mistoqsija tirrigwardja l-eżitu ta’ persuna li għandha att ġudizjarju pendent fil-qrati tagħna, il-prudenza timponi fuqi li ma nagħmel l-ebda kumment.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Konsulenti/Persons of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux konsulenti jew persons of trust li jaħdmu fil-Ministeru tiegħu? Jekk hemm, jista’ jgħid kemm huma mill-Unjoni Ewropea u kemm huma Third Country Nationals?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti / persons of trust jiġu impjegati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

CYPS – Referrals ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm referrals ġodda għaċ-Child and Young People's Services (CYPS) din is-sena, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-2024 ġew ireġistrati 351 riferta ġdida għaċ-Child and Young People's Services (CYPS).

CYPS – Każijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ġodda fiċ-Child and Young People's Services (CYPS) mill-2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mill-2019 kien hemm 2,194 każ ġdid fiċ-Child and Young People's Services (CYPS).