Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xewkija — Bus stop - riforma tat-trasport pubbliku

Question

Peress li r-residenti tax-Xewkija qed jilmentaw għaliex bir-riforma tat-trasport pubbliku tneħħew ħafna mill-bus stops li kien hemm u allura ġiet eliminata dik ir-rotta li tgħaddi minn Triq il-Kbira, miż-żona magħrufa bħala Ta' Ħanżira, u l-pjazza u allura l-poplu tax-Xewkija mhux moqdi bir-rotta l-ġdida kif saret, tant li ħafna nies qed jaqtgħu qalbhom appuntu jaqbdu dan it-trasport għaliex għandhom mixja sal-bus stop li tinsab fi Triq Ħamrija, peress li dan kollu huwa ta' nkonvenjent speċjalment għall-anzjani u dawk kollha li joqogħdu 'l bogħod minn Triq Ħamrija u Triq il-Mitħna, jista' l-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ttieħdet nota tal-kummenti li għaddiet l-Onor. Interpellant liema kummenti ser jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-proċess ta’ reviżjoni tar-rotot li ser jibda f’qasir żmien.

Belt — Triq Zekka - parkeġġ riżervat għall-ħaddiema tas-settur pubbliku

Question

Konformi mal-fatt li l-Belt hi sew amministrattiva kif ukoll residenzjali, jista' l-Ministru jara li l-pjazzetta 'l fuq nett fi Triq Żekka li fiha l-ipparkjar ta' vetturi hu riservat għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, waqt li dawn jaħdmu bil-ħin tas-sajf, tibda tinfetaħ għall-vetturi tar-residenti mis-2.00pm sas-7.00am?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-parkeġġ fiż-żona msemmija qiegħed jiġi rivedut u għaldaqstant għaddejt dan is-suġġeriment lil Transport Malta

MMA — Ta' Xbiex Yacht Marina - berth holders

Question

Jaf il-Ministru jekk bejn l-Awtorità Marittima ta' Malta u numru ta' berth holders jeżistix kuntratt dwar l-istess berthskonċernanti Ta' Xbiex Yacht Marina; kuntratti li ilhom jeżistu snin twal? Jista' jindika ma' min saru dawn il-kuntratti u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess kuntratti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-passat l-Awtorita' Marittima ta’ Malta ma kellhiex kuntratti mal-berth holders ta' Ta' Xbiex Yacht Marina peress li l-marinas tal-Awtorita' kienu regolati mill-Yachting Centres Regulations. Minħabba li l-marinas issa ġew privatiżżati, l-Awtorita' ħasset il-ħtieġa biex ikollha kuntratt annwali mal-berth holders li għad għandha taħtha fil-marina ta' Ta' Xbiex (Gżira Gardens). Madanakollu, sal-lum għadu ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — service contract agreements

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27360 u jgħid kemm saru service contract agreements mill-1 ta' Jannar 2011 f'kull dipartiment\uffiċċju li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u jagħti d-dettalji relattivi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sample contract ta' kull kategorija ta' kull service contract li sar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — klassifikazzjoni tal-kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi jfornu t-tliet kategoriji tal-klassifikazzjoni tal-kuntratturi li huma reġistrati li jagħmlu xogħol ta' toroq? Kuntratturi li mhumiex reġistrati jistgħu jagħmlu xogħol ta' toroq? X'irid jagħmel kuntrattur sabiex jirreġistra ma' Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-klassifikazzjoni ta' kuntratturi li qed jirreferi għaliha tapplika biss għal dawk il-kuntratturi li gew imdaħħla fil-qafas ta' dak li hu msejjaħ il-Framework Agreement, li jkopri biss xogħlijiet ta' Transport Malta, Enemalta u WSC. Għall-iskop ta' dan l-istess qafas kienet saret klassifikazzjoni tal-kuntratturi skont l-istess sejħa ta' parteċipazzjoni fejn il-kuntrattur juri nteress taħt liema kategorija jixtieq jitfa’ l-offerti, filwaqt li ġie assesjat fuq il-kapaċita` u l-esperjenza li kienet tirrikjedi l-istess kategorija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument tas-sejħa ta’ parteċipazzjoni. Għaldaqstant kuntratturi li ma wrewx l-interess f’din is-sejħa u li ma ġewx inklużi f’dan il-qafas awtomatikament, ma' jiġux msejħa biex jitfgħu offerti fuq dawk ix-xogħlijiet ta’ Transport Malta, Enemalta u WSC li jiġu kuntrattati minn dan il-proċess ta' Framework Agreement. Dan il-qafas huwa marbut għal sentejn u jista’ jiġi mġedded għal sentejn oħra fuq deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Madankollu x-xogħlijiet kollha l-oħra li jsiru minn entitajiet oħra Governattivi jew privati, Kunsilli Lokali, xogħol ieħor privat u oħrajn, u li għaldaqstant mhumiex marbuta b’dan il-qafas, isiru minn kuntratturi li huma reġistrati ma’ Trasport Malta u huma awtorizzati li jagħmlu xogħol fit-toroq skont l-Avviż Legali 29/2010.

