Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — Skeda ġdida ta' ġbir ta' skart
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar informa lir-residenti dwar l-iskeda l-ġdida tal-ġbir ta' skart li bdiet titħaddem mit-2 ta' Jannar 2023?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-istess Kunsill Lokali, inkluż il-Kunsilliera, qegħdin kollettivament iwasslu l-messaġġ b’diversi metodi, fosthom, permezz tal-midja soċjali u tqassim ta’ avviżi bl-idejn fejn meħtieġ.
Dan fl-istess waqt li l-Gvern għaddej b’kampanja ta’ informazzjoni fuq diversi stazzjonijiet tar-radju u televiżjoni, fuq il-midja soċjali kif ukoll fit-toroq lokali permezz ta’ billboards.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3484, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fuq il-ground dedikat għal Joseph Delceppo f’Bormla humiex ser isiru tul din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla illi l-imsemmija xogħlijiet mistennija li jitlestew sal-ewwel kwart tas-sena 2023.
Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Line Item 5803
Question
B’referenza għal-Line Item 5803 fl-Estimi tal-Bagit 2023, ‘Community Inclusive Employment Scheme’, jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex kien hemm tnaqqis ta’ €150,000 fuq l-Estimi tas-sena l-oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed ikun assigurat li l-ħaddiema kollha tas-C.I.E.S ser jinżammu.
Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Line Item 7048
Question
B’referenza għall-aħbar li l-Ministeru se jkun qed jagħmel xi xoghol ta’ restawr fuq numru ta’ swar fil-Kottonera, jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex fil-Line Item 7048 tal-Estimi tal-Baġit 2023 spiċċa naqqas il-fond b’€500,000 mill-Estimi tas-sena l-oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Estimi tal-Budget jinbidlu minn sena għal oħra skont in-nefqiet u l-esiġenzi attwali mhux biss tad-Direttorat iżda wkoll tal-Ministeru.
Madanakollu l-pjan ta’ restawr fuq numru ta’ swar fil-Kottonera li kkommetta għalih id-Direttorat tar-Restawr hu maħsub li ser jinżamm xorta waħda.
Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Line Item 7003
Question
B’referenza għal-Line Item 7003 fl-Estimi tal-Baġit 2023, jista’ l-Ministru jgħid għaliex filwaqt li l-Baġit għal din il-Fondazzjoni tal-Katidral ta’ San Ġwann kien €265,000 fl-2022, fl-Estimi tal-2023 dan niżel għal €33,000 biss?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-kunsilli lokali jingħataw aktar awtonomija fiżika biex ikunu jistgħu jiġbru fondi għall-istess kunsill lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentement għadhom qed jiġu evalwati l-proposti kollha mressqa fl-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni għall-Istrateġija l-Ġdida għall-Gvern Lokali.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – estensjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2382 u ċjoè: Wara dak li ntqal mill-eNGO Flimkien għall-Ambjent Aħjar, u ċjoé li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed issir estensjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar u kif ukoll li hemm impjegati mill-istess Awtorità tal-Ippjanar li qed jaħdmu fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, jista’ l-Ministru jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ impjegati tal-Awtorità tal-Ippjanar li qed jaħdmu fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, jekk hemm?
Jista’ wkoll:
a. jagħti d-data ta’ meta kull persuna daħlet taħdem fis-Sovrintendena tal-Patrimonju Kulturali;
b. jindika l-kariga u l-grad li kull persuna kienet tokkupa fl-Awtorità tal-Ippjanar fil-mument li daħlet fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali;
c. jindika l-kariga u l-grad li tokkupa fl-Awtorità tal-Ippjanar illum minkejja li taħdem mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali;
d. jgħid x’inhi l-kariga u l-grad li daħlet fiha fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali; u
e. jgħid x’inhi l-kariga u l-grad li tokkupa llum fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali?
Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull ftehim jew kuntratt li jirregola l-ingaġġ ta’ dawn l-impjegati?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2364 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi kollha li jagħmlu parti mill-bordijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’, għal kull kumitat u bord rispettiv, jagħti:
a. lista ta’ persuni (titlu, isem u kunjom);
b. l-irwol tagħhom fi ħdan il-bord jew kumitat;
c. l-esperjenzi ta’ kull wieħed u waħda minn dawn imsemmija fuq il-bord jew kumitat;
d. il-kompetenzi ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-individwi msemmija fuq bord jew kumitat fejn jidħol is-settur ikkonċernat;
e. jekk hux qed jattendu fil-kapaċità personali tagħhom jew ex officio; u
f. ir-remunerazzjoni mogħtija lil kull individwu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-bordijiet u l-kumitati huma komposti minn individwi b’esperjenza u kompetenza sabiex jintlaħqu t-tragwardi u aspettattivi mixtieqa mill-irwol tagħhom. Intant, infakkar li f’dan ir-rigward il-ħatriet rispettivi jkunu notifikati fil-Gazzetta tal-Gvern filwaqt li r-remunerazzjoni hija skont il-Manwal.
Qawra — San Pawl il-Baħar - Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola – dawl pubbliku
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4810 dwar dawl pubbliku fil-pjazzetta bejn Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola, Qawra, San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar irċeviex ilmenti dwar bozza/bozoz li mhumiex jixgħelu f’din il-pjazzetta? Jekk iva, x’azzjoni ttieħdet mill-Kunsill Lokali u meta ttieħdet? X’azzjoni qiegħda tittieħed mill-Kunsill Lokali sabiex tiżgura li d-dawl f’din il-pjazzetta jkun kollu mixgħul?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-ħsara msemmija ġiet imsewwija.
San Pawl il-Baħar – Triq It-Turisti – pjanti tal-proġett tal-playing field
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti tal-proġett tal-playing field fi Triq it-Turisti kantuniera ma’ Triq Cassarino, Qawra, San Pawl il-Baħar u jinforma fiex ħa jkun qed jikkonsisti dan il-proġett? Kemm hi l-istima ta’ dan il-proġett u kif ser jiġi ffinanzjat? Meta hu ppjanat li jitlesta dan il-proġett?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-pjanti tal-proġett tal-playing field imsemmi, liema pjanti qed jiġu mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra, ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar u mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar fil-leġiżlatura preċedenti.
Infurmat ukoll li l-offerta mitfuħa approvata mill-istess Kunsill hi ta’ €434,610 (Vat eskluż).
Intant infurmat ukoll li l-proġett diġà kkwalifika mill-iskema ‘Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali – Komunitajiet isbaħ u aktar b’saħħithom’, bl-ammont ta’ €107,000.00 fejn €80,000.00 minhom ġew iddepożitati fil-kont tal-Kunsill f’Novembru 2022. Ma jżomm xejn lill-Kunsill milli japplika għal fondi addizzjonali oħra.
Finalment, infurmat li l-proġett huwa mistenni li jitlesta kompletament għall-aħħar tas-sena 2023.
Fgura – Triq il-Kunsill tal-Ewropa/Vjal Kottoner – xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex previst li tul din is-sena jsir ix-xogħol neċessarju fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa ma’ Vjal Kottoner fil-Fgura, fejn hemm roundabout żgħira, billi din qiegħda tisfronda?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Il-Belt Valletta – Knisja ta’ Santa Barbara – restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex ser isir ix-xogħol ta’ restawr neċessarju fil-Knisja ta’ Santa Barbara l-Belt Valletta tul din is-sena jew jekk hix ser tiġi inkluża fil-lista tal-istess bħala prijorità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Direttorat tar-Restawr li m’hemmx pjanijiet li jsir restawr fuq il-Knisja ta’ Santa Barbara l-Belt Valletta matul din is-sena minħabba l-fatt li hemm lista ta’ proġetti oħrajn li jieħdu preċedenza fil-prijorità.
Madankollu mhux eskluż li tittieħed azzjoni li titqies meħtieġa fiċ-ċirkostanzi.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3340, jista' l-Ministru jispjega kif skont it-tweġiba tiegħu huwa qed jgħid li kien ‘infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja’ li l-bye-law ġiet rifjutata, u fl-istess waqt skont il-Minuti ta' Laqgħa Nru 83/8 tal-Kunsill Lokali tal-Gudja li saret il-Ħamis 10 ta' Novembru 2022, u li jinsabu ppubblikati fis-sit tal-Kunsill Lokali, is-Sindku infurmat lill-Kunsill Lokali li ‘il-Kunsill ma wiġibx b'dak il-mod’ li kkwota l-Ministru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3340.
Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Line Item 5099
Question
B’referenza għal-Line Item 5099 tal-Ministeru, ‘Support to the Community Workers Scheme’, jista’ l-Ministru jgħid għaliex fl-Estimi tal-2022 kien ivvotat €300,000 u fl-Estimi tal-2023 dan il-fond niżel għal €120,000, jiġifieri nuqqas ta’ €180,000 f’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minkejja t-tnaqqis fl-Allokazzjoni Finanzjarja f’dan il-vot, l-ebda ħaddiem fl-iskema mhu ser jitlef postu.
Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Line Item 5160
Question
B’referenza għal-Line Item 5160 fl-Estimi tal-Ministeru għall-2023, ‘Maintenance by Local Councils of New Capital Projects made by Central Government’, jista’ l-Ministru jispega x’wassal għal dan it-tnaqqis ta’ €180,000 mill-Estimi tal-2022?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minkejja t-tnaqqis fil-Vot imsemmi għas-sena 2023 qed ikun rivedut il-metodu ta’ finanzjament ta’ skemi għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali.
Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Line Item 5569
Question
B’referenza għal-Line Item 5569 fl-Estimi tal-Bagit 2023 tal-Ministeru, ‘Local Councils’ Special Iniatives’, jista’ l-Ministru jispega x’wassal għal tnaqqis ta’ €1 miljun mill-Estimi tal-2022?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minkejja t-tnaqqis fil-Vot imsemmi għas-sena 2023 qed ikun rivedut il-metodu ta’ finanzjament ta’ skemi għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn qed joperaw is-sitt Reġjuni? Jista' f'kull każ jagħti l-indirizz ta' kull Reġjun? Jista' jgħid jekk il-binja li qed joperaw minnha hijiex proprjetà tal-Gvern jew proprjetà privata? F’kull każ, jista' jgħid kemm qed iħallas kera fis-sena kull Reġjun u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta' kera li kull Reġjun għandu?
Response (BONNICI, OWEN)
L-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt:
Kunsill Reġjonali
Indirizz tal-Binja
Proprjetà Privata/ Pubblika
Ammont ta' Kera Annwali (€)
Kunsill Reġjonali ta' Għawdex
Kunsill Reġjonali Għawdex, The Duke Business Centre, Triq l-Għaxra ta’ Ġunju 1887, Rabat, Għawdex
Propjeta Privata
€10,195.66
Kunsill Reġjonali Tramuntana
Kunsill Reġjonali Tramuntana,
112, Triq Ġulju, Buġibba,
San Pawl il-Baħar, SPB 2617
Proprjetà Privata
€16,306.00
Kunsill Reġjonali Lvant
Kunsill Reġjonali Lvant,
33, Triq il-Qasab, San Gwann SGN 1713 ; Tribunal Lokali - 7, Triq San Mikiel, San Gwann SGN 2301
Proprjetà Privata
€19,454.46
Kunsill Reġjonali Nofsinhar
Kunsill Reġjonali Nofsinhar,
395 Triq il-Vitorja, Ħal Qormi u
54 Triq San Rafel, Ħal Qormi
Proprjetà Pubblika li ġiet devoluta lill-Kunsill Reġjonali
Triq il-Vitorja: €2,730.00 fis-sena
Triq San Rafel: €1,520.00 fis-sena
Kunsill Reġjonali Port
Kunsill Reġjonali Port,
97, Triq Santa Marija,
Tarxien
Proprjetà Privata
€19,250.40
Intant infurmat illi fir-rigward tal-Kunsill Reġjonali tal-Punent dan qiegħed temporanjament jopera minn uffiċini fl-ewwel sular ġewwa l-Binja tal-Gvern Lokali, fil-Marsa.
Fid-dawl li numru ta’ residenti Siġġiwin qed jilmentaw dwar l-istat ħażin ta’ Triq l-Imdina fis-Siġġiewi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din it-triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ntgħażlu l-persuni biex ikunu ġudikanti tal-kompetizzjoni nazzjonali għall-presepji u jekk kienx hemm nutar li ħa ħsieb il-proċess tal-kompetizzjoni? Jista’ jsemmi min huma l-ġudikanti u l-kompetenza li għandhom fuq dan il-qasam?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet l-ispiża totali fejn jagħti break down tal-ispejjeż fosthom il-fotografija u oħrajn tal-iskultura mqiegħda fi Ġnien Sa Maison minn Ugo Rondinone? Jista’ jgħid ukoll fuq liema kriterji ntgħażel l-artist? Jista’ jgħid kemm kienet il-miżata tal-artist inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-alloġġ?