Griza — Triq Luqa Briffa

Question

Jista' l-Ministru jara li Transport Malta tikkunsidra li parti minn Triq Luqa Briffa, il-parti ta' wara Muscat Showrooms & Garage, fejn bħalissa hija two way tiġi one way bħal Triq Nazju Ellul? Jista' l-Ministru jara li fuq il-parti l-oħra ta' Triq Luqa Briffa, kantuniera ma' Triq Giacintu, fejn it-triq hija qisha wiċċ il-qamar b'tappieri kbar maħruġin 'il fuq u b'periklu kbir għal min jgħaddi minnha, tingħata wiċċ b'tarmak?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fit-30 ta’ Novembru, 1999 il-Kunsill Lokali tal-Gżira kien issottometta talba sabiex it-triq imsemmija ssir one way. Fit-3 ta’ Jannar 2000, kienet ġiet approvata sistema ta’ one way li tinkludi Triq Luqa Briffa, il-parti ta’ wara ‘Muscat showrooms’. Minn spezzjoni li saret fuq il-post jidher li l-one way fil-parti tat-triq msemmija ma ġietx implimentata hekk kif kien approvat. Infurmat ukoll li Transport Malta ser tinforma lill-Kunsill Lokali tal-Gżira biex jirratifika in-nuqqas eżistenti. Fir-rigward għat-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta kienet diġa bdiet il-proċess ta’ bini tal-imsemmija triq, iżda peress li kien hemm żvilupp ta’ bini sostanzjali, x-xogħolijiet twaqqfu biex ma ssirx ħsara fuq il-wiċċ tat-triq. Tranport Malta ser tagħmel spezzjoni biex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni.

MIA — regolaturi

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistqosija parlamentari 27413, jista' l-Ministru jgħid min hija l-persuna jew l-entità li taġixxi ta' regolatur għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u tariffi stabbiliti minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Airport Charges Regulatory Board jaġixxi ta' regolatur tar-rati tal-Airport Charges. Il-funzjoni ta' Transport Malta bħala supervisory authority ġiet fis-seħħ riċentement permezz ta' l-Avviż Legali 132/11.

Qormi — Triq l-Imdina - siġar żgħar fis-central strip

Question

Jista' l-Ministru jara li s-siġar żgħar li hemm fis-central strip ta' Triq l-Imdina (fejn il-Klabb tal-Boċċi San Bastjan) jinżabru minħabba l-problema ta' nies li jaqsmu fl-inħawi bil-periklu li minħabba fihom dawn ma jarawx it-traffiku li jkun għaddej fl-inħawi, peress li diġà seħħew numru ta' inċidenti f'din il-parti tat-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tagħmel il-ko-ordinament neċessarju biex dan ix-xogħol isir mill-aktar fis.

Ħal Qormi -Triq l-Imdina — traffic lights - ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jara li tissewwa l-ħsara fit-traffic lights li hemm fi Triq l-Imdina Ħal Qormi fl-inħawi ta' fejn hemm l-arblu tal-festa peress li f'dawn il-ġranet ma kenux qed jaħdmu sew għall-pedestrians?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-imsemmija traffic lights ġew imsewwija.

parkeġġ riservat għaċ-ċimiterji

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li f'każ ta' parkeġġ riservat għaċ-ċimiterji fil-qalba tar-raħal u banek, dan il-parkeġġ isir bil-ħin biex ikun jista' jintuża filgħaxijiet u l-festi pubbliċi mill-pubbliku in ġenerali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fejn jiġu approvati reserved parking bays quddiem banek, dawn għandhom ikunu riservati waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju ħlief fejn hemm l-ATMs. Fir-rigward ta’ ċimiterji, dawn m’humiex eliġibbli għal reserved bays skont il-policies applikabbli.

Freeport — trasferiment lil terzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-gvern kellux talba mill-konċessjonarji tal-Freeport biex jittrasferixxi lil terzi parzjalment jew in toto d-drittijiet li huma għandhom fuq it-terminals tal-Freeport ta' Birżebbuġa?

Response (GATT, AUSTIN)

Nikkonferma li l-Malta Freeport Corporation qed jikkonsidra talba mill-operatur tal-Freeport container terminal biex ibiegħ lil-terzi, parti mill-ishma tal-kumpannija, bil-kundizzjonijiet eżistenti kollha.

rotot li jidħlu fl-interchange ta' Buġibba

Question

Billi jidher li se jkun hemm xi bidliet f'dawk li huma r-rotot tat-trasport pubbliku, jista' l-Ministru permezz ta' Transport Malta jara li r-rotot li jidħlu fl-interchange ta' Buġibba mingħajr il-bżonn li jagħmlu dan, partikolarment dawk li jitilqu miċ-Ċirkewwa u li jgħaddu mill-Mellieħa, jinbidlu biex jinqata' l-ħela ta' ħin tal-passiġġieri? Jista' ukoll jiġi kkunsidrat li r-rotta li twassal sa l-Isptar Mater Dei, minflok tgħaddi mill-bypass għalxejn, fil-fatt tgħaddi minn San Pawl il-Baħar u tgħabbi ukoll passiġġieri matul din ir-rotta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi Transport Malta rċeviet numru ta’ proposti rigward tibdil f’ċerti rotot fosthom dwar ir-rotot msemmija. Infurmat ukoll li dawn il-proposti qegħdin jiġu kkunsidrati u fl-istess ħin l-Awtorita’ qegħdha tara li jkun hemm bilanċ fis-servizzi offruti lill-passiġieri sabiex l-istess vjaġġi jkunu l-iqsar possibli u fl-istess ħin joffru skop għal vjaġġi alternattivi għall-passiġġieri mill- interchange ta’ Buġibba. Is-suġġeriment li minflok jintuża l-bypass, ir-rotta tgħadddi minn San Pawl il-Baħar, ovvjament iżid il-ħin tat-traġit.

Ħ'Attard — Triq Santa Katerina - rotot tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jara li t-tibdil li jrid isir fit-rotot tal-Arriva, jinkludi r-rotta li tgħaddi minn Triq Santa Katerina jew xi triq oħra viċin il-housing estate ta' Ħ'Attard għax bħalissa n-nies li joqogħdu f'dawn l-inħawi m'huma moqdija bl-ebda mod?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-residenti li joqgħodu fl-inħawi ta’ Triq Santa Katerina, Ħ’Attard preżentament qed jinqdew b’rotta 106 li tgħaddi fost oħrajn minn Misraħ Kola kif ukoll mill-viċinanzi tal-housing estate ta’ Ħ’Attard. Din ir-rotta tgħaqqad ukoll il-lokalità ma’ l-isptar Mater Dei.

Rotot minn Buġibba għal Golden Bay u minn Buġibba għar-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27514 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26650, jista' l-Ministru jgħid b'liema mod Transport Malta u Arriva se jkunu qed jevalwaw l-użu tar-rotot biex dawn jittjiebu skont il-bżonn? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li sar bejn Transport Malta u Arriva? Peress li bis-sistema l-ġdida ġew introdotti madwar 20 interchange f’Malta li l-iskop tagħhom huwa li jsir tibdil ta’ rotot minflok li r-rotot ikunu diretti lejn il-Belt Valletta, jista' jgħid preżentament fejn huma dawn l-interchanges? Jista' jgħid x'tip ta' konsultazzjoni kellha Trasport Malta mal-kunsilli lokali, jekk kellha, vis-a-vis r-rotot minn fejn jgħaddu l-karozzi tal-linja? Jekk iva, ma' liema kunsilli lokali kienet din il-konsultazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Arriva — Bisazza Street

Question

Ġaladarba nafu li l-Arriva se jitħallsu għax ngħalqet Bisazza Street, jista' l-Ministru jgħid kemm hu dan il-kumpens? Meta se jitħallas? Minn liema fond dawn il-flus tħallsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tiddiskuti ma’ Arriva Malta Ltd numru ta’ reviżjonijiet ta’ rotot, li fosthom jinkludu s-servizzi li mhux qed jgħaddu minn Triq Bisazza. Wara li jiġu konklużi dawn id-diskussjonijiet, jekk jirriżulta li jridu jsiru xi ħlasijiet għal dawn ir-reviżjonijiet, isir aġġustament fil-pagament annwali li jingħata lill-Arriva Malta Ltd., hekk kif jiġi approvat fl-estimi tal-baġit.

Xogħol ta' qdif waqt surveys li jsiru fuq il-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid min jagħmel ix-xogħol ta' qdif waqt surveys li jsiru fuq il-baħar? Jista' jgħid minn liema dipartiment jiġi magħżul l-individwu sabiex ikun jista' jitwettaq dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li meta jsiru hydrographic surveys bil-qdif, isiru min impjegat ta’ Transport Malta; u meta dan ma' jkunx jista’, jitqabbad ex-impjegat ta’ Transport Malta.

Transport Malta — Job title ta' impjegati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27205, jista' l-Ministru jgħid x'kien il-job title tal-impjegat fi ħdan Transport Malta qabel ma ġie affettwat it-trasferiment? Jista' jgħid x'inhu l-job title tal-istess impjegat illum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma' kien hemm l-ebda tibdil fil-job title tal-impjegat konċernat.

Transport Malta — ktajjen importati

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn ġew mixtrija u min importa l-ktajjen għall-użu ta' bagi fl-2010 li jaqgħu taħt Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sena l-oħra (2010) xtrajna dawn il- kwantitajiet ta' ktajjen mingħand l-aġenti hawn taħt imsemmija:- Pantheon Shipping Supplies €18,000.00 J.P. Baldachino € 1,494.56 Ray's Hardware Store € 4,014.78

Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili — lista tal-istaff

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista dettaljata tal-staff tekniku li jaqa' taħt id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili? Jista' jgħid x'inhu r-rwol ta' dawn l-uffiċjali u kemm minnhom mhumiex ċittadini Maltin? Jista' jgħid kemm minn dawn l-uffiċjali/ħaddiema huma fl-ingaġġ tal-Air Malta? Jekk mhumiex, huma fl-ingaġġ ta' xi kumpanija kummerċjali oħra? Jista' jikkonferma jekk hux konxju mill-implikazzjonijiet li jġibu l-ingaġġi simili?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-lista mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija mehmuża. Ninsab infurmat li s-servizz mogħti minn dawk il-persuni li kienu ngaġġati biex jagħtu servizz fuq bażi part-time kif meħtieġ minn żmien għal żmien, m’għandux x'jaqsam ma' ebda tip ta' xogħol relatat mal-entitajiet kummerċjali li jaħdmu magħhom biex hekk ikun żgurat li ma jkunx hemm kunflitt t'interess.